LAQGĦA “IL-PROTEZZJONI TAL-MINURI FIL-KNISJA”

[IL-VATIKAN, 21-24 TA’ FRAR 2019]

KONĊELEBRAZZJONI EWKARISTIKA

 

Sala Regia

Il-Ħadd 24 ta’ Frar 2019

 

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FI TMIEM IL-LAQGĦA

 

Għeżież ħuti,

 

Mar-radd ta’ ħajr tagħna lill-Mulej li kien miexi magħna f’dawn il-jiem, nixtieq nirringrazzja lilkom kollha għall-ispirtu ekkleżjali u l-impenn konkret li wrejtu b’tant ġenerożità.

 

Il-ħidma tagħna wasslitna biex nagħrfu, għal darb’oħra, li l-gravità tal-pjaga tal-abbużi sesswali fuq il-minuri b’xorti ħażina hi fenomenu storikament mifrux fil-kulturi u s-soċjetajiet kollha. Imma kien biss relattivament dan l-aħħar li din saret oġġett ta’ studji sistematiċi, grazzi għall-bidla fis-sensibbiltà tal-opinjoni pubblika fuq problema li fl-imgħoddi kienet meqjusa tabù, jiġifieri kulħadd kien jaf li teżisti imma ħadd ma kien isemmiha. Dan ifakkarni wkoll fil-prattika kiefra reliġjuża, fl-imgħoddi mifruxa f’xi kulturi, li jiġu offruti bnedmin – spiss tfal – bħala sagrifiċċju fir-riti pagani. Madankollu, imqar illum l-istatistiċi li għandna f’idejna dwar l-abbużi sesswali fuq il-minuri, imxandra minn diversi organizzazzjonijiet u organiżmi nazzjonali u internazzjonali (Oms, Unicef, Interpol, Europol u oħrajn), ma jirrappreżentawx id-daqs veru tal-fenomenu, li spiss mhux stmat kemm għandu jkun l-aktar minħabba li ħafna każi ta’ abbużi sesswali fuq il-minuri ma jiġux irrappurtati,[1] b’mod partikulari dawk bla għadd li jsiru fl-ambitu tal-familji.

 

Fil-fatt, rari l-vittmi jafdaw u jfittxu l-għajnuna.[2] Wara din iċ-ċerta telqa jista’ jkun hemm il-mistħija, il-konfużjoni, il-biża’ mill-vendetta, is-sens ta’ ħtija, in-nuqqas ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet, il-kundizzjonamenti kulturali u soċjali, imma wkoll in-nuqqas ta’ informazzjoni dwar is-servizzi u l-istrutturi li jistgħu jgħinu. B’xorti ħażina l-weġgħa twassal għad-delużjoni, saħansitra għas-suwiċidju, jew xi drabi biex wieħed jivvendika ruħu billi jispiċċa hu wkoll jagħmel l-istess ħaġa. L-unika ħaġa ċerta hi li miljuni ta’ tfal fid-dinja huma vittmi ta’ sfruttament u ta’ abbużi sesswali.

 

Importanti hawn li nħarsu mill-ġdid lejn iċ-ċifri ġenerali – fil-fehma tiegħi dejjem parzjali – fuq livell globali,[3] imbagħad Ewropew, Asjatiku, Amerikan, Afrikan u tal-Oċeanja, biex nagħtu kwadru sħiħ tal-gravità u ta’ kemm niżlet fil-fond din il-pjaga fis-soċjetajiet tagħna.[4] Biex nevita diskussjonijiet bla siwi, nixtieq ngħid qabelxejn li qed insemmi ċerti pajjiżi sempliċiment biex nista’ nikkwota r-riżultati tal-istatistika li saret fl-imsemmija Rapporti.

 

L-ewwel verità li toħroġ mill-istatistika li għandna hi li dawk li jwettqu l-abbużi, jew il-vjolenza (fiżika, sesswali jew emottiva), huma l-aktar il-ġenituri, il-qraba, iż-żwieġ ta’ għarajjes li għadhom żgħar, dawk li jieħu ħsieb it-taħriġ sportiv u l-edukaturi. Barra minn hekk, skont l-istħarriġ tal-Unicef fl-2017 dwar 28 pajjiż fid-dinja, minn kull 10 tfajliet li kellhom relazzjonijiet sesswali sfurzati, 9 kienu vittmi ta’ persuna li jafu jew kienet qrib tal-familja.

 

Skont l-istħarriġ uffiċjali tal-Gvern Amerikan, fl-Istati Uniti ’l fuq minn 700,000 tifel u tifla kull sena huma vittmi ta’ vjolenza u maltrattament, u skont l-International Center For Missing and Exploited Children (ICMEC), tifel minn kull 10 jġarrab abbuż sesswali. Fl-Ewropa, 18-il miljun tifel u tifla huma vittmi ta’ abbużi sesswali.[5]

 

Jekk naqbdu l-eżempju tal-Italja, ir-rapport ta’ Telefono Azzurro tal-2016 juri li 68.9% tal-abbużi jseħħu ’l ġewwa mill-ħitan tad-dar tal-minuri.[6]

 

Mhux biss l-ambjent tad-dar hu teatru ta’ vjolenzi, imma anki dak tal-lokal fejn wieħed ikun jgħix, tal-iskola, tal-isport u,[7] jiddispjaċina ngħidu, anki dak ekkleżjali.

 

Mill-istudji li saru fl-aħħar snin fuq il-fenomenu tal-abbużi sesswali fuq minuri, joħroġ ukoll li l-iżvilupp tal-internet u tal-mezzi ta’ komunikazzjoni għandu sehem fil-mod kif qed jiżdiedu qatigħ il-każijiet ta’ abbużi u vjolenza onlajn. It-tixrid tal-pornografija qed jikber b’rata mgħaġġla fid-dinja permezz tal-internet. Il-pjaga tal-pornografija ħadet dimensjonijiet tat-twerwir, b’effetti li jagħmlu ħsara kbira lill-moħħ u lir-relazzjonijiet bejn raġel u mara, u bejnhom u bejn it-tfal. Hu fenomenu li dejjem qed jikber. Parti mdaqqsa sew mill-produzzjoni pornografika, b’xorti ħażina, għandha bħala oġġett tagħha l-minuri, li b’dan il-mod jiġu midruba gravament fid-dinjità tagħhom. L-istudji f’dan il-qasam – b’għafsa ta’ qalb – jiddokumentaw li dan qed iseħħ b’modi dejjem iżjed orribbli u vjolenti; wasalna fl-estrem tal-atti ta’ abbuż fuq il-minuri li jiġu kkummissjonati u segwiti b’mod dirett permezz tal-internet.[8]

 

Infakkar hawn fil-Kungress internazzjonali li ltaqa’ f’Ruma dwar it-tema tad-dinjità tat-tfal fl-era diġitali; kif ukoll fl-ewwel Forum tal-Patt interreliġjuż għal Komunitajiet iżjed fiż-żgur, li ltaqa’, fuq l-istess tema, f’Novembru li għadda, f’Abu Dhabi.

 

Pjaga oħra hi t-turiżmu sesswali: skont iċ-ċifri tal-2017 tal-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu, kull sena fid-dinja tliet miljun ruħ jivvjaġġaw biex ikollhom relazzjonijiet sesswali ma’ minuri.[9] Hu sinifikattiv il-fatt li l-awturi ta’ dawn il-krimini, fil-biċċa l-kbira tal-każi, ma jirrikonoxxux li dak li qed jagħmlu hu reat.

 

Għaldaqstant, ninsabu quddiem problema universali u ta’ kulħadd li b’xorti ħażina niltaqgħu magħha kullimkien. Ħa nkunu ċari: l-universalità ta’ din il-pjaga, waqt li tikkonferma l-gravità tagħha fis-soċjetajiet tagħna,[10] ma tnaqqasx mill-mostrożità tagħha fi ħdan il-Knisja.

 

Id-diżumanità tal-fenomenu fuq livell dinji ssir iktar gravi u skandaluża fil-Knisja, għax hi f’kuntrast mal-awtorità morali tagħha u mal-kredibbiltà etika tagħha. L-ikkonsagrat, magħżul minn Alla biex imexxi lill-erwieħ lejn is-salvazzjoni, iħalli taħkmu d-dgħufija umana tiegħu, jew il-marda tiegħu, u hekk isir għodda ta’ Satana. Fl-abbużi aħna naraw l-id tal-ħażen li minn taħtha xejn ma jeħlisha, lanqas l-innoċenza tat-tfal. Qatt ma jista’ jkollna biżżejjed spjegazzjonijiet għal dawn l-abbużi fil-konfront tat-tfal. Umilment u bil-kuraġġ kollu jeħtieġ nagħrfu li ninsabu quddiem il-misteru tal-ħażen, li jeħodha bl-aħrax kontra l-iżjed dgħajfa għax huma xbieha ta’ Ġesù. Għalhekk fil-Knisja bħalissa kiber l-għarfien li mhux biss irridu nfittxu li nwaqqfu l-abbużi gravissmi b’miżuri dixxiplinari u proċessi ċivili u kanoniċi, imma anki naffrontaw b’determinazzjoni l-fenomenu kemm fi ħdan u kemm barra mill-Knisja. Hi tħossha msejħa tiġġieled lil dan il-ħażen li qed imiss il-qalba tal-missjoni tagħha: li tħabbar il-Vanġelu liċ-ċkejknin u tipproteġihom mill-ilpup ħattafa.

 

Hawn nixtieq nisħaq b’mod l-iżjed ċar: kull darba li fil-Knisja jinstab li hemm imqar każ wieħed ta’ abbuż – li waħdu diġà hu mostrożità – dan il-każ jiġi affrontat bl-ikbar serjetà. Ħuti: fir-rabja, iġġustifikata, tan-nies, il-Knisja tilmaħ il-mera tar-rabja ta’ Alla, ittradut u mogħti bil-ħarta minn dawn l-ikkonsagrati diżonesti. L-eku tal-karba siekta taċ-ċkejknin, li flok paternità u gwidi spiritwali, sabu fihom il-qattiela tagħhom, iriegħed il-qlub immewta mill-ipokrezija u mill-poter. Aħna għandna d-dmir li nisimgħu b’attenzjoni din il-karba siekta u fgata.

 

Għalhekk, hu diffiċli nifhmu l-fenomeni tal-abbużi sesswali fuq il-minuri mingħajr ma nqisu x’inhu l-poter, għax dawn huma dejjem il-konsegwenza tal-abbuż tal-poter, l-isfruttament ta’ pożizzjoni ta’ inferjorità ta’ min jiġi abbużat u ma jistax jiddefendi ruħu, li jippermetti l-manipulazzjoni tal-kuxjenza tiegħu u tad-dgħufija psikoloġika u fiżika tiegħu. L-abbuż tal-poter hu preżenti wkoll fl-għamliet l-oħra ta’ abbużi li tagħhom huma vittmi kważi ħamsa u tmenin miljun tifel u tifla, minsija minn kulħadd: it-tfal-suldati, it-tfal prostituti, it-tfal li m’għandhomx x’jieklu, it-tfal maħtufa u spiss vittmi tal-kummerċ mostruż tal-organi umani, jew mibdula fi lsiera, it-tfal vittmi tal-gwerer, it-tfal rifuġjati, it-trabi abortiti, u l-bqija.

 

Quddiem tant kefrija, tant sagrifiċċju idolatriku tat-tfal lill-alla poter, flus, kburija, suppervja, l-ispjegazzjonijiet empiriċi waħidhom mhumiex biżżejjed; dawn mhumiex kapaċi jispjegaw il-wisa’ u t-tul ta’ din it-traġedja. Għal darb’oħra l-ermenewtika pożittivistika turi l-limitazzjonijiet tagħha. Tagħtina spjegazzjoni vera li tgħinna nieħdu l-miżuri meħtieġa, imma mhix kapaċi tagħtina sinifikazzjoni. U aħna għandna bżonn ta’ spjegazzjonijiet u ta’ sinifikazzjonijiet. L-ispjegazzjonijiet jgħinuna ħafna fl-ambitu operattiv, imma jħalluna nofs triq.

 

Allura, liema hi s-“sinifikazzjoni” eżistenzjali ta’ dan il-fenomenu kriminali? Meta naraw il-wisa’ u t-tul uman tagħha, illum din mhix għajr il-manifestazzjoni attwali tal-ispirtu tal-ħażen. Jekk ma nagħtux kas ta’ din id-dimensjoni, nibqgħu bogħod mill-verità u mingħajr soluzzjonijiet veri f’idejna.

 

Ħuti, illum ninsabu quddiem manifestazzjoni tal-ħażen, sfaċċata, aggressiva u qerrieda. Wara u ġewwa dan hemm l-ispirtu tal-ħażen li fil-kburija u fis-suppervja tiegħu jħossu sid id-dinja[11] u jaħseb li diġà rebaħ. U dan nixtieq ngħidhulkom bl-awtorità ta’ ħukom u ta’ missier, ċkejken u midneb, imma li hu r-Ragħaj tal-Knisja li tippresiedi fl-imħabba: f’dawn il-każi ta’ wġigħ ta’ qalb jien nara l-id tal-ħażin li lanqas lill-innoċenza taċ-ċkejknin ma teħlisha. U dan iwassalni biex naħseb fl-eżempju ta’ Erodi li, imġiegħel mill-biża’ li jitlef il-poter tiegħu, ordna li joqtlu lit-trabi kollha ta’ Betlehem.[12] Wara dan kollu hemm ix-xitan.

 

U kif hemm bżonn nieħdu l-miżuri prattiċi kollha li s-sens komun, ix-xjenzi u s-soċjetà qed joffrulna, bl-istess mod ma rridux ninsew din ir-realtà u nieħdu l-miżuri spiritwali li l-istess Mulej jgħallimna: umiljazzjoni, akkuża tagħna nfusna, talb, penitenza. Dan hu l-uniku mod kif nistgħu negħlbu l-ispirtu tal-ħażen. Hekk rebaħlu Ġesù.[13]

 

Għalhekk l-għan tal-Knisja hu dak li tisma’, tħares, tipproteġi u tikkura l-minuri abbużati, sfruttati u minsija, qegħdin fejn qegħdin. Il-Knisja, biex tilħaq dan l-għan, trid togħla ’l fuq mill-polemiċi kollha ideoloġiċi u l-politika ġurnalistika li spiss jistrumentalizzaw, għal interessi varji, l-istess traġedji li jkunu jgħixu ċ-ċkejknin.

 

Għalhekk, waslet is-siegħa li nikkollaboraw flimkien biex inqaċċtu din il-brutalità mill-ġisem tal-umanità tagħna, billi naddottaw il-miżuri kollha meħtieġa li diġà qed jittieħdu fuq livell internazzjonli u fuq livell ekkleżjali. Waslet is-siegħa li nsibu l-bilanċ it-tajjeb tal-valuri kollha li qed jispiċċaw f’riskju u nagħtu direttivi uniformi għall-Knisja, waqt li nevitaw iż-żewġ estremi ta’ ġustizzjaliżmu, ipprovokat mis-sens ta’ ħtija għall-iżbalji tal-imgħoddi u mill-pressjoni tad-dinja medjatika, u ta’ awtodifiża, li ma taffrontax il-kawżi u l-konsegwenzi ta’ dawn id-delitti gravi.

 

F’dan il-kuntest nixtieq insemmi l-“Best Practices” ifformulati, taħt il-gwida tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa,[14] minn grupp ta’ għaxar aġenziji internazzjonali li żviluppa u approva pakkett ta’ miżuri msejjaħ INSPIRE, jiġifieri seba’ strateġiji biex iwaqqfu l-vjolenza fuq it-tfal.[15]

 

Fuq il-binarji ta’ dawn il-linji-gwida, il-Knisja, fil-mixja leġislattiva tagħha, grazzi wkoll għall-ħidma li saret fl-aħħar snin mill-Kummissjoni Pontifiċja għall-Ħarsien tal-Minuri u għall-kontribut ta’ din il-laqgħa tagħna, se tikkonċentra fuq dawn id-dimensjonijiet:

 

1. Il-ħarsien tat-tfal: l-għan ewlieni ta’ kull miżura hu dak li nipproteġu ċ-ċkejknin u ma nħallux li jaqgħu vittmi ta’ xi abbuż psikoloġiku u fiżiku. Mela jeħtieġ nibdlu l-mentalità biex niġġieldu l-atteġġjament difensiv-reattiv li jissalvagwardja lill-Istituzzjoni, biex nistgħu nfittxu b’mod sinċier u determinat il-ġid tal-komunità, bi prijorità għall-vittmi tal-abbuż f’kull sens. Quddiem għajnejna għandna nżommu dejjem preżenti l-uċuħ innoċenti taċ-ċkejknin, waqt li niftakru fi kliem l-Imgħallem: “Imma min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun aħjar għalih li jdendlulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawwru l-ħmir, u jgħarrquh f’qiegħ ta’ baħar. Ħażin għaliha d-dinja minħabba l-iskandli! Għax jeħtieġ li l-iskandli jsiru, imma ħażin għalih dak il-bniedem li minħabba fih isiru l-iskandli” (Mt 18:6-7).

 

2. Serjetà impekkabbli: hawn nixtieq nisħaq li “l-Knisja mhix se tibqa’ lura milli tagħmel dak kollu li hemm bżonn biex tara li ssir ġustizzja minn kull min ikun għamel atti kriminali bħal dawn, ikun min ikun. Il-Knisja qatt mhi se tipprova tordom taħt it-trab xi każ, jew ma tiħdux bis-serjetà” (Diskors lill-Kurja Rumana, 21 ta’ Diċembru 2018). Minħabba fil-konvinzjoni tagħha, “id-dnubiet u l-atti kriminali tal-persuni kkonsagrati jieħdu dehra iktar kiefra ta’ infedeltà, mistħija u jbiddlu l-wiċċ tal-Knisja għaliex inaqqsulha mill-kredibbiltà. Fil-fatt, il-Knisja, flimkien ma’ wliedha l-fidili, hija wkoll vittma ta’ dawn it-tradimenti u ta’ dawn li nistgħu nsejħulhom verament ‘reati ta’ ingann’” (ibid.).

 

3. Tisfija vera: minkejja l-miżuri li ttieħdu u l-progress li sar fil-qasam tal-prevenzjoni tal-abbużi, hemm bżonn ta’ impenn imġedded u kontinwu b’risq il-qdusija tar-ragħajja, li t-twaħħid tagħhom ma’ Kristu r-Ragħaj it-tajjeb hu jedd tal-poplu ta’ Alla. Għalhekk il-Knisja tisħaq fuq “ir-rieda soda tagħha li tibqa’ miexja, bil-qawwa kollha, fit-triq tal-purifikazzjoni. Il-Knisja se tistaqsi lilha nfisha, bl-għajnuna anki tal-esperti, fuq kif għandha tħares lit-tfal; kif għandha tevita li jitwettqu traġedji bħal dawn, kif tfejjaq u tintegra mill-ġdid lill-vittmi; kif issaħħaħ il-formazzjoni fis-seminarji. Se tipprova tbiddel l-iżbalji li saru f’opportunitajiet biex tneħħi dawn il-pjagi mhux biss mill-ġisem tal-Knisja iżda wkoll mis-soċjetà” (ibid.). Il-biża’ qaddis ta’ Alla jwassalna biex nixlu lilna nfusna – bħala persuni u bħala istituzzjoni – u nsewwu n-nuqqasijiet tagħna. Nixlu lilna nfusna: hu bidu mimli għerf, marbut mal-biża’ qaddis ta’ Alla. Nitgħallmu nixlu lilna nfusna, bħala persuni, bħala istituzzjonijiet, bħala soċjetà. Fir-realtà, ma rridux naqgħu fin-nassa li nixlu lill-oħrajn, li hu pass lejn skuża li tifridna mir-realtà.

 

4. Il-formazzjoni: jiġifieri l-esiġenzi tal-għażla u tal-formazzjoni tal-kandidati għas-saċerdozju bi kriterji mhux biss negattivi, li prinċipalment jaraw li jeskludu l-personalitajiet problematiċi, imma anki pożittivi f’li joffru mixja ta’ formazzjoni bilanċjata għall-kandidati idonji, orjentata lejn il-qdusija u li tiġbor fiha l-virtù tal-kastità. San Pawlu VI fl-Enċiklika Sacerdotalis cælibatus kien kiteb hekk: “Ħajja hekk mogħtija għalkollox u li delikatament tħabrek kemm fl-intimu u fl-estern, bħal dik tas-saċerdot ċelibi, teskludi suġġetti li ma jħaddnux biżżejjed bilanċ psiko-fiżiku u morali, u lanqas tista’ tippretendi li l-grazzja f’dan ħa tieħu post in-natura” (n. 64).

 

5. Insaħħu u nivverifikaw il-linji-gwida tal-Konferenzi Episkopali: jiġifieri naffermaw mill-ġdid l-esiġenza li l-Isqfijiet ikunu vuċi waħda fl-applikazzjoni ta’ kriterji li jkollhom il-valur ta’ normi u mhux biss ta’ orjentamenti. Normi, mhux biss orjentamenti. L-ebda abbuż ma għandu qatt jiġi mgħotti (kif kienet drawwa fil-passat) u sottovalutat, għax meta ngħattu l-abbużi nkunu nħallu l-ħażen jikber iżjed u nżidu livell ogħla ta’ skandlu. B’mod partikulari jeħtieġ niżviluppaw viżjoni ġdida u iktar effikaċi għall-prevenzjoni fl-istituzzjonijiet u l-ambjenti kollha tal-attività ekkleżjali.

 

6. Insieħbu lill-persuni abbużati: id-deni li ġarrbu jħalli fihom ġrieħi li ma jitħassrux u li jidhru wkoll f’sentimenti ta’ rabja u tendenzi li jeqirdu lilhom infushom. Il-Knisja għalhekk għandha d-dmir li toffrilhom l-għajnuna kollha meħtieġa billi tagħmel użu mill-esperti f’dan il-qasam. Nisimgħu, ippermettuli l-kelma: “naħlu l-ħin” fis-smigħ. Is-smigħ ifejjaq il-ġerħa, u jfejjaq ukoll lilna stess mill-egoiżmu, mid-distanza, mill-atteġġjament li “dan mhux xogħli”, mill-atteġġjament tal-qassis u tal-Levita fil-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb.

 

7. Id-dinja diġitali: il-protezzjoni tal-minuri għandha żżomm quddiem għajnejha x-xejriet ġodda ta’ abbuż sesswali u ta’ abbużi ta’ kull xorta li qed jhedduhom fl-ambjenti fejn jgħixu jew permezz tal-għodod ġodda li jużaw. Is-seminaristi, is-saċerdoti, ir-reliġjużi, l-operaturi pastorali u kulħadd għandu jkun jaf li d-dinja diġitali u l-użu tal-għodod tagħhom spiss għandhom influwenza iktar milli wieħed jista’ jistħajjel. Hawn irridu ninkuraġġixxu lill-pajjiżi u l-Awtoritajiet biex japplikaw il-miżuri kollha meħtieġa biex jillimitaw is-siti elettroniċi li qed jheddu d-dinjità tar-raġel, tal-mara u b’mod partikulari tat-tfal. Ħuti: ir-reat ma għandux igawdi mid-dritt għal-libertà. Jeħtieġ neħduha qatta’ bla ħabel u b’determinazzjoni sħiħa kontra dawn il-ħwejjeġ moqżieża, ngħassu u niġġieldu biex l-iżvilupp taċ-ċkejknin ma jiġix iddisturbat jew imħawwad mill-aċċess bla kontroll tagħhom għall-pornografija, li tħalli marki negattivi qawwija fil-moħħ u fir-ruħ tagħhom. Irridu nħabirku biex iż-żgħażagħ, b’mod partikulari s-seminaristi u l-kleru, ma jsirux ilsiera ta’ dipendenzi msejsa fuq l-isfruttament u l-abbuż kriminali tal-innoċenti u tal-immaġni tagħhom u fuq iż-żebliħ tad-dinjità tal-mara u tal-persuna umana. Hawn irridu nħarsu lejn in-normi ġodda “fuq id-delitti iżjed gravi” approvati mill-Papa Benedittu XVI fl-2010, fejn ġiet miżjuda bħala każ ġdid ta’ delitt “il-kisba, iż-żamma jew it-tqassim” min-naħa ta’ membru tal-kleru “fi kwalunkwe mod jew bi kwalunkwe mezz, ta’ immaġni pornografiċi li għandhom bħala oġġett tagħhom il-minuri”. Dak iż-żmien kien jitkellmu fuq “minuri ta’ 14-il sena”, illum qed naħsbu li għadna ntellgħu dan il-limitu tal-età biex inwessgħu l-ħarsien tal-minuri u ninsistu iktar fuq il-gravità ta’ dawn il-fatti.

 

8. It-turiżmu sesswali: l-imġiba, il-ħarsa, ir-ruħ tad-dixxipli u tal-qaddeja ta’ Ġesù għandhom jaraw ix-xbieha ta’ Alla f’kull ħlejqa umana, ibda mill-iżjed innoċenti. Huwa biss jekk ikollna dan ir-rispett radikali tad-dinjità tal-persuna l-oħra li nistgħu niddefenduha mill-qawwa invadenti tal-vjolenza, tal-isfruttament, tal-abbuż u tal-korruzzjoni, u naqduha b’mod kredibbli fl-iżvilupp sħiħ tagħha, uman u spiritwali, fil-laqgħa mal-oħrajn u ma’ Alla. Biex niġġieldu lit-turiżmu sesswali hemm bżonn ta’ miżura ġudizzjarja, imma anki tal-għajnuna u proġetti ta’ inseriment mill-ġdid tal-vittmi ta’ dan il-fenomenu kriminali. Il-komunitajiet ekkleżjali huma msejħin isaħħu l-kura pastorali tal-persuni sfruttati mit-turiżmu sesswali. Fost dawn, l-iżjed vulnerabbli u fil-bżonn ta’ għajnuna partikulari huma bla dubju ta’ xejn nisa, minuri u tfal; madankollu, dawn tal-aħħar jeħtieġu protezzjoni u attenzjoni speċjali. L-awtoritajiet governattivi għandhom jagħtu prijorità u jaġixxu b’urġenza biex jiġġiedlu t-traffikar u l-isfruttament ekonomiku tat-tfal. Għaldaqstant importanti nikkordinaw l-isforzi fuq kull livell tas-soċjetà u nikkollaboraw fil-qrib anki mal-organizzazzjonijiet internazzjonali biex naslu għal qafas ġuridiku li jipproteġi t-tfal mill-isfruttament sesswali fit-turiżmu u jippermettilna li nipproċedu legalment kontra d-delinkwenti.[16]

 

Ippermettuli issa nirringrazzja minn qalbi lis-saċerdoti u l-persuni kkonsagrati kollha li qed jaqdu lill-Mulej fedelment u totalment u li jħossuhom diżonorati u skreditati mill-imġiba tal-mistħija ta’ xi wħud minn ħuthom fis-saċerdozju. Ilkoll kemm aħna – Knisja, ikkonsagrati, Poplu ta’ Alla u saħansitra Alla nnifsu – qed inġorru l-konsegwenzi tal-infedeltajiet tagħhom. F’isem il-Knisja kollha, irrodd ħajr lill-parti l-kbira tas-saċerdoti li mhux biss huma fidili għaċ-ċelibat tagħhom, imma qed jagħtu ħajjithom għal ministeru li llum sar iżjed diffiċli minħabba fl-iskandli ta’ ftit (imma dejjem wisq) minn ħuthom. U grazzi wkoll lill-fidili li jafu tajjeb lir-Ragħajja twajba tagħhom u jkomplu jitolbu għalihom u jweżnuhom.

 

Fl-aħħar nett, nixtieq nisħaq fuq l-importanza li nibdlu dan il-ħażen f’opportunità ta’ tisfija. Inħarsu lejn il-figura ta’ Edith Stein – Santa Tereża Benedetta tas-Salib – biċ-ċertezza li “fl-iktar lejl mudlam iqumu l-ikbar profeti u qaddisin. Madankollu, il-kurrent tal-ħajja mistika li tagħti l-ħajja jibqa’ ma jidhirx. Bla dubju, il-ġrajjiet deċiżivi tal-istorja tad-dinja ġew essenzjalment influwenzati minn erwieħ li dwarhom xejn ma jingħad fil-kotba tal-istorja. U liema huma l-erwieħ li għad irridu nirringrazzjaw għall-ġrajjiet deċiżivi tal-ħajja personali tagħna, hi ħaġa li għad insiru nafu biss dakinhar li dak kollu li hu moħbi għad jinkixef”. Il-Poplu qaddis u fidil ta’ Alla, fil-ħemda tiegħu ta’ kuljum, f’ħafna xejriet u modi, ikompli jagħmel viżibbli u jagħti xhieda tat-tama “żonqrija” li l-Mulej ma jitlaqniex waħidna, li hu jwieżen l-għotja kontinwa u, f’tant sitwazzjonijiet, sofferenti ta’ wliedu. Il-Poplu qaddis u fidil ta’ Alla, kollu sabar, imwieżen u moħji mill-Ispirtu s-Santu, hu l-isbaħ wiċċ tal-Knisja profetika li taf tqiegħed fiċ-ċentru lill-Mulej tagħha fl-għotja ta’ kuljum. Sa jkun proprju dan il-Poplu qaddis ta’ Alla li jeħlisna mill-pjaga tal-klerikaliżmu, li hu l-art għammiela għal dawn l-orruri kollha.

 

L-aqwa riżultat u l-iżjed riżoluzzjoni effikaċi li nistgħu nagħtu lill-vittmi, lill-Poplu ta’ Ommna l-Knisja Mqaddsa u lid-dinja kollha huma l-impenn tagħna għal konverżjoni personali u kollettiva, l-umiltà li nitgħallmu, li nisimgħu, li nassistu u li nipproteġu lill-iżjed vulnerabbli.

 

Minn qalbi nixtieq nistieden għal ġlieda fuq kull livell kontra l-abbużi tal-minuri, fil-qasam sesswali kif ukoll f’oqsma oħra, min-naħa tal-awtoritajiet kollha u tal-individwi, għax dawn huma krimini abominabbli li għandhom jiġu mħassra minn fuq wiċċ l-art: dan qed jitolbuh minna l-ħafna vittmi moħbija fil-familji u fid-diversi oqsma tas-soċjetajiet tagħna.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard


 

[1] Ara María Isabel Martínez Pérez, Abusos sexuales en niños y adolescentes, Ed. Criminología y Justicia, 2012: jiġu rrappurtati biss 2% tal-każi, fuq kollox meta l-abbużi jkunu fil-familji. Tikkalkula bejn 15% u 20% ta’ vittmi ta’ pedofilja fis-soċjetà tagħna. 50% biss  mit-tfal jikxfu l-abbuż li ġarrbu u, minn dawn il-każi, 15% biss jiġu effettivament irrappurtati. 5% biss eventwalment jiġu pproċessati.

[2] 1 minn kull 3 każi ma jitkellem ma’ ħadd (Stħarriġ fl-2017 miġbur mill-organizzazzjoni mingħajr profitti THORN).

[3] Livell globalifl-2017, l-Oms stmat li sa 1 miljun minuri ta’ età bejn it-2 u s-17-il sena ġarrbu vjolenzi jew negliġenzi fiżiċi, emottivi jew sesswali. L-abbużi sesswali (miż-żegħil bil-mess sal-istupru), skont stimi tal-Unicef fl-2014, messew fuq 120 miljun tifel u tifla, li fosthom hemm l-ogħla numru ta’ vittmi. Fl-2017 l-istess organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda qalet li fi 38 pajjiż tad-dinja bi dħul baxx jew medju, kważi 17-il miljun mara adulta ammettew li kellhom rapport sesswali sfurzat meta kienu tfal.

Fl-Ewropa: fl-2014, l-Oms stmat li kien hemm fuq 18-il miljun abbuż. Skont l-Unicef, fi 28 pajjiż Ewropew, madwar 2.5 miljun tfajla qalu li ġarrbu abbużi sesswali b’kuntatt fiżiku jew mingħajru qabel kellhom 15-il sena (stħarriġ tal-2017). Barra dan, 44 miljun (ekwivalenti għal 22.9%) kienu vittmi ta’ vjolenza fiżika, waqt li 55 miljun (29.6%) vittmi ta’ vjolenza psikoloġika. U mhux hekk biss: fl-2017, ir-Rapport Interpol fuq l-isfruttament sesswali tal-minuri wassal biex jiġu identifikati 14,289 vittmi f’54 pajjiż Ewropew. B’riferiment għall-Italja, fl-2017, iċ-Cescvi stmat li 6 miljun tifel u tifla ġarrbu maltrattamenti. Barra dan, skont l-istħarriġ li sar mit-Telefono Azzurro, fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru 2017, il-każi ta’ abbuż sesswali u pedofilja li daħlu għand is-Servizz 114 tal-Emerġenza tat-Tfal kienu 98, daqs madwar 7.5% tat-totali tal-każi li daħlulu s-Servizz. 65% tal-minuri li talbu l-għajnuna kienu vittmi ta’ sess femminili u fuq 40% ta’ età inqas minn 11-il sena.

L-Asjafl-Indja, bejn l-2001 u l-2011, l-Asian Center for Human Rights irrikonoxxa total ta’ 48,338 każ ta’ stupru fuq minuri, b’żieda ta’ daqs 336%: mill-2,113 każ tal-2001, fil-fatt, wasalna għal 7,112 każ fl-2011.

L-Amerikafl-Istati Uniti l-istħarriġ uffiċjali tal-Gvern jgħid li fuq 700,000 tifel u tifla, kull sena, huma vittmi ta’ vjolenzi u maltrattamenti. Skont l-International Center for Missing and Exploited Children (Icmec), tifel minn kull 10 jġarrab abbuż sesswali.

L-Afrikafl-Afrika ta’ Isfel ir-riżultati ta’ riċerka li għamel iċ-Ċentru għall-ġustizzja u l-prevenzjoni tal-krimini tal-Università ta’ Cape Town, juru li, fl-2016, żagħżugħ Sudafrikan fuq kull tlieta, raġel jew mara, hu fir-riskju ta’ abbuż sesswali qabel ma jkun laħaq l-età ta’ 17. Skont l-istudju, l-ewwel tax-xorta tiegħu fuq skala nazzjonali fl-Afrika ta’ Isfel, 784,967 żagħżugħ u żagħżugħa tal-età bejn il-15 u s-17-il sena, diġà ġarrbu abbuż sesswali. Il-vittmi f’dan il-każ huma fil-parti l-kbira ġuvintur. Mank terz ma rrappurtaw il-vjolenzi lill-awtoritajiet. F’pajjiżi oħra Afrikani l-abbużi sesswali fuq il-minuri jidħlu fil-kuntest usa’ tal-vjolenzi marbuta mal-kunflitti li qed iħammru l-kontinent bid-demm u diffiċilment tgħoddhom. Il-fenomenu hu wkoll marbut strettament mal-prattika taż-żwiġijiet prematuri mxerrda f’bosta pajjiżi Afrikani u mhux biss.

L-Oċeanjafl-Awstralja, skont it-tagħrif miġbur mill-Australian Institute of Health and Welfare (Aihw) fi Frar 2018 u dwar is-snin 2015-2017, 1 minn kull 6 nisa (16%, jew 1.5 miljun) stqarru li ġew abbużati fiżikament u/jew sesswalment qabel kellhom 15-il sena, u 1 minn kull 9 rġiel (11%, jew 992,000) stqarru li ġarrbu dan l-abbuż meta kienu tfal. Barra minn hekk, fl-2015-2016, xi 450,000 tifel u tifla kienu oġġett ta’ miżuri ta’ protezzjoni taż-żgħar, u 55,600 minuri ġew imbiegħda mill-ħitan tad-dar biex jiġu kkurati l-abbużi mwettqa u ssir prevenzjoni minn oħrajn. Fl-aħħar nett, ma rridux ninsew ir-riskji li jgħaddu minnhom il-minuri nativi: dejjem skont l-Aihw, fl-2015-2016, it-tfal indiġeni kellhom 7 darbiet iżjed il-probabbiltà li jkunu oġġett ta’ abbużi jew ta’ abbandun meta mqabbla ma’ sħabhom tal-istess età imma mhux indiġendi (ara http://www.pbc2019.org/it/protezione-dei-minori/abuso-dei-minori-a-livello-globale).

[4] It-tagħrif miġjub hu dwar pajjiżi kampjuni magħżula skont kemm huma ta’ fiduċja s-sorsi disponibbli. Ir-riċerka ppubblikata mill-Unicef fuq 30 pajjiż tikkonferma dan il-fatt: persentaġġ żgħir biss ta’ vittmi affermaw li talbu l-għajnuna.

[5] Ara https: //www.repubblica.it/salute/prevenzione/2016/05/12/news/maltrattamenti_sui_minori_tutti_gli_abusi - 139630223.

[6] Fl-ispeċifiku, l-allegat responsabbli għal xi forma ta’ fastidju fuq minuri hu, fit-73.7% tal-każi ġenitur (l-omm fl-44.2% u l-missier fid-29.5%), fit-3.3% qarib, fit-3.2% ħabib, fit-3% xi ħadd li jafu, fit-2.5% għalliem. Dawn iċ-ċifri juru kif f’persentaġġ żgħir ħafna tal-każi (2.2%) ir-responsabbli hu adult barrani (ara ibid.).

[7] Riċerka Ingliża tal-2011, li għamlet l-Nspcc (National Society for the Prevention of Cruelty to Children), sabet li 29% tas-suġġetti intervistati qalu li ġarrbu molestji sesswali (fiżiċi u verbali) fiċ-ċentri fejn kien jiġi pprattikat l-isport.

[8] Skont it-tagħrif miġbur fl-2017 mill-IWF (Internet Watch Foundation), kull 7 minuti hemm paġna tal-internet li tibgħat ritratt ta’ tfal abbużati sesswalment. Fl-2017, ġew individwati 78,589 URL b’ritratti ta’ abbuż sesswali kkonċentrati l-aktar fil-Pajjiżi Baxxi, u warajhom l-Istati Uniti, il-Kanada, Franza u r-Russja. 55% tal-vittmi għandhom inqas minn 10 snin, 86% huma bniet, 7% subien, 5% it-tnejn.

[9] Id-destinazzjonijiet l-aktar spissi huma l-Brażil, ir-Repubblika Dumnikana, il-Kolombja, barra t-Tajlandja u l-Kambodja. Ma’ dawn, dan l-aħħar, żdiedu xi pajjiżi tal-Afrika u tal-Ewropa tal-Lvant. Imbagħad, l-ewwel sitt pajjiżi ta’ provenjenza ta’ min jagħmel l-abbużi, huma Franza, il-Ġermanja, ir-Renju Unit, iċ-Ċina, il-Ġappun u l-Italja. Ma rridux nittraskuraw lanqas l-għadd dejjem jiżdied ta’ nisa li jivvjaġġaw f’pajjiżi li qed jiżviluppaw, ifittxu s-sess bi ħlas mal-minuri: b’kollox, dawn ilaħħqu l-10% tat-turisti sesswali fid-dinja. Barra dan, skont studju magħmul minn Ecpat Iternational (End Child Prostitution in Asian Tourism) bejn l-2015 u l-2016, 35% tat-turisti sesswali pedofli huma klijenti abitwali, waqt li 65% huma klijenti okkażjonali  (ara https://www.osservatoriodiritti.it/2018/03/27/turismo-sessuale-minorile-nel-mondo-italia-ecpat).

[10] “Fil-fatt, jekk din is-sitwazzjoni traġika spiċċat messet xi ministri kkonsagrati, nistaqsu lilna nfusna: din il-pjaga kemm jista’ jkun li niżlet fil-fond fis-soċjetajiet u fil-familji tagħna?” (Diskors lill-Kurja Rumana, 21 ta’ Diċembru 2018).

[11] Ara R.H. Benson, The Lord of the World, Dodd, Mead and Company, London 1907.

[12] Quare times, Herodes, quia audis Regem natum? Non venit ille ut te excludat, sed ut diabolum vincat. Sed tu haec non intelligens turbaris et saevis; et ut perdas umum quem quaeris, per tot infantium mortes efficeris crudelis […] Necas parvulos corpore quia te necat timor in corde (S. Quadvultdeus, Sermo 2 de SymboloPL 40, 655).

[13] Quemadmodum enim ille, effuso in scientiae lignum veneno suo, naturam gusto corruperat, sic et ipse dominicam carnem vorandam presumens, Deitatis in ea virtute, corruptus interitusque sublatus est (Maximus Confessor, Centuria 1, 8-13: PG, 1182-1186).

[14] (CDC: United States Centers for Disease Control and Prevention; CRC: Convention on the Rights of the Child; End Violence Against Children: The Global Partnership; PAHO: Pan American Health Organization; PEPFAR: Presidents Emergency Program for AIDS Relief; TfG: Together for Girls; Unicef: United Nations Childrens Fund; UNODC: United Nations Office on Drugs and Crime; USAID: United States Agency for International Development; WHO: World Health Organization).

[15] Kull ittra tal-kelma INSPIRE tirrappreżenta waħda mill-istrateġiji, u l-parti l-kbira wrew li ħallew effetti preventivi fuq id-diversi xejriet ta’ vjolenza, barra l-benefiċċji f’oqsma bħalma hi s-saħħa mentali, l-edukazzjoni u t-tnaqqis fil-kriminalità. Is-seba’ strateġiji huma dawn li ġejjin. Implimentazzjoni u infurzar tal-liġijiet [Implementation and enforcement of laws]: it-twettiq u l-applikazzjoni tal-liġijiet (ngħidu aħna, il-projbizzjoni ta’ dixxiplini vjolenti u l-limitazzjoni tal-aċċess għall-alkoħol u l-armi tan-nar); Normi u valuri [Norms and values]: normi u valuri li jridu jinbidlu (ngħidu aħna, dawk li jaħfru l-abbuż sesswali fuq il-bniet jew l-imġiba aggressiva bejn it-tfal); Ambjenti siguri [Safe environments]: ambjenti fiż-żgur (ngħidu aħna, jidentifikaw fil-lokal fejn jgħixu l-“punti sħan” għall-vjolenza u jaffrontaw il-kawżi lokali permezz ta’ politika li ssewwi l-problemi u interventi oħra); Sapport lill-ġenituri u dawk li jieħdu ħsieb it-tfal [Parent and caregiver support]: ġenituri u għajnuna lill-assistenti familjari (ngħidu aħna, billi tingħata formazzjoni lill-ġenituri għaż-żgħażagħ, għall-ġenituri ġodda); Tisħiħ tad-dħul u l-qagħda ekonomika [Income and economic strengthening]: dħul u tisħiħ ekonomiku (bħas-self ta’ ammonti żgħar bi ftit jew xejn interessi u l-formazzjoni fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi); Servizzi ta’ rispons u sapport [Response and support services]: servizzi ta’ rispons u sapport (ngħidu aħna, biex jiggarantixxu li t-tfal esposti għall-vjolenza jista’ jkollhom aċċess għal kura effikaċi ta’ emerġenza u jirċievu għajnuna psiko-soċjali xierqa); Edukazzjoni u taħriġ fuq il-ħiliet tal-ħajja [Education and life skills]: tagħlim u taħriġ għall-ħajja (ngħidu aħna, jaraw li t-tfal qed jiffrekwentaw l-iskola u jfornuhom bil-kompetenzi soċjali meħtieġa).

[16] Ara Dokument Finali tas-VI Kungress Dinji fuq il-Pastorali tat-Turiżmu, 27 ta’ Lulju 2004.