DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
LILL-ASSOĊJAZZJONI NAZZJONALI TAL-MAĠISTRATI

Sala tal-Konċistorju
Is-Sibt, 9 ta’ Frar, 2019

 

Illustri Sinjuri,

insellm lilkom mill-qalb, lill-President tagħkom, u rroddlu ħajr għal dak li qal, lill-Kumitat Direttiv Ċentrali u lill-Assoċjazzjoni tal-Maġistrati kollha kemm hi li qed tfakkar il-mija u għaxar snin tagħha: rikorrenza li wkoll hi okkażjoni ta’ gratitudni u ta’ evalwazzjoni, waqt li fiha tikkonfermaw l-objettivi tagħkom u tqisu l-għanijiet tagħkom, fid-dawl tal-kuntest mibdul.

Għal aktar minn seklu, permezz ta’ inizjattivi ta’ natura kulturali u previdenzjali, l-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Maġistrati ilha tishar biex il-funzjoni delikata u prezzjuża tagħha ssir b’mod korrrett. Fl-istess waqt qed taqdi dmir importanti ta’ sahra fuq ir-regoli demokratiċi u t-tmexxija ‘l quddiem tal-valuri kostituzzjonali b’servizz għall-ġid komuni.  Bil-promozzjoni ta’ dawn il-valuri, permezz ta’ dibattitu intern u wkoll komunikati, kungressi nazzjonali, ir-rivista u d-djalogu mal-istituzzjonijiet, tagħtu kontribut importanti ħafna fil-kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

Il-fatt li 90% tal-maġistrati Taljani huma membri tagħkom itikom privileġġ li titkellmu b’mod partikolari f’isem l-organi leġislattivi tal-Istat, għax jippermettilkom taħżnu patrimonju wiesa ta’ esperjenzi professjonali u jtikom għarfien dirett tal-ħajja taċ-ċittadini u d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nies fil-ħajja ta’ kuljum (criticità).

Qed ngħixu f’kuntest mimli tensjonijiet u tiċrit li qed jirriskja li jdgħajjef l-istess fibra soċjali u qed imewwet il-kuxjenza ċivika ta’ bosta nies li qed jingħalqu fihom infushom, ħaġa li qed tiġġenera nuqqas ta’ interess u qed issir art fejn tkun ikkoltivata l-illeglità.  L-għajta għad-drittijiet varji li jaslu sat-tielet u r-raba’ ġenerazzjoni marbutin mat-tekonoloġiji l-ġodda, spiss tinsab spalla ma’ spalla ma’ perċezzjoni ta’ vista qasira tad-dmirijiet u insensibbiltà mifruxa lejn id-drittijiet ewlenin ta’ ħafna, saħansitra ta’ għadd bla qies ta’ persuni.  Għal dir-raġuni, bil-perseveranza u rieda soda, nisħqu li fl-atteġġjamenti u fil-proċeduri naffermaw il-valur primarju tal-ġustizzja, fattur indispensabbli biex f’kull qasam tal-ħajja pubblika u sabiex kulħadd ikun jista’ jgħix ħajja serena, din titħaddem b’mod korrett. 

It-tradizzjoni filosofika tgħidilna li l-ġustizzja hija virtù kardinali, hija l-virtù kardinali per eċċellenza, għax biex titħaddem sewwa teħtieġ il-kollaborazzjoni tal-oħrajn ukoll: l-għaqal, li jgħin biex il-prinċipji tal-ġustizzja jkunu applikati kif imiss fis-sitwazzjonijiet speċifiċi; il-qawwa u r-rażan li permezz tagħhom (il-ġustizzja) tilħaq il-perfezzjoni.  Għalhekk il-ġustizzja hija virtù, jew aħjar libsa interna tas-suġġett: mhux libsa tal-okkażjoni jew li tintlibes biss fil-festi, iżda libsa li trid tintlibes dejjem u l-ħin kollu, sabiex tġeżwrek u tgħattik biex ma tinfluwenzax biss l-għażliet konkreti, imma wkoll l-intenzjonijiet u l-miri.  Hija virtù kardinali wkoll għax turi d-direzzjoni t-tajba, u bħall-fus, hi punt li fuqu ddur u tħoll il-kobob.  Mingħajr il-ġustizzja l-ħajja soċjali tibqa’ mwaħħla bħal bieb li ma jistax jinfetaħ, inkella tispiċċa twerżaq u żżaqżaq f’moviment imħawwad.

Għaldaqstant biex tinkiseb il-ġustizzja hemm bżonn il-kontribuzzjoni tal-enerġiji pożittivi kollha preżenti fil-medda soċjali, għaliex bl-inkargu li għandha li tagħti lil kulħadd dak li ħaqqu, issir il-bżonn ewlieni biex tinkiseb il-paċi.  Il-ġustizzja hi afdata f’idejkom, intom il-maġistrati, b’mod speċjali, mhux biss biex tagħmluha bla telf ta’ żmien imma wkoll biex tkunu l-muturi tagħha bla thedew; infatti (il-ġustizzja) mhix xi ħaġa diġà lesta biex nikkonservawha, imma għan li għandna nimxu lejh kull jum li jgħaddi.

Jien nagħraf l-elf diffikultà li tiltaqgħu magħha fis-servizz li tagħtu kuljum, ħafna drabi hu mifxkel min-nuqqas ta’ riżorsi biex l-istrutturi jibqgħu funzjonali jew minħabba li ma jkunux impjegati biżżejjed ħaddiema u wkoll minħabba li s-sitwazzjonijiet ġuridiċi saru aktar kumplikati.  Min-naħa, ta’ kuljum tridu tagħmlu l-kontijiet mal-ammont enormi tal-liġijiet, li jistgħu jirkbu waħda fuq oħra jew li jkunu f’kunflitt bejn dawk antiki u dawk aktar riċenti, nazzjonali u internazzjonali; u min-naħa l-oħra minħabba l-vojt leġislattiv f’ċerti kwistjonijiet importanti fosthom dawk marbutin mal-bidu u t-tmiem tal-ħajja, mad-dritt tal-familja u r-realtà kumplessa tal-immigranti.  Dawn id-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nies fil-ħajja ta’ kuljum (criticità) jesiġu responsabbiltjiet mill-maġistrat li jmorru ‘l hinn mid-dmirijiet normali, u jesiġu li hu jevalwa dak li qed jiġri u jaqta’ s-sentenzi b’għaqal akbar.

Fi żmien meta tant spiss il-verità hi travestita u nsibu ruħna kważi ninbarmu mal-belliegħa ta’ informazzjoni li malajr tgħaddi, jeħtieġ li intom tkunu tal-ewwel li taffermaw li r-realtà hi aqwa mill-idea (Eż. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 233); infatti r-realtà hi sempliċiment fatt, (filwaqt) li l-idea tiġi elaborata (ibid. 231).   L-impenn tagħkom biex taċċertaw il-fatti, anki jekk huwa aktar diffiċli minħabba li intom mgħobbijin bix-xogħol, xorta waħda għandu dejjem ikun puntwali, magħmul bil-preċiżjoni, mibni fuq studju fil-fond u fuq aġġornament ma jaqta xejn.  Għandu jagħraf jieħu vantaġġ mid-dehen ta’ għerf extra-ġuridiku, biex jifhem aħjar it-tibdil li qed iseħħ fis-soċjetà u fil-ħajja tal-persuni, sabiex bil-għaqal kollu jqiegħed fis-seħħ, fejn meħtieġ, interpretazzjoni evoluttiva tal-liġijiet, fuq is-sies tal-prinċipji fundamentali minquxin fil-Kostituzzjoni.

F’kuntest soċjali li fih dejjem aktar qed tidher bħala normali, bla skandlu ta’ xejn, it-tfittxija tal-interessi individwali anki b’dannu għall-kollettiv, intom imsejħin biex toffru sinjal ta’ dedikazzjoni bla interessi li jsejħilkom għalih l-Istatut tagħkom sa mill-ewwel artiklu, u magħmul possibbli mill-prerogattiva importanti tal-indipendenza tagħkom li min dejjem tishru fuqha bħala Assoċjazjzoni Nazzjonali.  Jalla l-indipendenza esterna li tafferma bis-saħħa li mhix ta’ natura politika (cfr Statut, art. 2), żżomm bogħod minnkom il-favoritiżmi u l-ideat dominanti li jniġġsu l-għażliet, ir-relazzjonijiet u l-ħatriet; u l-indipendenza interna (cfr Statut art. 1), minflok, tħallikom ħielsa milli tfittxu vantaġġi personali, u jkollkom id-dehen li tirrifjutaw “pressjonijiet, sinjali jew talbiet bl-għan li jkollhom influwenza mhux leġittima fuq iż-żmien u l-mod kif tamministraw il-ġustizzja” (Statut art. 2).

Propju t-tul taż-żmien u l-mod kif tiġi amministrata l-ġustizzja jmissu l-laħam ħaj tal-persuni, speċjalment tal-aktar foqra, u jħallu fihom sinjali ta’ serħan ir-ras u faraġ, inkella jistgħu jħallu l-ġrieħi li huma minsijin u diskriminati.  Għaldaqstant fix-xogħol prezzjuż tagħkom ta’ dixxerniment u ta’ ħaqq, fittxu dejjem li tirrispettaw id-dinjità ta’ kull persuna: “mingħajr diskriminazzjoni u preġudizzji dwar sess, kultura, ideoloġija, razza, reliġjon” (Statut art. 9).  Il-ħarsa tagħkom lejn min tkunu msejħin biex tiġġudikaw għandha dejjem tkun ħarsa ta’ tjubija.  Infatti “l-ħniena tirbaħ fuq il-ħaqq” (Ittra ta Ġakbu 2,13), tgħallimna l-Bibbja, filwaqt li tfakkarna li ħarsa attenta lejn il-persuna u lejn l-esiġenzi, kapaċi tislet il-verita b’mod aktar awtentiku.  Il-ġusitzzja li tamminsitraw għandha ssir dejjem aktar “inklussiva”, attenta lejn min hu tal-aħħar u l-intergazzjoni tagħhom: infatti li tagħti lil kulħadd dak li ħaqqu, ma jistax ma jieħux in konsiderazzjoni d-dgħufija estrema li biha hi mlibbsa l-ħajja ta’ bosta u li tinfluwenzalhom l-għażliet tagħhom.

In-nifs morali għoli mistqarr ċar ħafna fil-kodiċi tal-Etika tagħkom, għandu dejjem ikun it-tqanqil tal-azzjoni tagħkom, għax intom xi ħaġa ferm akbar minn impjegati, intom mudelli għaċ-ċittadinanza kollha u partikolarment fil-konfront taż-żgħażagħ.  Għaldaqstant jien nifirħilkom li qed tfakkru lill-maġistrati li batew u tilfu ħajjithom biex jaqdu dmirhom fedelment.  Illum jien ukoll irrid infakkar lil kull wieħed minnhom b’rikonoxximent.

Il-Mulej iberikkom ilkoll, ibierek ħidmitkom u l-familji tagħkom.  Grazzi.

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber