VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FL-EMIRATI GĦARAB MAGĦQUDA

(3-5 TA’ FRAR 2019)   

 

KONFERENZA STAMPA TAL-QDUSIJA TIEGĦU

TUL IT-TITJIRA LURA MINN ABU DHABI

 

Titjira Papali

It-Tlieta 5 ta’ Frar 2019

 

Gisotti:

Il-waranofsinhar it-tajjeb, Santità, u lilkom ilkoll. Aħna l-ġurnalisti spiss ninqdew bl-aġġettiv “storiku” u xi kultant jgħidulna li nużawh wisq ta’ spiss, imma forsi għal dan il-vjaġġ nagħmlu sew nużawh. Ħafna użawh f’tant lingwi differenti. Veru li kien vjaġġ qasir fit-tul tiegħu imma b’xefaq tassew wiesa’, u kulħadd jixtieq li l-frott ikun fit-tul, u jagħti ż-żerriegħa fi żminijietna. Vjaġġ li llum stess, ftit tas-sigħat ilu, ra l-laqgħa ma’ poplu li fih ħafna popli: l-organizzaturi lokali qalu li kien hemm preżenti kważi mitt nazzjonalità. U lbieraħ dan id-Dokument, ta’ valur tassew straordinarju, sorpriża, imma waħda minn dawk is-sorpriżi li nimmaġina li l-kollegi tiegħi ħadu pjaċir jirrakkontaw minħabba fl-importanza tagħha. Santità, ma nafx jekk qabel il-mistoqsijiet tridx tagħmel xi introduzzjoni żgħira inti.

 

Il-Papa Franġisku:

Qabelxejn il-ġurnata t-tajba, u grazzi tal-kumpanija. Kien vjaġġ qasir wisq, imma kienet esperjenza kbira. Naħseb li kull vjaġġ huwa storiku, u anki kull ġurnata tagħna fiha qed niktbu l-istorja ta’ kull ġurnata. L-ebda storja ma hi żgħira, l-ebda waħda. Kull storja hi kbira u denja, u anki jekk hi kerha, jekk id-dinjità hi moħbija, dejjem tista’ toħroġ. Grazzi ħafna tal-kollaborazzjoni tagħkom.

 

Gisotti:

Nibdew bil-mistoqsijiet, u kif inhi t-tradizzjoni, nibdew mill-ġurnalisti tal-post. Dan id-Dokument, li hu hekk mimli bil-kontenut, tassew li jqanqal ħafna mistoqsijiet, ħafna riflessjonijiet. Santità, l-ewwel li ħa jagħmel mistoqsija hu Imad Atrach, minn “Sky News Arabia”.

 

Imad Atrach:

Santità, liema se jkunu r-riżultati fil-qrib ta’ dan il-vjaġġ u x’impressjoni ħalla fuqek dan il-pajjiż, l-Emirati Għarab Magħquda?

 

Il-Papa Franġisku:

Rajt pajjiż modern, laqtitni l-belt, l-indafa tal-belt… U anki kurżitajiet żgħar: kif jagħmlu biex isaqqu l-fjuri f’dan id-deżert. Hu pajjiż modern, li jilqa’ fih ħafna popli li jiġu hawn. Hu pajjiż li jħares lejn il-futur. Ngħidu aħna, fost l-oħrajn, l-edukazzjoni tat-tfal: jedukaw b’ħarsa lejn il-futur, dejjem. Hekk spjegawli. Imbagħad, ħaġa oħra li laqtitni hi l-problema tal-ilma: qed ifittxu għall-futur, il-futur qarib, kif itellgħu l-ilma mill-baħar u jagħmluh tajjeb għax-xorb, u hekk anki l-ilma tal-umdità tal-arja… Dejjem ifittxu modi ġodda. U smajt lil xi ħadd jgħid ukoll: “Xi darba għad jonqosna l-pitrolju, u qed nippreparaw għal meta jasal dak il-jum, għax ikollna iżjed x’nagħmlu”. Dan hu pajjiż li jħares lejn il-futur. Imbagħad, deherli li hu pajjiż miftuħ, mhux magħluq. Anki r-reliġjożità: l-Iżlam hu Iżlam miftuħ, mhux magħluq, ta’ djalogu, Iżlam fratern u ta’ paċi. Dwar dan nisħaq fuq il-vokazzjoni għall-paċi li ħassejt preżenti, minkejja li hemm il-problemi ta’ xi gwerer fiż-żona, imma din ħassejtha. Imbagħad, messitli ħafna qalbi l-laqgħa mal-għorrief [il-Kunsill tal-Anzjani], mal-għorrief tal-Iżlam, ħaġa profonda; kienu ġejjin minn ħafna postijiet, minn ħafna kulturi. U dan ukoll juri s-sens ta’ ftuħ ta’ dan il-pajjiż għal ċertu djalogu reġjonali, universali, reliġjuż. Imbagħad, laqtitni l-laqgħa interreliġjuża: fatt kulturali qawwi; u barra dan – semmejtu fid-diskors – dak li għamlu hawn is-sena l-oħra fuq il-protezzjoni tat-tfal fil-midja, fuq l-internet. Għax hu minnu li l-pedopornografija llum saret “industrija” li tagħmel ħafna flus u tapprofitta mit-tfal. Dan il-pajjiż intebaħ b’dan u għamel ħwejjeġ pożittivi. Żgur li sa jinqalgħu problemi u aspetti negattivi, imma fi vjaġġ ta’ inqas minn jumejn dawn l-affarijiet ma tarahomx u, jekk tarahom, tħares in-naħa l-oħra… U grazzi tal-akkoljenza.

 

Gisotti:

Issa se jistaqsik Nour Salman, mill-“Emirates News Agency”.

 

Nour Salman:

Santità, grazzi ħafna ta’ din l-opportunità. Il-mistoqsija li rridu nistaqsu hi: issa li d-Dikjarazzjoni ta’ Abu Dhabi għall-fraternità umana ġiet iffirmata, dan id-dokument kif ħa jiġi applikat fil-futur? U x’inhuma l-ħsibijiet tiegħek wara li l-Maestà Tiegħu Mohammed Bin Zayed ħabbar il-bini tal-knisja ta’ San Franġisk u l-moskea tal-Imam Ahmed El-Tayeb?

 

Il-Papa Franġisku:

Id-Dokument tħejja b’ħafna riflessjoni u anki bit-talb. Kemm l-Imam il-Kbir bl-équipe tiegħu, kemm jien b’tiegħi, tlabna ħafna biex irnexxielna nagħmlu dan id-Dokument. Għax jien nara biss periklu wieħed kbir bħalissa: il-qerda, il-gwerra, il-mibegħda bejnietna. U jekk aħna li nemmnu m’aħniex kapaċi nnewlu jdejna lil xulxin, ngħannqu lil xulxin, inbusu lil xulxin u anki nitolbu, il-fidi tagħna tisfa mirbuħa. Dan id-Dokument twieled mill-fidi tagħna f’Alla li hu Missier ta’ kulħadd u Missier tal-paċi u jikkundanna kull qerda, kull terroriżmu, sa mill-ewwel terroriżmu tal-istorja li hu dak ta’ Kajjin. Hu dokument li żviluppa kważi f’sena, ġejjin, sejrin, nitolbu… Imma baqa’ hemm sabiex jimmatura, fil-moħbi, biex ma neħilsux it-tarbija qabel iż-żmien, biex inħalluh jimmatura. Grazzi.

 

Gisotti:

Santità, qabel il-mistoqsija li jmiss għandna omaġġ tal-ġurnalista ta’ Alittihad. [joffri kwadru lill-Papa]

 

Issa se jagħmillek il-mistoqsija tiegħu l-kollega Joerg Seisselberg mill-“ARD” Ġermaniż.

 

Joerg Seisselberg:

Santità, kien vjaġġ mimli laqgħat, impressjonijiet, immaġni. Baqgħet f’moħħi wkoll l-immaġni tal-wasla tiegħek: ġejt milqugħ bl-unuri militari, bl-ajruplani militari li pinġew fl-ajru l-kuluri tal-Vatikan. Nistaqsi: dan kif nistgħu nikkonċiljawh mal-Papa Franġisku, mal-Papa li ġej b’messaġġ ta’ paċi? Xi tħoss u x’taħseb f’dawn il-mumenti? U dejjem fuq din it-tema, is-sejħa tiegħek għall-paċi fil-Yemen, x’reazzjonijiet irċivejt fil-laqgħat tiegħek li jġagħluk tittama li dan il-messaġġ ħa jiġi milqugħ, li se jsiru passi lejn il-paċi fil-Yemen? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

Grazzi. Jien interpretajt dawn il-ġesti kollha ta’ merħba bħala ġesti ta’ rieda tajba. Kulħadd jagħmilhom skont il-kultura tiegħu. U x’sibt hawn? Akkoljenza hekk kbira li riedu jagħmlu minn kollox, ħwejjeġ żgħar u kbar, għax ħassew li ż-żjara tal-Papa kienet ħaġa tajba. Xi ħadd anki barka qal: dan jafu Alla, imma huma jħossuha, jekk qed ninterpeta tajjeb, bħala ħaġa tajba, u riedu li jien inħossni milqugħ. Fuq il-problema tal-gwerer: int semmejt waħda. Naf li diffiċli nagħti opinjoni wara jumejn u wara li tkellimt fuq l-argument ma’ ftit persuni; imma nista’ ngħid li sibt rieda tajba biex nibdew proċessi ta’ paċi. Dan [l-atteġġjament] sibtu xi ftit jew wisq bħala fattur komuni meta tkellimt fuq is-sitwazzjonijiet ta’ gwerer – int semmejt dik tal-Yemen –. Sibt rieda tajba biex nibdew proċessi ta’ paċi.

 

Gisotti:

Issa se jagħmillek il-mistoqsija tiegħu Domenico Agasso minn “La Stampa”. Din għalih hi t-tieni titjira papali, imma din hi l-ewwel okkażjoni li qed jagħmillek mistoqsija f’konferenza stampa fuq l-ajruplan. F’idejk, Domenico.

 

Domenico Agasso:

Santità, wara l-iffirmar storiku tal-bieraħ tad-Dokument tal-fratellanza, fil-fehma tiegħek, liema sa jkunu l-konsegwenzi fid-dinja Iżlamika, speċjalment meta naħsbu fil-kunflitti fil-Yemen u fis-Sirja? U anki liema sa jkunu l-konsegwenzi bejn il-Kattoliċi, meta tqis li hemm parti mill-Kattoliċi li qed jakkużawk li qed tħalli l-Musulmani jinqdew bik?

 

Il-Papa Franġisku:

U mhux biss lill-Musulmani! Jakkużawni li qed inħalli lil kulħadd jinqeda bija, anki l-ġurnalisti! Dan jagħmel parti mix-xogħol [tiegħi]. Imma iva, hemm ħaġa li rrid ngħid. Din nisħaq fuqha ċar u tond: mill-perspettiva Kattolika d-Dokument ma ċċaqlaqx millimetru wieħed bogħod mill-Konċilju Vatikan II. Jiġi anki kkwotat, ’l hawn u ’l  hemm. Id-Dokument sar fl-ispirtu tal-Konċilju Vatikan II. U ridt, qabel ma niddeċiedi u ngħid: “Qiegħed tajjeb hekk, nagħlquh hekk” – tal-inqas min-naħa tiegħi –, ridt li jaqrah teologu u anki uffiċjalment it-Teologu tad-Dar Pontifiċja, li hu Dumnikan, bit-tradizzjoni sabiħa Dumnikana, mhux dik li jiġru wara s-sħaħar imma li jaraw fejn qiegħed it-tajjeb, u dan approvah. Jekk hemm min qed iħossu skomdu, jiena nifhmu, mhix ħaġa ta’ kuljum din, u mhuwiex pass lura, hu pass ’il quddiem, imma pass ’il quddiem li ġie wara ħamsin sena, mill-Konċilju li għandu jkompli jiżviluppa. L-istoriċi jgħidu li biex Konċilju jniżżel għeruqu fil-Knisja jrid mitt sena. Qegħdin nofs triq. U dan jista’ jħawwad lil xi wħud, anki lili. Ħa ngħidlek, rajt frażi [tad-Dokument] u għidt: “Imma din il-frażi, ma nafx hix tajba…”. Kienet frażi tal-Konċilju! U ssorprenda lili wkoll! Fid-dinja Iżlamika hemm ħafna fehmiet, xi wħud iżjed radikali, oħrajn le. Ilbieraħ fil-Kunsill tal-għorrief kien hemm ukoll almenu Xita wieħed, magħruf sew universalment, u tkellem tajjeb… Sa ssib fosthom – ma nafx sewwa – imma ħa ssib diskrepanzi… Dan hu proċess, u l-proċessi jimmaturaw, bħall-fjuri, bħall-frott.

 

Gisotti:

Grazzi, Santità. Ngħaddu issa għall-grupp tal-Franċiżi ta’ Matilde Imberty minn “Radio France”.

 

Matilde Imberty:

Il-lejla t-tajba, Santità. Int għadek kemm temmejt iż-żjara fl-Emirati u fi ftit żmien ieħor sejjer il-Marokk: anki dak hu vjaġġ importanti. Donna qed nifhmu li int għażilt li titkellem ma’ interlokuturi magħżula apposta mid-dinja Iżlamika. Din xi strateġija? Imbagħad, dejjem dwar l-Iżlam, id-Dokument storiku ffirmat ilbieraħ hu ambizzjuż ħafna f’dik li hi edukazzjoni: fil-fehma tiegħek, jista’ tassew imiss lill-fidili Musulmani? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

Jiena naf u smajt minn xi Musulmani li [id-Dokument fuq il-Fratellanza Umana] sa jiġi studjat fl-universitajiet, tal-inqas żgur mhux forsi f’Al-Azhar, u fl-iskejjel. Studjat, mhux impost. Hekk, biex inkun bdejt mill-aħħar mistoqsija tiegħek. Imbagħad, il-qrubija taż-żewġ vjaġġi ġiet xi ftit jew wisq b’kumbinazzjoni, għax jien ridt immur Marrakech, għal-laqgħa [is-Summit fuq il-Global Compact], imma hemm inqalgħu kwistjonijiet ta’ protokoll: ma stajtx nattendi għal laqgħa internazzjonali mingħajr l-ewwel ma nagħmel żjara lill-pajjiż, u ma kellix żmien. U għalhekk dik iż-żjara ppostponejnieha, u għandha ssir ftit wara din. Kien is-Segretarju tal-Istat li mar Marrakech. Hi kwistjoni diplomatika, u anki ta’ rispett, imma ma kinitx xi ħaġa ppjanata minn qabel. Anki fil-Marokk se nimxi fuq il-passi ta’ San Ġwanni Pawlu II, li mar hemm: kien l-ewwel li mar hemm. Sa jkun vjaġġ sabiħ. Imbagħad waslu stediniet oħra minn pajjiżi Għarab oħra, imma din is-sena ma hemmx ħin. Naraw is-sena d-dieħla, jien jew Pietru ieħor, jekk imurx xi ħadd! Grazzi.

 

Gisotti:

Tajjeb. Maria Sagrario Ruiz mir-“Radio Nacional de España”. Grazzi.

 

Maria Sagrario Ruiz (Radio Nacional de España):

Il-lejla t-tajba, Santità. Se nagħmel il-mistoqsija tiegħi bl-Ispanjol. Id-diplomazija tal-Vatikan għandha storja twila ta’ diplomazija f’passi żgħar fejn tidħol il-medjazzjoni ta’ kunflitti. Nixtieq infakkar is-sena 1978 meta l-medjazzjoni ta’ Ġwanni Pawlu II evitat gwerra bejn l-Arġentina u ċ-Ċili. Ilbieraħ smajna li hemm ittra minn Nicolás Maduro, u issa rġajna lura [għat-tema tal-] Veneżwela, li tesprimi x-xewqa tiegħu li jerġa’ lura għad-djalogu; int għandek is-Segretarju tal-Istat Parolin li dan il-pajjiż jafu perfettament. Għajnejn kulħadd, ħafna minnhom, huma ffukati fuq il-Papa Franġisku u fuq il-Vatikan. X’qed jagħmel il-Vatikan jew x’qed jippjana li jagħmel? Int għidt li int lest tagħmel medjazzjoni jekk jitolbuk. Kif inhuma l-affarijiet bħalissa?

 

Il-Papa Franġisku:

Grazzi. Il-medjazzjoni bejn l-Arġentina u ċ-Ċili kienet tassew att kuraġġjuż ta’ San Ġwanni Pawlu II, li evita gwerra, li kienet imminenti. Hemm passi żgħar, u l-aħħar wieħed hu l-medazzjoni. Huma passi żgħar tal-bidu, li jiffaċilitaw, imma mhux biss fil-Vatikan, imma fid-diplomazija kollha: qrubija lejn xulxin biex jinfetħu possibbiltajiet ta’ djalogu. Hekk isir fid-diplomazija. Nemmen li mis-Segreterija tal-Istat jistgħu jispjegawlek tajjeb il-passi differenti kollha li jistgħu jsiru. Qabel dan il-vjaġġ jien kont naf li kienet sa tasal mal-posta diplomatika ittra ta’ Maduro. Din l-ittra għadni ma qrajthiex. Naraw x’jista’ jsir. Imma biex issir – nagħmlu l-aħħar pass – medjazzjoni, irid ikun hemm ir-rieda taż-żewġ partijiet: iż-żewġ naħat iridu jitolbuha. Hekk kien il-każ tal-Arġentina u ċ-Ċili. Is-Santa Sede fil-Veneżwela kienet preżenti fil-mument tad-djalogu li fih kien hemm ukoll il-kompatrijott tiegħek, Rodríguez Zapatero: l-ewwel laqgħa ma’ Mons. Tscherrig, u mbagħad kompla Mons. Celli. U hemm “twieled ġurdien tal-imramma”: xejn, duħħan. Issa, ma nafx, ħa nara dik l-ittra, u nara x’jista’ jsir. Imma l-kundizzjonijiet tal-bidu huma li ż-żewġ naħat jitolbu dan. Aħna dejjem issibna disposti. L-istess ħaġa bħal meta n-nies tmur għand il-Kappillan għax tinqala’ problema bejn il-miżżewġin. Jiġi wieħed, u jgħid: “Imma l-parti l-oħra ġejja jew mhix? Trid jew ma tridx?”. Dejjem iż-żewġ naħat iridu jkunu, dan hu s-sigriet. U anki għall-pajjiżi, din hi kundizzjoni li l-ewwel iridu jaħsbu fuqha qabel ma jitolbu faċilitazzjoni jew il-preżenza ta’ osservatur jew ta’ medjazzjoni. Iż-żewġ naħat, dejjem. Grazzi. U… nixtieq immur, Spanja!

 

Gisotti:

Issa se tagħmillek mistoqsija Nicole Winfield mill-“Associated Press”.

 

Nicole Winfield:

Santità, il-ġimgħa l-oħra r-rivista femminili tal-Osservatore Romano ppubblikat artiklu b’kundanna għall-abbuż sesswali tan-nisa kkonsagrati fil-Knisja – nisa adulti, is-sorijiet – min-naħa tal-kleru. Xi xhur ilu anki l-Unjoni Internazzjonali tas-Supejuri Maġġuri wkoll ħarġet kundanna pubblika ta’ din il-problema. Nafu li l-laqgħa li sa ssir minn hawn u ftit ġimgħat oħra l-Vatikan se tittratta l-abbuż fuq il-minuri, imma nistgħu nistennew li s-Santa Sede ħa tagħmel xi ħaġa biex taffronta wkoll din il-problema, forsi b’dokument jew xi linji-gwida? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

Din se nweġibha, int ibqa’ hawn, imma nippreferi l-ewwel nispiċċa fuq il-vjaġġ, u mbagħad l-ewwel li se nwieġeb hija tiegħek. Tajjeb hekk?

 

Gisotti:

Allura, waqt li Nicole tibqa’ hawn, ħa tersaq Maria Angeles Aconde ta’ “Rome Reports”.

 

Maria Angeles Aconde:

Buenas tardes, Santità. Kellek laqgħa mal-Kunsill tal-Anzjani. Tista’ tgħidilna, daqskemm hu possibbli, x’suġġetti ġew diskussi u jekk intix sejjer lura Ruma bl-impressjoni li l-messaġġ tiegħek intlaqa’ minnhom?

 

Il-Papa Franġisku:

L-anzjani veru huma għorrief. L-ewwel kellimt lill-Imam il-Kbir, imma lil kull wieħed minnhom, ibda mill-ixjeħ li tkellem bl-Ispanjol – iva, għax kien mill-Mawritanja u hemm kien tgħallmu, anzjan, ta’ tmenin sena – sal-iżgħar wieħed, li hu s-segretarju u tkellem ftit ilu, imma qal kollox f’vidjo, l-ispeċjalità tiegħu, għax hu komunikatur. Għoġbitni din il-laqgħa, kienet ħaġa sabiħa ħafna. Bdew biex lissnu l-kelma muftieħ: “għerf”, u mbagħad “fedeltà”. Saħqu li hi mixja tal-ħajja fejn dan l-għerf jikber u l-fedeltà tissaħħaħ, u minn hemm tikber il-ħbiberija bejn il-popli. Kienu minn diversi… ma nafx kif nispjega: wieħed kien Xita, oħrajn b’diversi nuances… U mbagħad din it-triq tal-għerf u tal-fedeltà twasslek għall-bini tal-paċi, għax il-paċi hi opra tal-għerf u tal-fedeltà, fedeltà umana, bejn il-popli, u dan kollu. Jien bqajt bl-impressjoni li kont sibt ruħi qalb il-veri għorrief; u din hi garanzija, għall-Imam il-Kbir, li għandu dan il-Kunsill.

 

Angelina:

Ħriġt sodisfatt, nimmaġina…

 

Il-Papa Franġisku:

Iva, sodisfatt ħafna, grazzi.

 

Gisotti:

Għandna wkoll lil Sofia Barbarani ta’ “The National”, li hu ġurnal importanti ħafna għal Abu Dhabi.

 

Sofia Barbarani:

Il-ġurnata t-tajba, il-mistoqsija li ridna nagħmlulek, dejjem mill-grupp ta’ ġurnali ta’ Abu Dhabi, kienet: illum ġiet tifla twassallek ittra – rajnieha – ġriet lejk meta kont fil-karozza. Xtaqna nkunu nafu jekk hux ġa qrajt l-ittra, u jekk tafx x’kienet tgħid…

 

Il-Papa Franġisku:

Ma kellix ċans għad. L-ittri qegħdin hemm, qed jikklassifikawhom biex naqrawhom wara.

 

Sofia Barbarani:

U tista’ tgħidli x’impressjoni ħalliet fuqek li rajt din it-tifla ġejja lejk?

 

Il-Papa Franġisku:

Dik it-tifla kuraġġjuża! Waqqfuha, u jien għidtilhom: “Le, ħalluha tersaq!”. Dik it-tifla għandha futur, għandha futur! U nissogra ngħid: miskin min ħa jkun żewġha! [jidħak, jidkħu] Għandha futur, kuraġġjuża. Għoġbitni, għax trid il-kuraġġ biex tagħmel dan. U mbagħad ġiet oħra warajha, kienu tnejn: rat lill-oħra u għamlet il-qalb.

 

Gisotti:

Mela, hemm mistoqsijiet oħra fuq il-vjaġġ: Inés San Martín u Franca Giansoldati, jekk tħaffu ftit.

 

Franca Giansoldati:

Santità, l-Imam El-Tayeb tkellem, ikkundanna l-Iżlamofobija, il-biża’ mill-Iżlam. Għaliex ma smajna xejn fuq il-Kristjanofobija, jew fuq il-persekuzzjoni tal-Insara?

 

Il-Papa Franġisku:

Fil-verità jien tkellimt fuq il-persekuzzjoni tal-Insara, mhux f’dak il-ħin, imma qed insemmiha spiss. Anki f’dan il-vjaġġ tkellimt – ma niftakarx fejn – imma tkellimt. Ma nafx, nemmen li d-Dokument hu iżjed wieħed ta’ għaqda u ta’ ħbiberija, u sħaqt fuq dan. Issa qed jiġini f’moħħi: id-Dokument jikkundanna wkoll, jikkundanna l-vjolenza. U xi gruppi li jsejħu lilhom infushom Iżlamiċi – anki jekk l-għorrief jgħidu li dak mhuwiex Iżlam – jippersegwitaw l-Insara. Niftakar dak il-missier f’Lesbos bi tlitt itfal. Kellu tletin sena, mhux aktar, u bid-dmugħ f’għajnejh qalli: “Jien Musulman, marti kienet Nisranija, u ġew it-terroristi tal-Isis, raw is-salib, u qalulha: ‘Ikkonverti!’. U hi qaltilhom: ‘Le, jiena Nisranija’. U quddiemi ħanxruha”. Din hi l-ħobża ta’ kuljum tal-gruppi terroristiċi. Mhux biss mal-Insara, imma anki l-qerda, il-qerda tal-persuna. Għalhekk id-Dokument ikkundanna bil-qawwa kollha f’dan is-sens.

 

Gisotti:

Dejjem fuq il-vjaġġ, Inés San Martín minn “Crux”.

 

Ines San Martin:

Santità, mistoqsija li fil-verità hi marbuta ma’ dik li għadha kemm staqsietek il-kollega tiegħi, għax ma kellniex ċans nikkordinaw bejnietna. Imma, kif għidt fl-aħħar vjaġġ, kelli l-opportunità nintervista lill-Arċisqof ta’ Mosul fl-Iraq, li dejjem jgħid li qed jistennewk u jiċħad li l-isqfijiet għadhom qed jiddiskutuha, imma jgħid li sempliċiment qed jistennewk. Int tkellimt fuq libertà reliġjuża, tkellimt fuq libertà reliġjuża lil hemm mil-libertà tal-kult. Tista’ tespandi iżjed fuq din? Għax illum konna, jew hawn qegħdin, nirritornaw minn pajjiż li hu magħruf għat-tolleranza tiegħu, imma llum ħafna mill-Kattoliċi li kienu fiċ-ċentru sportiv, illum għall-ewwel darba minn kemm ilhom li waslu fl-Emirati Għarab Magħquda, setgħu jkunu jperrċu l-fidi tagħhom u fiex jemmnu. Għalhekk, jista’ jkun hemm bidla li tmur lil hemm mis-sempliċi ġurnata tal-lum?

 

Il-Papa Franġisku:

Kull proċess għandu bidu, le? Tista’ tipprepara att, twettqu, imbagħad ikun hemm qabel u wara. Nemmen li l-libertà dejjem hi proċess, trid tkun dejjem fi progress, tikber kontinwament, ma tridx tieqaf. Impressjonatni taħdita li kelli qabel tlaqt – ma’ tifel ta’ tlettax-il sena f’Ruma li ried jiltaqa’ miegħi, ried jiltaqa’ miegħi u għalhekk qgħadt nistennieh u qalli: “Mela, hemm xi affarijiet li nsibhom interessanti, imma rrid ngħidlek li jien atew. X’għandi nagħmel bħala atew biex insir bniedem ta’ paċi?”. U jien għidtlu: “Agħmel dak li tħoss”, u qgħadt nitkellem ftit miegħu. Imma għoġobni l-kuraġġ ta’ dak it-tifel: hu ateu imma jfittex it-tajjeb, qed ifittex din it-triq. Anki dan hu proċess, proċess li rridu nirrispettaw u nsieħbu. Insieħbu l-proċessi kollha lejn it-tajjeb, kollha, ikun xi jkun il-“kulur” tagħhom. U nemmen li dawn huma passi ’l quddiem. Grazzi.

 

Gisotti:

Mela, Santità, qrobna lejn l-aħħar tal-ħin li għandna. Imma hemm tweġiba li għadek trid tagħti…

 

Il-Papa Franġisku:

Huwa minnu, il-maltrattament tan-nisa hu problema. Nissogra ngħid li l-umanità għadha ma mmaturatx, il-mara għadha titqies “tat-tieni klassi”. Tibda minn hawn: hi problema kulturali. Imbagħad tasal sal-femminiċidji. Hemm pajjiżi fejn il-maltrattament tan-nisa jasal sal-femminiċidju. U qabel ma niġi għall-mistoqsija konkreta tiegħek, kurżità li qaluli, imma intom agħmlu l-indaġni tagħkom biex taraw jekk hix minnha jew le. Qaluli li l-oriġni tal-ġojjelli tan-nisa kien f’pajjiż antikissmu – ma nafx, tal-Orjent –, fejn kien hemm il-liġi li tkeċċi lill-mara, li tirrifjutaha. Jekk ir-raġel, f’dak il-pajjiż – ma nafx dan hux minnu jew le – jgħidilha: “Itlaq ’l hemm”, f’dak il-ħin, b’ta’ fuqha senduqha, kien ikollha titlaq, bla tieħu xejn magħha. U allura n-nisa bdew jagħmlu l-ġojjelli, tad-deheb u l-ħaġar prezzjuż, biex ikollhom biex jgħixu. Dan ma nafx hux veru jew le, imma interessanti. Stħarrġuha. Issa l-mistoqsija tiegħek [fuq l-abbuż tar-reliġjużi nisa min-naħa ta’ kjeriċi]. Huwa minnu, fil-Knisja kien hemm ukoll xi kjeriċi li għamlu dan; f’xi kulturi hi ħaġa iktar qawwija milli f’oħrajn; mhix ħaġa li jagħmel kulħadd, imma kien hemm saċerdoti u anki isqfijiet li dan għamluh. U jien nemmen li għadu jsir, għax mhijiex ħaġa li, malli tinduna biha, ħa tieqaf. Il-ħaġa tibqa’ sejra. Din ilna naħdmu fuqha. Issospendejna xi kjeriċi, keċċejniehom, minħabba f’hekk. U anki – ma nafx intemmx il-proċess – kellna nxolju anki xi kongregazzjoni reliġjuża femminili li kienet marbuta ħafna ma’ dan, għamla ta’ korruzzjoni. Ma nistax ngħid: “Id-dar din m’għandix…”. Hu veru. Hemm bżonn issir xi ħaġa iżjed? Iva. Irridu nagħmluha? Iva. Imma hi mixja li ġejja mill-bogħod. Il-Papa Benedittu kellu l-kuraġġ li jxolji kongregazzjoni ta’ ċertu livell, għax kienet daħlet f’għamla ta’ manipulazzjoni tan-nisa, saħansitra manipulazzjoni sesswali [kif imfisser mid-direttur ad interim tas-Sala Stampa, il-Papa, bit-terminu skjavitù, ried ifisser “manipulazzjoni”, għamla ta’ abbuż ta’ poter li jirrifletti ruħu wkoll f’abbuż sesswali] min-naħa tal-kjeriċi jew tal-fundatur. Xi drabi l-fundatur jieħu l-libertà, ineżża’ lis-sorijiet mil-libertà tagħhom, u jista’ jasal għal dan. Fuq il-Papa Benedittu rrid nisħaq li hu bniedem li kellu l-kuraġġ li jagħmel ħafna ħwejjeġ fuq dan. Hemm anneddotu: hu kellu f’idejh il-karti kollha, id-dokumenti kollha, dwar organizzazzjoni reliġjuża li kellha l-korruzzjoni fiha, sesswali u ekonomika. Hu [meta kien Kardinal] kien imur u kien ikun hemm filtri, u ma setax jinfed. Fl-aħħar il-Papa [San Ġwanni Pawlu II], biex jifhem il-verità, għamel laqgħa, u Joseph Ratzinger mar hemm bil-pakkett u bil-karti kollha tiegħu. U meta ġie lura qal lis-segretarju tiegħu: “Poġġih fl-arkivju, għaddiet tan-naħa l-oħra”. M’għandniex għax nieħdu skandlu b’daqshekk, huma passi fi proċess. Imma mbagħad, meta sar Papa, l-ewwel ħaġa li qal kienet: “Ġibli dawk il-karti mill-arkivju”, u beda… Dak li jingħad fuq il-Papa Benedittu jurih bħala twajjeb ħafna, iva, għax hu twajjeb, twajjeb, biċċa ħobż tagħmel ħsara iktar minnu, twajjeb! Imma jpinġuh bħala wieħed dgħajjef, meta dgħajjef m’għandu xejn! Kien bniedem b’saħħtu, bniedem koerenti f’dak li jagħmel. Hu beda… U hemm, f’dik il-kongregazzjoni, kien hemm din il-problema li qed issemmi int. Itlob li nistgħu nibqgħu mexjin ’il quddiem. Nixtieq nibqa’ miexi… Hemm każijiet, f’xi kongregazzjonijiet, speċjalment ġodda, u f’xi reġjuni iżjed minn oħrajn. Iva, hekk hu. Qed naħdmu.

 

Gisotti:

Grazzi, Santità. U grazzi lilkom kollha. Imma fl-aħħar nett għandna sorpriża għal kollega li waslet f’punt importanti ħafna, importanti ħafna.

 

Il-Papa Franġisku:

Qaluli li qed niffesteġġjaw il-150 anniversarju ta’ Valentina [Alazraki, fil-150 Vjaġġ papali tagħha]! [jidħak, jidħku] Imma jien m’iniex naraha daqshekk immumifikata! Hi mara li għandha għeruq interessanti. Darba għidtilha: “Jekk tmur tagħmel test tad-demm, lil tad-demm timbarazzah!”.

 

Grazzi ħafna! Itolbu għalija, tinsewx, għandi bżonn. Grazzi!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard