DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
LILL-PARTEĊIPANTI TAL-KONVENJU NAZZJONALI MNIEDI
MIĊ-ĊENTRU FAMILJARI “DAR TAT-TENEREZZA”
DWAR IT-TEMA “IT-TEOLOĠIJA TAT-TENEREZZA FIL-PAPA FRANĠISKU”

Sala Clementina
Il-Ħamis, 13 ta’ Settembru, 2018

 

 

Għeżież ħuti,

insellmilkom minn qalbi u rrodd ħajr lill-Kardinal Bassetti tal-kliem ġentili li ndirizzali f’isimkom, u wkoll għal dak li għidtuli dwar il-ħidma ta’ aġġornament tax-xogħol li tagħmlu.  Dal-ġranet intom se tirriflettu dwar it-teoloġija tat-tenerezza u nixtieq ngħidilkom sempliċiment xi ħaġa, għax meta rajt it-titlu bdejt nistudja.  Ġagħaltuni naqra dan il-ktieb biex nifhem x’kienet il-”ħaġa”.  Ktieb sabiħ, li intom tafuh, dak ta’ Rocchetta.  Hu bravu....Dak hu? (applaws).

Nixtieq sempliċiment nipproponielkom tlett suġġerimenti.

L-ewwel wieħed hu dwar l-espressjoni teoloġija tat-tenerezza.  Teoloġija u tenerezza donnhom jidhru żewġ kelmiet bogħod minn xulxin: l-ewwel waħda tfakkarna fil-qasam akkademiku, it-tieni fir-relazzjonijiet personali.  Fil-fatt il-fidi tagħna tgħaqqadhom b’rabta li ma tinħallx.  Infatti t-teoloġija ma tistax tkun astratta – kieku kellha tkun astratta kienet tkun ideoloġija -, għax tinbet minn għarfien eżistenzjali, titwieled mil-laqgħa mal-Verb magħmul bniedem!  Għalhekk, it-teoloġija għandha s-sejħa li tikkomunika l-konkretezza ta’ Alla mħabba.  It-tenerezza hija “eżistenzajal konkret” biex fi żmienna ssarraf l-imħabba li l-Mulej għandu lejna.

Illum, infatti, mqabbel mal-passat, nikkonċentraw anqas dwar il-kunċett jew dwar il-prassi u aktar dwar “dak li nħossu”.  Jista’ ma jinżilx tajjeb, imma hu stat ta’ fatt: nibdew minn dak li nħossu.  It-teoloġija żgur li ma tistax tkun sentiment, imma lanqas ma tista tinsa li f’ħafna nħawi tad-dinja, il-metodu li bih ikunu affrontati l-kwistjonijiet vitali m’għadux jibda mill-aħħar mistoqsijiet jew mill-esiġenzi soċjali, imma mill-emozzjonijiet li tħoss fiha l-persuna.  Induru lejn it-teoloġija biex takkumpanja din ir-riċerka eżistenzjali, u tqiegħed fiha d-dawl li jiġi mill-Kelma t’Alla.  F'das-sens, teoloġija tat-tenerezza kif suppost, tista' tiddeklinalna l-karità divina.  Dan hu possibbli għax l-imħabba t’Alla mhijiex prinċipju ġenerali astratt, imma personali u konkreta, mgħoddijja lill-intimu mill-Ispirtu s-Santu.  Infatti Hu jidħol u jittrasforma s-sentimenti u l-ħsibijiet tal-bniedem.  Allura liema jista’ jkun il-kontenut tat-teoloġija tat-tenerezza?  Jidhirli li tnejn huma importanti, u huma ż-żewġ punti li nixtieq noffrilkom: is-sbuħija li nħossuna maħbubin minn Alla u s-sbuħija li nħossuna maħbubin f’isem Alla.

Inħossuna maħbubin.  Huwa messaġġ li wasal għandna aktar qawwi dawn l-aħħar żminijiet: mill-Qalb Imqaddsa, minn Ġesù ħanin, mill-ħniena bħala karatteristika essenzjali tat-Trinità u tal-ħajja nisranija.  Illum il-Liturġija fakkritna l-kelma ta’ Ġesù: “Ħennu bħalma hu ħanin Missierkom” (Lq 6,36).  it-tenerezza tista’ turi propju l-mod kif illum aħna nilqgħu il-ħniena divina.  It-tenerezza tikxifna, quddiem il-wiċċ patern, dak matern ta’ Alla, ta’ Alla innamrat mill-bniedem, li jħobbna b’imħabba infinitament akbar  minn dik li  għandha omm lejn binha (cfr 49,15).  F’kull ma’ jiġri, f’kull ma’ nagħmlu, nibqgħu ċerti li Alla hu qribna, mimli kumpassjoni, lest biex iħossu mqanqal għalina.  Il-kelma tenerezza hi kelma li ssaħħaħ, hija l-antidotu tal-biża’ minn Alla, għax “fl-imħabba ma hemmx biża’” (1 Ġw 4,18) għaliex il-fiduċja tegħleb il-biża’.  Li nħossuna maħbubin ifisser għalhekk li nafdaw f’Alla, li ngħidulu, kif irid Hu: “Ġesù jiena nafda fik”.

Dawn, flimkien ma’ kunsiderazzjonijiet oħra jistgħu jseddqu l-valur tar-riċerka: biex lill-Knisja ntuha teoloġija “ta’ togħma bnina”, biex ngħinu lilna nfusna ħalli l-fidi tagħna tkun aktar “infurmata”, taħraq bl-imħabba u bit-tama; biex tħeġġiġna nilwu rkuptejna, minsusin u miġrugħin mill-imħabba divina.  F’das-sens it-tenerezza tfakkarna fil-Passjoni.  Infatti s-Salib huwa s-siġill tat-tenerezza divina, li tixrob mill-pjagi tal-Mulej.  Il-ġrieħi tiegħu li jidhru huma t-twieqi li jberrħu mħabbtu li ma tidhirx.  Il-Passjoni tiegħu tistedinna nittrasformaw il-qalb tal-ġebel tagħna f’qalb tal-laħam, u timliena entużjażmu għal Alla. U għall-bniedem, għall-imħabba t’Alla.

Hekkhu allura, it-tieni punt: inħossu li nħobbu.  Meta l-bniedem iħoss li hu verament maħbub, iħoss ukoll il-ġibda li jħobb.  Wara kollox, jekk Alla hu tenerezza infinita, il-bniedem ukoll, maħluq xbieha tiegħu, hu kapaċi li jkollu t-tenerezza.  Allura t-tenerezza, bogħod milli ssir biss sentimentaliżmu, hija l-ewwel pass biex aħna ma nirtirawx fina nfusna, biex noħorġu mill-egoċentriżmu li jisfigura l-libertà umana.  It-tenerezza ta’ Alla twasslna nifhmu li s-sens tal-ħajja hija l-imħabba.  B’hekk nifhmu aħjar li l-għerq tal-libertà tagħna mhix l-awtoreferenzjalità. U nħossuna msejħin biex inferrgħu l-imħabba li rċevejna mingħand il-Mulej fid-dinja, biex niddikjarawha fil-Knisja, fil-familja, fis-soċjetà, biex nikkonjugawha fis-servizz u fl-għotja tagħna nfusna.  Dan kollu mhux bħala dmir, imma għall-imħabba, għall-imħabba ta’ dak li jħobbna b’tant tenerezza.

Dawn il-punti qosra jindirizzawna lejn teoloġija f’mixja: teoloġija li toħroġ mid-djuq li kultant issib ruħha mxekkla fih u li ddur lejn Alla bid-dinamiżmu, taqbad lill-bniedem minn idu; teoloġija li ma tkunx narċisista, imma miftuħa għas-servizz tal-komunità; teoloġija li ma tikkuntentax billi toqgħod ittenni l-mudelli tal-imgħoddi, imma tkun Kelma inkarnata.  Żgur li l-Kelma t’Alla qatt ma tinbidel (cfr Lhud 1,1-2;13,8), imma l-laħam li hi msejħa biex tilbes, dan iva, jinbidel f’kull epoka.  Hemm tant xogħol għalhekk għat-teoloġija u għall-missjoni tagħha llum: li tinkarna l-Kelma t’Alla għall-Knisja u għall-bniedem tat-tielet millennju.  Illum aktar minn qatt qabel neħtieġu rivoluzzjoni tat-tenerezza.  Din issalvana.

Nafdaw l-approfondiment ta’ ħidmitkom lill-Madonna, Omm it-tenerezza.   Inberikkom u flimkien magħkom inbierek il-komunitajiet li ġejjin minnhom filwaqt li nitlobkom li titolbu u ġġagħalu lil min jitlob għalija.  Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber