VELJA TA’ TALB MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ TALJANI

 

Circo Massimo

Is-Sibt 11 ta’ Awwissu 2018

 

RIFLESSJONI TAL-GĦELUQ MILL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

Għeżież żgħażagħ,

 

Grazzi ta’ din il-laqgħa ta’ talb, fid-dawl tas-Sinodu li jmiss tal-Isqfijiet.

 

Nirringrazzjakom ukoll għax qabel dan l-appuntament kien hemm nisġa ta’ tant mixjiet li fihom intom sirtu pellegrini, flimkien mal-isqfijiet u s-saċerdoti tagħkom, f’toroq u mogħdijiet tal-Italja, qalb it-teżori ta’ kultura u ta’ fidi li missirijietkom ħallewlkom b’wirt. Imxejtu f’postijiet fejn tgħix u taħdem in-nies, mimlijin ħajja u mmarkati mit-taħbit, fl-ibliet u fl-irħula u mqar fl-irħajla ċkejkna u l-aktar imbiegħda. Nittama li stajtu dduqu fil-fond tal-qalb tagħkom il-ferħ u d-diffikultajiet, il-ħajja u l-fidi tal-poplu Taljan.

 

Fis-silta tal-Vanġelu li għadna kemm smajna (ara Ġw 20:1-8), Ġwanni jirrakkontalna dik l-għodwa li ma nistgħu qatt nistħajlu u li bidlet darba għal dejjem l-istorja tal-umanità. Ejjew nippruvaw inġibuha quddiem għajnejna, dik l-għodwa: mal-ewwel dawl tas-sebħ tal-jum ta’ wara s-Sibt, madwar il-qabar ta’ Ġesù kulħadd jiġri. Marija ta’ Magdala tmur tiġri tavża lid-dixxipli; Pietru u Ġwanni jiġru lejn il-qabar… Kulħadd jiġri, kulħadd iħoss l-urġenza li jitħarrek: m’hemmx żmien x’jintilef aktar, irridu nħaffu… Kif kienet għamlet Marija – tiftakru? – malli nisslet lil Ġesù, biex tmur tgħin lil Eliżabetta.

 

Għandna ħafna raġunijiet għaliex niġru, spiss biss għax għandna ħafna affarijiet x’nagħmlu u ż-żmien qatt mhu biżżejjed. Xi drabi niġru għax tiġbidna xi ħaġa ġdida, sabiħa, interessanti. Xi drabi, bil-maqlub, niġru biex naħarbu minn xi theddida, xi periklu…

 

Id-dixxipli ta’ Ġesù jiġru għax irċivew l-aħbar li l-ġisem ta’ Ġesù għeb mill-qabar. Qlub Marija ta’ Magdala, Xmun Pietru, Ġwanni huma mimlija bl-imħabba u jħabbtu qishom ta’ mġienen, wara dik il-firda li kienet dehret li sa tkun għal dejjem. Forsi terġa’ titkebbes fihom it-tama li se jerġgħu jaraw il-wiċċ tal-Mulej! Bħal f’dak l-ewwel jum meta kien wegħedhom: “Ejjew u taraw” (Ġw 1:39). Ġwanni li jiġri l-iktar, bla dubju għax hu l-iżjed żagħżugħ, imma wkoll għax qatt ma waqaf jittama wara li kien ra b’għajnejh lil Ġesù jmut fuq is-salib; u anki għax kien qrib ta’ Marija, u għalhekk kien “ittieħed” mill-fidi tagħha. Meta aħna nħossu li qed tonqsilna jew tibirdilna l-fidi, ejjew immorru għandha, għand Marija, u hi tgħallimna, tifhimna, tgħinna nħossu l-fidi.

 

Minn dik l-għodwa ’l quddiem, għeżież żgħażagħ, l-istorja ma baqgħetx l-istess. Dik l-għodwa bidlet l-istorja. Is-siegħa li fiha l-mewt dehret se tittrijonfa, fir-realtà ssir is-siegħa tat-telfa tagħha. Lanqas dik il-ġebla tqila, quddiem il-qabar, ma setgħet tiqaflu. U mis-sbiħ ta’ dak l-ewwel jum wara s-Sibt, kull fejn il-ħajja hi mkasbra, kull spazju fejn jaħkmu l-vjolenza, il-gwerra, il-miżerja, hemm fejn il-bniedem hu umiljat u maħqur, f’dak il-post tista’ terġa’ tixgħel mill-ġdid it-tama tal-ħajja.

 

Għeżież ħbieb, intom imxejtu u ġejtu hawn għal dan l-appuntament. U issa l-ferħ tiegħi hu li nħoss lil qlubkom iħabbtu bl-imħabba għal Ġesù, bħal dawk ta’ Marija Maddalena, ta’ Pietru u ta’ Ġwanni. U billi intom żgħażagħ, jien, bħal Pietru, nifraħ narakom tiġru iżjed bis-saħħa, bħal Ġwanni, imqanqla mill-enerġija tal-qalb tagħkom, sensibbli għal-leħen tal-Ispirtu li jagħti l-ħajja lill-ħolm tagħkom. Għalhekk jien ngħidilkom: tikkuntentawx ruħkomx bil-pass prudenti ta’ min jintefa’ fuq wara nett tar-ringiela. Tikkuntentawx ruħkom bil-pass prudenti ta’ min jintefa’ fuq wara nett tar-ringiela. Hemm bżonn tal-kuraġġ biex tirriskjaw u toqomsu ’l quddiem, qabża kuraġġjuża u bla biża’ biex toħolmu u bħal Ġesù twettqu s-Saltna ta’ Alla, u tħabirku għal umanità iktar fraterna. Għandna bżonn tal-fraternità: irriskjaw u imxu!

 

Nieħu pjaċir narakom tiġru iżjed bis-saħħa minn min fil-Knisja jeħodha iżjed bil-mod u jibża’ iżjed, miġbudin minn dak il-Wiċċ hekk maħbub, li aħna nqimu fl-Ewkaristija mqaddsa u nagħrfu fil-laħam ta’ ħuna li qed ibati. L-Ispirtu s-Santu jimbuttakom hu f’din il-ġirja ’l quddiem. Il-Knisja għandha bżonn tal-qabża tagħkom, tal-intuwizzjonijiet tagħkom, tal-fidi tagħkom. Għandna bżonn! U meta taslu hemm fejn aħna għadna ma wasalniex, ħudu paċenzja stennewna, bħalma Ġwanni stenna lil Pietru quddiem il-qabar vojt. U ħaġa oħra: mexjin flimkien, f’dawn il-ġranet, intom stajtu tifhmu kemm trid tirsisti biex tilqa’ lil ħuk jew lil oħtok li jinsabu maġenbek, imma wkoll x’ferħ tista’ tagħtini l-preżenza tagħhom jekk nilqagħha fil-ħajja tiegħi mingħajr preġudizzji jew għeluq. Meta nimxu waħidna ma nkunu marbuta ma’ xejn, u forsi nistgħu ngħaġġlu iżjed, imma meta nimxu flimkien insiru poplu, il-poplu ta’ Alla. Il-poplu ta’ Alla li jagħtina ċertezza, iċ-ċertezza li aħna nagħmlu parti mill-poplu ta’ Alla… U mal-poplu ta’ Alla tħossok iżjed fiż-żgur, fil-poplu ta’ Alla, fl-appartenenza tiegħek għall-poplu ta’ Alla għandek identità. Hemm qawl Afrikan li jgħid hekk: “Jekk trid tgħaġġel, iġri waħdek. Jekk trid tasal ’il bogħod, mur ma’ xi ħadd ieħor”.

 

Il-Vanġelu jgħid li Pietru daħal l-ewwel wieħed fil-qabar u ra l-faxex tal-għażel fl-art u l-maktur mitwi f’post ieħor. Imbagħad jidħol ukoll id-dixxiplu l-ieħor, li – jgħid il-Vanġelu – “ra, u emmen” (v. 8). Importanti ħafna din il-koppja ta’ verbi: tara u temmen. Il-Vanġelu ta’ Ġwanni l-ħin kollu jirrakkonta kif id-dixxipli raw is-sinjali ta’ Ġesù u emmnu fih. Tara u temmen. X’sinjali huma dawn? Tal-ilma mibdul fi nbid għat-tieġ; ta’ xi morda mfejqa; ta’ agħma mit-twelid li jibda jara; ta’ folla kbira mitmugħa b’ħames ħobżiet u żewġ ħutiet; tal-qawmien tal-ħabib Lazzru, li kien ilu mejjet erbat ijiem. F’dan is-sinjali kollha Ġesù juri l-wiċċ ta’ Alla li ma jidhirx.

 

Dik li tidher fis-sinjali ta’ Ġesù mhix ir-rappreżentazzjoni tal-perfezzjoni divina, imma r-rakkont tad-dgħufija umana li tiltaqa’ mal-Grazzja li tgħolliha mill-ġdid. Hemm l-umanità miġruħa li tiġi mfejqa mil-laqgħa miegħu; hemm il-bniedem li waqa’ u jsib driegħ miftuħ lejh li miegħu jista’ jaqbad; hemm il-konfużjoni tal-mirbuħa li jiskopru t-tama tal-fidwa. U Ġwanni, meta jidħol fil-qabar ta’ Ġesù, għandu f’għajnejh u f’qalbu dawk is-sinjali li wettaq Ġesù u li bihom sar ħaġa waħda mad-dramma umana biex seta’ jerfagħha mill-ġdid. Għeżież żgħażagħ, Ġesù Kristu mhuwiex eroj li ma jistax imut, imma dak li jibdel il-mewt bid-don tal-ħajja tiegħu. U dak il-liżar mitwi b’reqqa qed jgħidilna li mhux sa jkollu bżonnu iżjed: il-mewt m’għandhiex aktar setgħa fuqu.

 

Għeżież żgħażagħ, huwa possibbli niltaqgħu mal-Ħajja fl-imkejjen fejn hemm issaltan il-mewt? Iva, possibbli. Jiġina li nwieġbu li le, li aħjar noqogħdu b’seba’ għajnejn, nitbiegħdu. Imma dan hu l-aspett ġdid u rivoluzzjonarju tal-Vanġelu: il-qabar vojt ta’ Kristu jsir l-aħħar sinjal li minnu tilma r-rebħa dejjiema tal-Ħajja. U allura ejjew ma nibżgħux! Ma naħarbux mill-postijiet tat-tbatija, tat-telfa, tal-mewt. Alla tana qawwa ikbar mill-inġustizzji u d-dgħufijiet kollha tal-istorja, ikbar mid-dnub tagħna: Ġesù rebaħ fuq il-mewt u ta ħajtu għalina. U qed jibgħatna nxandru lil ħutna li hu l-Irxoxt, hu l-Mulej, u jagħtina l-Ispirtu tiegħu biex flimkien miegħu niżirgħu s-Saltna ta’ Alla. F’dik il-għodwa ta’ Ħadd il-Għid inbidlet l-istorja: ejjew nagħmlu l-qalb!

 

Kemm oqbra – biex ngħidu hekk – illum qed jistennew iż-żjara tagħna! Kemm persuni midruba, anki żgħażagħ, issiġillaw it-tbatija tagħhom billi “poġġew – biex ngħidu hekk – blata fuqha”. Bil-qawwa tal-Ispirtu u l-Kelma ta’ Ġesù nistgħu nneħħu dawk il-ġebliet tqal u nħallu jidħlu r-raġġi tad-dawl f’dawk ix-xquq mudlama.

 

Il-mixja tagħkom lejn Ruma kienet sabiħa u mimlija taħbit; aħsbu ftit kemm taħbit, imma kemm sabiħ! Imma daqshekk ieħor sabiħa u impenjattiva sa tkun il-mixja tagħkom lura lejn djarkom, lejn l-irħula tagħkom, lejn il-komunitajiet tagħkom. Imxuha bil-fiduċja u l-enerġija ta’ Ġwanni, id-“dixxiplu l-maħbub”. Iva, is-sigriet kollu hemm qiegħed, f’li tkun u f’li tkun taf li int “maħbub”, “maħbuba” minnu, Ġesù, il-Mulej, iħobbna! U kull wieħed u waħda minna, lura d-dar, ħa jpoġġi dan f’qalbu u f’moħħu: Ġesù, il-Mulej, iħobbni. Jiena maħbub. Jiena maħbuba. Inħoss iż-żegħila ħelwa ta’ Ġesù li jħobbni. Imxu bil-kuraġġ u bil-ferħ il-mixja lura d-dar, imxuha bl-għarfien li intom maħbuba minn Ġesù. Hekk, b’din l-imħabba, il-ħajja ssir ġirja tajba, bla tensjoni, bla biża’, dik il-kelma li teqridna. Bla tensjoni u bla biża’. Ġirja lejn Ġesù u lejn ħutna, b’qalbna mimlija mħabba, fidi u ferħ. Hekk morru!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard