ŻJARA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU F’LORETO

[25 TA’ MARZU 2019]

 

LAQGĦA MAL-FIDILI

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

 

Zuntier tas-Santwarju ta’ Loreto

It-Tnejn 25 ta’ Marzu 2019

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

U grazzi tal-laqgħa sabiħa tagħkom! Grazzi.

 

Il-kelmiet tal-anġlu Gabrijel lil Marija: “Ifraħ, mimlija bil-grazzja” (Lq 1:28) jidwu b’mod uniku f’dan is-Santwarju, post ipprivileġġjat biex fih nikkontemplaw il-misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla. Fil-fatt, hawn huma mħarsa l-ħitan li, skont it-tradizzjoni, ġew minn Nazaret, fejn il-Verġni Mbierka lissnet l-“iva” tagħha, u hekk saret omm Ġesù. Sa minn meta dik li tissejjaħ id-“dar ta’ Marija” saret preżenza meqjuma u maħbuba fuq dawn l-għoljiet, l-Omm ta’ Alla ma tehda qatt tikseb benefiċċji spiritwali għal dawk li, b’fidi u qima, jiġu hawn u jieqfu jitolbuha. Fost dawn illum ġejt jien ukoll, u rrodd ħajr lil Alla li tani li nagħmel dan proprju fil-festa tat-Tħabbira.

 

Insellem lill-Awtoritajiet, bi gratitudni għall-akkoljenza u l-kollaborazzjoni tagħhom. Insellem lil Mons. Fabio Dal Cin, li lissen f’isimkom is-sentimenti tagħkom kollha. Miegħu nsellem lid-dinjitajiet ekkleżjastiċi l-oħra, is-saċerdoti, il-persuni kkonsagrati, b’tislima speċjali lill-Patrijiet Kapuċċini, li lilhom hu fdat il-ħarsien ta’ dan is-Santwarju insinji hekk għażiż għall-poplu Taljan. Kemm huma bravi dawn il-Kapuċċini! Dejjem fil-konfessjonarju, dejjem, sal-punt li int tidħol fis-santwarju u dejjem ħa ssib tal-inqas wieħed hemm, jew tnejn jew tlieta jew erbgħa, imma dejjem, kemm binhar u kemm fi tmiem il-jum, u din hi ħidma diffiċli. Huma bravi u nirringrazzjahom speċjalment għal dan il-ministeru prezzjuż tal-konfessjonarju, kontinwu tul il-jum kollu. Grazzi! U lilkom ilkoll, ċittadini ta’ Loreto u pellegrini li ġejtu hawn, insellmilkom minn qalbi.

 

F’din l-oasi ta’ skiet u ta’ devozzjoni, jiġu ħafna, mill-Italja u minn kull rokna tad-dinja, biex jiksbu qawwa u tama. Jiġuni f’moħħi b’mod partikulari ż-żgħażagħ, il-familji, il-morda.

 

Id-Dar Imqaddsa hi d-dar taż-żgħażagħ, għaliex hawn il-Verġni Marija, ix-xebba mimlija bil-grazzja, tissokta tkellem lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda, issieħeb lil kull wieħed u waħda fit-tiftixa tal-vokazzjoni tiegħu. Għalhekk ridt li niffirma hawn l-Eżortazzjoni appostolika li hi frott tas-Sinodu ddedikat għaż-żgħażagħ. Jisimha “Christus vivit – Kristu jgħix”. Fil-ġrajja tat-Tħabbira tidher id-dinamika tal-vokazzjoni espressa fit-tliet mumenti li mmarkaw is-Sinodu: 1) is-smigħ tal-Kelma-pjan ta’ Alla; 2) id-dixxerniment; 3) id-deċiżjoni.

 

L-ewwel mument, dak tas-smigħ, jidher f’dawk il-kelmiet tal-anġlu: “Tibżax, Marija, […] int se tnissel fi ħdanek u jkollok iben, u ssemmih Ġesù” (vv. 30-31). Huwa dejjem Alla li jieħu l-inizjattiva li jsejjaħ għal warajh. Hu Alla li jieħu l-inizjattiva, hu li jimxi qabilna dejjem, hu qabilna, hu jiftħilna t-triq fil-ħajja tagħna. Is-sejħa għall-fidi u għal mixja koerenti ta’ ħajja Nisranija jew ta’ konsagrazzjoni speċjali hi d-daħla diskreta imma qawwija ta’ Alla fil-ħajja ta’ żagħżugħ, biex joffrilu d-don ta’ mħabbtu. Jeħtieġ inkunu lesti u disponibbli biex nisimgħu u nilqgħu l-leħen ta’ Alla, li ma nagħrfuhx qalb l-istorbju u l-ġenn. Il-pjan tiegħu għall-ħajja personali u soċjali tagħna ma nifhmuhx jekk nibqgħu fuq il-qoxra, imma billi nħaffru f’livell iktar profond, fejn qed jaħdmu l-qawwiet morali u spiritwali. Huwa hemm li Marija tistieden liż-żgħażagħ biex jinżlu u jissintonizzaw ruħhom mal-azzjoni ta’ Alla.

 

It-tieni mument ta’ kull vokazzjoni hu d-dixxerniment, li jidher fi kliem Marija: “Kif ikun dan?” (v. 34). Marija ma tiddubitax; il-mistoqsija tagħha mhix nuqqas ta’ fidi, anzi, tesprimi proprju x-xewqa tagħha li tiskopri s-“sorpriżi” ta’ Alla. Fiha hemm l-attenzjoni biex tifhem u tilqa’ dak kollu li jitlob minnha l-pjan ta’ Alla għal ħajjitha, ħa tagħrfu fl-uċuħ kollha tiegħu, biex il-kollaborazzjoni tagħha tagħtiha b’mod iżjed responsabbli u sħiħ. Dan hu l-atteġġjament tad-dixxiplu: kull kollaborazzjoni umana għall-inizjattiva ħielsa ta’ Alla jeħtieġ tkun imnebbħa minn approfondiment tal-ħiliet u l-attitudnijiet tagħna, flimkien mal-għarfien li huwa dejjem Alla li qed jagħti, hu li qed jaġixxi; hekk anki l-faqar u ċ-ċokon ta’ dawk li l-Mulej isejjaħ biex jimxu warajh fit-triq tal-Vanġelu jinbidlu fl-għana tal-manifestazzjoni tal-Mulej u fil-qawwa ta’ Dak li jista’ kollox.

 

Id-deċiżjoni hi t-tielet passaġġ li jikkaratterizza kull vokazzjoni Nisranija, u toħroġ fit-tweġiba ta’ Marija lill-anġlu: “Ħa jkun minni skont kelmtek” (v. 38). L-“iva” tagħha għall-pjan ta’ salvazzjoni ta’ Alla, imwettqa permezz tal-Inkarnazzjoni, hi l-għotja ta’ ħajjitha kollha lilu. Hi l-“iva” tal-fiduċja sħiħa u tad-disponibbiltà totali għar-rieda ta’ Alla. Marija hi l-mudell ta’ kull vokazzjoni u dik li tnebbaħ kull pastorali vokazzjonali: iż-żgħażagħ li qed ifittxu jew qed jistaqsu dwar il-futur tagħhom, jistgħu jsibu f’Marija dik li tgħinhom jgħarblu l-pjan ta’ Alla għalihom u l-qawwa li jeħtieġu biex jaħdmu id f’id miegħu.

 

Għalija Loreto hu post ipprivileġġjat fejn iż-żgħażagħ jistgħu jiġu jfittxu l-vokazzjoni tagħhom, fl-iskola ta’ Marija! Ċentru spiritwali għas-servizz tal-pastorali vokazzjonali. Għalhekk nawgura li jerġa’ jitnieda ċ-Ċentru “Ġwanni Pawlu II” għas-servizz tal-Knisja fl-Italja u fuq livell internazzjonali, f’kontinwità mal-indikazzjonijiet li ta s-Sinodu. Post fejn iż-żgħażagħ u l-edukaturi tagħhom jistgħu jħossuhom milqugħa, imsieħba u megħjuna jagħmlu dixxerniment. Għalhekk ukoll ġentilment nitlob lill-Patrijiet Kapuċċini servizz ieħor: is-servizz li jżidu s-sigħat tal-ftuħ tal-Bażilika u tad-Dar Imqaddsa tard filgħaxija u anki fil-bidu tal-lejl meta jkun hemm gruppi ta’ żgħażagħ li jiġu jitolbu u jagħmlu dixxerniment tal-vokazzjoni tagħhom. Is-Santwarju tad-Dar Imqaddsa ta’ Loreto, anki minħabba l-qagħda ġeografika tiegħu fiċ-ċentru tal-Peniżula, jippresta ruħu sew biex ikun, għall-Knisja fl-Italja, post ta’ proposta għal kontinwazzjoni tal-laqgħa dinjija taż-żgħażagħ u tal-familja. Fil-fatt, hemm bżonn li għall-entużjażmu tal-preparazzjoni u ċ-ċelebrazzjoni ta’ dawn l-avvenimenti mbagħad jikkorrispondi wkoll it-twettiq pastorali, li jagħti ġisem lill-għana tal-kontenut, permezz ta’ proposti ta’ approfondiment, ta’ talb u ta’ qsim ma’ xulxin.

 

Id-Dar ta’ Marija hi wkoll id-dar tal-familja. Fil-qagħda delikata li fiha tinsab id-dinja ta’ żmienna, il-familja mwaqqfa fuq iż-żwieġ bejn raġel u mara tassumi importanza u missjoni essenzjali. Hemm bżonn nerġgħu niskopru l-pjan li Alla fassal għall-familja, biex nisħqu iżjed fuq il-kobor u l-insostitwibbiltà tagħha għas-servizz tal-ħajja u tas-soċjetà. Fid-dar ta’ Nazaret, Marija għexet il-kotra tar-relazzjonijiet familjari bħala bint, għarusa, mara miżżewġa u omm. Għalhekk kull familja, fid-diversi għamliet tagħha, hawn issib min jilqagħha, u jnebbaħha kif tgħix l-identità tagħha. L-esperjenza li kellha l-Verġni Mqaddsa fid-dar turina li l-familja u ż-żgħażagħ ma jistgħux ikunu żewġ oqsma paralleli tal-pastorali tal-komunitajiet tagħna, imma jeħtieġ jimxu strettament flimkien, għax spiss iż-żgħażagħ huma dak li tathom il-familja fiż-żmien tat-trobbija tagħhom. Din il-perspettiva terġa’ tibni b’mod magħqud pastorali vokazzjonali attenta kif tesprimi l-wiċċ ta’ Ġesù fil-bosta aspetti tiegħu, bħala saċerdot, bħala għarus, bħala ragħaj.

 

Id-Dar ta’ Marija hi d-dar tal-morda. Hawn isibu lil min jilqagħhom dawk li qed ibatu fil-ġisem u fir-ruħ, u l-Omm twassal lil kulħadd il-ħniena tal-Mulej minn nisel għal nisel. Il-marda tfieri lill-familja u l-morda għandna nilqgħuhom fil-familja. Nitlobkom, ma naqgħux f’dik il-kultura tal-iskart li qed jipproponulna l-għadd ta’ kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi li qed jattakkawna llum il-ġurnata. Id-dar u l-familja huma l-ewwel kura tal-marid, meta nħobbuh, inweżnuh, nagħmlulu l-qalb u nieħdu ħsiebu. Għalhekk li s-santwarju tad-Dar Imqaddsa hu simbolu ta’ kull dar li tilqa’ fi ħdanha u santwarju tal-morda. Minn hawn nibgħatilhom, kollha, kull fejn jinsabu fid-dinja, tislima minn qalbi u ngħidilhom: intom tinsabu fil-qalba tal-ħidma ta’ Kristu, għax qed taqsmu miegħu u terfgħu warajh b’mod iżjed konkret is-salib ta’ kuljum. It-tbatija tagħkom tista’ ssir kollaborazzjoni deċiżiva b’risq il-miġja tas-Saltna ta’ Alla.

 

Għeżież ħuti! Lilkom u lil dawk kollha li jħossuhom marbuta ma’ dan is-Santwarju, Alla, permezz ta’ Marija, qed jafdalkom missjoni fi żmienna: li twasslu l-Vanġelu tal-paċi u tal-ħajja lil ħutna spiss aljenati, ħsiebhom fl-interessi ta’ din id-dinja jew mgħaddsa fi klima ta’ nixfa spiritwali. Hemm bżonn ta’ persuni sempliċi u għarfa, umli u qalbiena, foqra u ġenerużi. Insomma, persuni li, fl-iskola ta’ Marija, jilqgħu bla riservi l-Vanġelu fil-ħajja tagħhom. Hekk, permezz tal-qdusija tal-poplu ta’ Alla, minn dan il-post jissoktaw jixterdu fl-Italja kollha, fl-Ewropa u fid-dinja xhieda ta’ qdusija f’kull stat ta’ ħajja, biex iġeddu lill-Knisja u jagħtu l-ħajja lis-soċjetà bil-ħmira tas-Saltna ta’ Alla.

 

Il-Verġni Mqaddsa tgħin lil kulħadd, speċjalment liż-żgħażagħ, biex iterraq il-mixja tal-paċi u tal-fraternità msejsa fuq l-akkoljenza u l-maħfra, fuq ir-rispett tal-oħrajn u fuq l-imħabba li hi d-don tagħna nfusna. L-Omm tagħna, kewkba tilma bil-hena u s-serenità, tagħti lill-familji, santwarji tal-imħabba, il-barka u l-ferħ tal-ħajja. Marija, għajn ta’ kull faraġ, għin u farraġ lil dawk kollha li huma mġarrbin.

 

B’dawn il-fehmiet, ejjew issa ningħaqdu flimkien għat-talba tal-Angelus.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard