Għeżież ħuti,

 

Nixtieq nibda din il-laqgħa tagħna billi nawgura lilkom ilkoll minn qalbi, Superjuri, Uffiċċjali, Rappreżentanti Pontifiċji u Kollaboraturi fin-Nunzjaturi mxerrda mad-dinja, lill-persuni kollha li qed jagħtu servizz fil-Kurja Rumana, u lill-familjari tagħkom. Awguri għal Milied qaddis u sena ġdida 2017 mimlija hena.

 

Meta jikkontempla l-wiċċ ta’ Ġesù Tarbija, Santu Wistin jistagħġeb: “Immens fin-natura divina, ċkejken fin-natura ta’ qaddej”.[i] Anki San Makarju, monaku tar-raba’ seklu u dixxiplu ta’ Sant’Anton Abbati, biex ifisser il-Misteru tal-Inkarnazzjoni, idur għall-verb Grieg smikruno, jiġifieri ssir ċkejken billi kważi tirriduċi ruħek għall-iċken termini: “Isimgħu b’attenzjoni: Alla li hu bla tmiem, mhux aċċessibbli u mhux maħluq, fit-tjieba bla qies u ineffabbli tiegħu ħa l-ġisem u rrid ngħid li xxejjen infinitament mill-glorja tiegħu”.[ii]

 

Għalhekk, il-Milied hu l-festa tal-umiltà kollha mħabba ta’ Alla, ta’ Alla li jaqleb ta’ taħt fuq l-ordni ta’ dak li tassumi l-loġika, l-ordni stabbilit, djalettiku u matematiku. F’dan it-taqlib ta’ taħt fuq qiegħed l-għana kollu tal-loġika divina li tħawwad il-faqar tal-loġika umana tagħna (ara Is 55:8-9). Jikteb Romano Guardini: “X’taqlib ta’ taħt fuq tal-valuri familjari kollha għall-bniedem – mhux biss umani, imma anki divini! Tassew li dan Alla jaqleb ta’ taħt fuq dak kollu li l-bniedem jippretendi li jista’ jibni waħdu”.[iii] Fil-Milied aħna msejħin ngħidu “iva”, bil-fidi tagħna, mhux lill-Ħakkiem tal-univers u lanqas għall-iżjed ideat nobbli, imma sewwa sew lil dan Alla, li hu l-umli li jħobb.

 

Il-Beatu Pawlu VI, fil-Milied tal-1971, afferma: “Alla seta’ ġie mlibbes bil-glorja, bl-isplendur, bid-dawl, bil-qawwa, biex ibeżżagħna, biex ikollna nagħlqu għajnejna bl-istagħġib. Le, le! Ġie l-iżgħar fost il-ħlejjaq, l-iżjed dgħajjef. Għaliex dan? Biex ħadd ma jkollu għax jistħi jersaq lejh, biex ħadd ma jibża’, biex kulħadd seta’ jżommu qrib tiegħu, jersaq qrib tiegħu, ma jkunx hemm iżjed distanza bejna u bejnu. Min-naħa ta’ Alla kien hemm sforz biex jogħdos, jinżel fil-fond tagħna, biex kull wieħed u waħda, qed ngħid kull wieħed u waħda minnkom, jista’ jindirizzah bħala ta’ ġewwa, jista’ jkellmu b’kunfidenza, jista’ jersaq qribu, jista’ jħoss li hu qed jaħseb fih, li hu jħobbu… li hu jħobbu: araw li din hi kelma kbira! Jekk intom tifhmu dan, jekk intom tiftakru dan li qed ngħidilkom, intom tkunu fhimtu l-Kristjaneżmu kollu”.[iv]

 

Fir-realtà, Alla għażel li jitwieled ċkejken,[v] għax ried li jkun maħbub.[vi] Għalhekk il-loġika tal-Milied taqleb ta’ taħt fuq il-loġika tad-dinja, il-loġika tal-poter, il-loġika ta’ min jikkmanda, il-loġika Fariżajka u l-loġika kawżalistika jew deterministika.

 

Sewwa sew għad-dawl ħelu u imponenti tal-wiċċ divin ta’ Kristu tarbija, għażilt bħala argument ta’ din il-laqgħa tagħna ta’ kull sena r-riforma tal-Kurja Rumana. Deherli li jixraq u hu opportun naqsam magħkom il-kwadru tar-riforma, u nuri liema huma l-kriterji-gwida, il-passi mwettqa, imma fuq kollox il-loġika tar-raġuni għal kull pass imwettaq u għal dak li għad irid jitwettaq.

 

Fil-verità, hawn issa issa qed niftakar fil-qawl antik li jikxef id-dinamika tal-Eżerċizzi Spiritwali fil-metodu Injazjan, jew: deformata reformare, reformata conformare, conformata confirmare et confirmata transformare.

 

M’hemmx dubju li fil-Kurja t-tifsira tar-ri-forma tista’ tkun doppja: qabelxejn inġibuha kon-formi mal-Bxara t-Tajba li għandha tiġi mxandra bil-ferħ u l-kuraġġ kollu lil kulħadd, speċjalment lill-foqra, lil min jinsab l-aħħar u mormi; kon-formi mas-sinjali ta’ żmienna u mat-tajjeb kollu li l-biedem laħaq, biex nistgħu nindirizzaw aħjar il-ħtiġijiet tal-bnedmin li aħna msejħin naqdu;[vii] fl-istess waqt, irridu nagħmlu l-Kurja iżjed kon-formi mal-fini tagħha, li hu dak li tikkollabora mal-ministeru tas-Suċċessur ta’ Pietru[viii] (cum Ipso consociatam operam prosequuntur, jgħid il-Motu Propju Humanum progressionem), jiġifieri li twieżen lill-Papa fit-tħaddim tas-setgħa tiegħu singulari, ordinarja, sħiħa, suprema, immedjata u universali.[ix]

 

B’konsegwenza ta’ dan, ir-riforma tal-Kurja Rumana hi ekkleżjoloġikament orjentata in bonum et in servitium, kif inhu wkoll is-servizz tal-Isqof ta’ Ruma,[x] skont espressjoni għanja ħafna tal-Papa San Girgor il-Kbir, li qed nieħdu mit-tielet kapitlu tal-Kostituzzjoni Pastor Æternus tal-Konċilju Vatikan II: “Il-ġieħ tiegħi hu dak tal-Knisja universali. Il-ġieħ tiegħi hu l-qawwa soda ta’ ħuti. Jien nħossni tassew imweġġaħ, meta lil kull wieħed u waħda minnhom ma jiġix miċħud il-ġieħ mistħoqq lilhom”.[xi]

 

Ladarba l-Kurja mhix xi mekkaniżmu li ma jitħarrikx, ir-riforma hi qabelxejn sinjal tal-ħajja tal-Knisja li hi dejjem miexja, f’pellegrinaġġ, u tal-Knisja ħajja u għalhekk – għax hi ħajja – semper reformanda,[xii] reformanda għax hi ħajja. Jeħtieġ intennu bil-qawwa kollha li r-riforma mhix fini fih innifsu, imma hi proċess biex nikbru u fuq kollox nikkonvertu. Għalhekk, ir-riforma m’għandhiex fini estetiku, qisna rridu nagħmlu lill-Kurja iżjed sabiħa; lanqas ma nistgħu nifhmuha bħala xi xorta ta’ lifting, ta’ maquillage jew ta’ żebgħa biex insebbħu l-ġisem anzjan tal-Kurja, u lanqas bħala xi operazzjoni ta’ kirurġija plastika biex inneħħu t-tikmix.[xiii] Għeżież ħuti, mhux it-tikmix li għandu jbeżżagħna fil-Knisja, imma t-tbajja’!

 

F’din il-perspettiva, irridu nosservaw li r-riforma tista’ taħdem biss jekk titwettaq b’nies “imġedda” u mhux sempliċiment b’nies “ġodda”.[xiv] Mhux biżżejjed nikkuntentaw ruħna li nibdlu l-personal, imma jeħtieġ inwasslu lill-membri tal-Kurja biex jiġġeddu spiritwalment, umanament u professjonalment. Ir-riforma tal-Kurja bl-ebda mod ma tista’ titwettaq bil-bidla tal-persuni – li bla dubju sseħħ u sa sseħħ –[xv] imma bil-konverżjoni fil-persuni. Fir-realtà, mhix biżżejjed formazzjoni permanenti, jeħtieġ ukoll u fuq kollox konverżjoni u tisfija permanenti. Mingħajr bidla fil-mentalità, l-isforz funzjonali jkun fil-vojt.[xvi]

 

U għal din ir-raġuni li fiż-żewġ laqgħat tal-Milied li għaddew jien waqaft, fl-2014, bil-Padri tad-deżert bħala mudell, fuq ċerti “mardiet”, u fl-2015, bil-kelma “ħniena” bħala punt tat-tluq, fuq għamla ta’ katalgu tal-virtujiet meħtieġa għal min jagħti servizz fil-Kurja u għal dawk kollha li jridu li l-konsagrazzjoni u s-servizz tagħhom lill-Knisja jħallu frott veru. Ir-raġuni fil-verità hi li, kif tgħodd għall-Knisja kollha, anki għall-Kurja s-semper reformanda għandha tinbidel f’konverżjoni permanenti personali u strutturali.[xvii]

 

Kien hemm bżonn li nitkellmu fuq mard u fuq kura għax kull operazzjoni, biex ikollha suċċess, qabilha għandu jkun hemm djanjosijiet fil-fond, analiżijiet bir-reqqa u għandha tkun imsieħba u segwita minn preskrizzjonijiet preċiżi.

 

F’din il-mixja hu normali, anzi jiswa ta’ ġid, li niltaqgħu ma’ diffikultajiet, li, fil-każ tar-riforma, jistgħu jidhru f’diversi xorta ta’ reżistenzi: ir-reżistenzi miftuħa, li spiss jiġu minn rieda tajba u minn djalogu sinċier; ir-reżistenzi moħbija, li jiġu mill-qlub imbeżżgħa jew iebsa li jgħadduha fil-kliem vojt tal-“gattopardiżmu” spiritwali ta’ min bil-paroli jgħid li hu lest għall-bidla, imma jrid li kollox jibqa’ bħal qabel; jeżistu wkoll ir-reżistenzi qarrieqa, li jinbtu fi mħuħ mgħawġa u jidhru meta x-Xitan inebbaħ intenzjonijiet ħżiena (spiss “fi ġlud tal-ħrief”). Din l-aħħar xorta ta’ reżistenza tinsatar wara l-kliem li jipprova jiġġustifika, u, f’ħafna każi, jixli, billi jsib kenn fit-tradizzjonijiet, fid-dehriet, fil-formalitajiet, f’dak li hu magħruf, jew inkella f’li wieħed irid jagħmel kollox personali bla ma jagħmel differenza bejn l-att, l-attur u l-azzjoni.[xviii]

 

In-nuqqas ta’ reazzjoni hu sinjal ta’ mewt! Għalhekk ir-reżistenzi tajba – u saħansitra dawk inqas tajba – huma meħtieġa u jixirqilhom li jinstemgħu, jintlaqgħu u jiġu mħeġġa jesprimu ruħhom, għax dan hu sinjal li l-ġisem hu ħaj.

 

Dan kollu jfisser li r-riforma tal-Kurja hi proċess delikat li għandna ngħixuh b’fedeltà lejn l-essenzjal, b’dixxerniment kontinwu, b’kuraġġ evanġeliku, b’għerf ekkleżjali, bi smigħ attent, b’azzjoni determinata, b’ħafna talb – ħafna talb! –, b’umiltà profonda, b’viżjoni fit-tul, b’passi konkreti ’l quddiem u – meta jkun hemm bżonn – anki b’passi lura, b’rieda soda, b’ħajja vivaċi, b’awtorità responsabbli, b’ubbidjenza bla kundizzjonijiet; imma qabelxejn billi nintelqu fit-treġija żgura tal-Ispirtu s-Santu, billi nafdaw fl-għajnuna meħtieġa tiegħu. U, għalhekk, nitolbu, nitolbu u nitolbu.

 

XI KRITERJI GWIDA GĦAR-RIFORMA:

 

Huma prinċipalment tnax: individwalità; pastoralità; missjonarjetà; razzjonalità; funzjonalità; modernità; sobrjetà; sussidjarjetà; sinodalità; kattoliċità; professjonalità; gradwalità.

 

1- Individwalità (Konverżjoni personali)

Nerġa’ nisħaq fuq l-importanza tal-konverżjoni individwali li mingħajrha għalxejn nibdlu l-istrutturi. Ir-ruħ vera tar-riforma huma l-bnedmin li jagħmlu parti minnha u jagħmluha possibbli. Fil-fatt, il-konverżjoni personali twieżen u ssaħħaħ dik komunitarja.

 

Teżisti rabta qawwija ta’ skambju bejn l-atteġġjament personali u dak komunitarju. Persuna waħda tista’ ġġib tant ġid lill-ġisem kollu u tista’ tagħmillu l-ħsara u tmarrdu. U ġisem b’saħħtu hu dak li jaf isalva, jiġbor, isaħħaħ, jikkura u jqaddes il-membri tiegħu.

 

2- Pastoralità (Konverżjoni pastorali

Lura għax-xbieha tar-ragħaj (ara Eżek 34:16; Ġw 10:1-21), billi l-Kurja hi komunità ta’ qadi, “jagħmlilna tajjeb ukoll li aħna, imsejħin biex inkunu Ragħajja tal-Knisja, inħallu l-wiċċ ta’ Alla r-Ragħaj it-Tajjeb idawwalna, isaffina, jibdilna u jroddna għalkollox imġedda fil-missjoni tagħna. Jalla anki fl-ambjenti tax-xogħol tagħna nistgħu nħossu, nikkultivaw u nipprattikaw sens qawwi pastorali, qabelxejn lejn il-persuni li magħhom niltaqgħu ta’ kuljum. Jalla ħadd ma jħossu ttraskurat jew ittrattat ħażin, imma kull wieħed u waħda jista’ jduq, qabel xejn hawnhekk, l-għożża premuruża tar-Ragħaj it-Tajjeb”.[xix] Wara l-karti hemm persuni.

 

L-impenn tal-personal kollu tal-Kurja għandu jkun imqanqal minn pastoralità u minn spiritwalità ta’ qadi u ta’ komunjoni, għax din hi l-mediċina kontra l-veleni kollha tal-vanaglorja u tar-rivalità illużorja. F’dan is-sens, il-Beatu Pawlu VI wissa: “Mela l-Kurja Rumana m’għandhiex tkun burokrazija, kif xi ħadd jiġġudikaha b’mod żbaljat, pretenzjuża u indifferenti, kanonistika u ritwalistika biss, post ta’ ambizzjonijiet moħbija u ta’ antagoniżmi muti, kif jakkużawha oħrajn; imma ħa tkun komunità vera ta’ fidi u ta’ karità, ta’ talb u ta’ ħidma; ta’ aħwa u ta’ wlied il-Papa, li kollox jagħmlu, kull wieħed b’rispett lejn il-kompetenza tal-ieħor u b’sens ta’ kollaborazzjoni, biex jaqdih fil-qadi tiegħu lill-aħwa u lil ulied il-Knisja universali u d-dinja kollha”.[xx]

 

3- Missjonarjetà[xxi] (Kristoċentriżmu)

Hu l-għan prinċipali ta’ kull servizz fil-Knisja, jiġifieri dak li twassal il-Bxara t-tajba sa truf l-art,[xxii] kif ifakkarna l-Maġisteru tal-Konċilju, għax “hemm strutturi ekkleżjali li jistgħu jaslu biex jikkundizzjonaw id-dinamiżmu tal-evanġelizzazzjoni; bl-istess mod, l-istrutturi tajbin jiswew meta huma mħarrka, imwieżna u ġġudikati minn xi ħaġa ħajja. Mingħajr ħajja ġdida u spirtu evanġeliku awtentiku, mingħajr il-‘fedeltà tal-Knisja lejn l-istess vokazzjoni tagħha’, kull struttura ġdida fi żmien qasir tispiċċa titħassar minn ġewwa”.[xxiii]

 

4- Razzjonalità

Fid-dawl tal-prinċipju li d-Dikasteri kollha huma ġuridikament indaqs, dehret meħtieġa razzjonalizzazzjoni tal-organiżmi tal-Kurja Rumana,[xxiv] biex turi li kull Dikasteru għandu l-kompetenzi tiegħu. Dawn il-kompetenzi għandhom jiġu rrispettati imma wkoll imqassma b’razzjonalità, b’effikaċja u effiċjenza. Għalhekk, l-ebda Dikasteru ma jista’ jieħu fuqu l-kompetenzi ta’ Dikasteru ieħor, skont kif stipulat fid-Drittu, u min-naħa l-oħra d-Dikasteri kollha jirriferu direttament għand il-Papa.

 

5- Funzjonalità

It-tgħaqqid f’Dikasteru wieħed ta’ żewġ Dikasteri jew iżjed kompetenti f’materji marbuta ma’ xulxin jew f’rabta stretta bejniethom iservi biex sa ċertu punt jagħti lill-istess Dikasteru rilevanza ikbar (anki esterna); min-naħa l-oħra, it-tqarrib u l-interazzjoni ta’ realtajiet singoli fi ħdan l-istess Dikasteru jgħinu biex ikollhom funzjonalità akbar (eżempju ta’ dan huma ż-żewġ Dikasteri ġodda li twaqqfu dan l-aħħar).[xxv]

 

Il-funzjonalità titlob ukoll ir-reviżjoni kontinwa tar-rwoli u tar-relevanza tal-kompetenzi u tar-responsabbiltajiet tal-personal u konsegwentement it-twettiq ta’ ċaqliq, ta’ ħidmiet ġodda, ta’ waqfien u anki ta’ promozzjonijiet.

 

6- Modernità ‎(Aġġornament)

Jew aħjar, il-ħila li wieħed jaqra u jisma’ s-“sinjali taż-żminijiet”. F’dan is-sens, “b’reqqa liema bħalha qed naraw li d-Dikasteri tal-Kurja Rumana jiġu adattati għax-xejriet ta’ żmienna u għall-ħtiġijiet tal-Knisja universali”.[xxvi] Dan talbu l-Konċilju Vatikan II: “Dawn id-dikasteri jingħatalhom  ordinament ġdid, li jaqbel iżjed għall-ħtieġa taż-żminijiet, tal-artijiet u tar-riti diversi, speċjalment f’dak li jirrigwarda n-numru tagħhom, kif jissejħu, il-kompetenza tagħhom, il-proċedura u l-kordinament tax-xogħol tagħhom”.[xxvii]

 

7- Sobrjetà

F’din il-perspettiva hemm bżonn ta’ simplifikazzjoni u tiħfif tal-Kurja: ngħaqqdu flimkien jew niddissolvu Dikasteri skont il-materji ta’ kompetenza u s-simplifikazzjoni interna tad-Dikasteri; soppressjonijiet ta’ Uffiċċji li m’għadhomx iwieġbu għall-ħtiġijiet tal-lum. Fi ħdan id-Dikasteri, inżidu jew innaqqsu kummissjonijiet, akkademji, kumitati, u l-bqija, kollox fid-dawl tas-sobrjetà indispensabbli għal xhieda korretta u awtentika.

 

8- Sussidjarjetà

Arranġament aħjar tal-kompetenzi speċifiċi tad-diversi Dikasteri, billi, jekk ikun hemm bżonn, nispostawhom minn Dikasteru għall-ieħor, biex jintlaħqu l-awtonomija, il-kordinament u s-sussidjarjetà fil-kompetenzi u r-rabta interna fis-servizz.

 

F’dan is-sens, hu meħtieġ ukoll ir-rispett tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tar-razzjonalizzazzjoni fir-relazzjoni mas-Segreterija tal-Istat u fi ħdanha stess – fost id-diversi kompetenzi tagħha – biex fit-twettiq tal-ħidmiet tagħha hi tkun l-għajnuna diretta u l-iżjed immedjata tal-Papa.[xxviii] Dan ukoll għal kordinament aħjar tad-diversi oqsma tad-Dikasteri u tal-Uffiċċji tal-Kurja. Is-Segreterija tal-Istat tista’ twettaq din il-funzjoni importanti tagħha propju fit-twettiq tal-għaqda, tal-interdipendenza u tal-kordinament tal-oqsma tagħha u tad-diversi taqsimiet tagħha.

 

9- Sinodalità

Il-ħidma tal-Kurja għandha tkun sinodali: spissi l-laqgħat tal-Kapijiet tad-Dikasteri, ippreseduti mill-Papa;[xxix] udjenzi regolari “ppjanati” tal-Kapijiet tad-Dikasteri; laqgħat regolari bejn id-dikasteri. It-tnaqqis tal-għadd tad-Dikasteri jippermetti laqgħat iżjed frekwenti u sistematiċi ta’ kull Prefett mal-Papa u laqgħat effikaċi tal-Kapijiet tad-Dikasteri, billi dawn ma jistgħux isiru fi grupp hekk kbir fil-għadd.

 

Is-sinodalità[xxx] għandha tingħax ukoll fi ħdan kull Dikasteru, billi tingħata importanza partikulari lill-Kungress u frekwenza ikbar tal-inqas lis-Sessjoni ordinarja. Fi ħdan kull Dikasteru ta’ min jevita l-frammentazzjoni li tista’ sseħħ minħabba diversi fatturi, bħat-tkattir ta’ oqsma speċjalizzati, li tendenzjalment jafu jkunu awtoreferenzjali. Il-kordinament bejniethom għandu jkun il-ħidma tas-Segretarju u tas-Sotto-Segretarju.

 

10- Kattoliċità

Fost il-kollaboraturi, barra s-saċerdoti u l-ikkonsagrati, il-Kurja għandha tkun mera tal-kattoliċità tal-Knisja billi tassumi personal ġej mid-dinja kollha, djakni permanenti u fidili lajċi, li l-għażla tagħhom għandha ssir b’reqqa skont il-ħajja spiritwali u morali eżemplari tagħhom flimkien mal-kompetenza professjonali tagħhom. Jixraq li jingħata aċċess lil għadd ikbar ta’ fidili lajċi, speċjalment f’dawk id-Dikasteri fejn jistgħu jkunu iktar kompetenti mill-kjeriċi jew mill-ikkonsagrati. Barra minn hekk hi ta’ importanza kbira l-valurizzazzjoni tar-rwol tal-mara u tal-lajċi fil-ħajja tal-Knisja u l-integrazzjoni tagħhom fir-rwoli-gwida tad-Dikasteri, b’attenzjoni partikulari għall-multikulturalità.

 

11- Professjonalità

Hu indispensabbli li kull Dikasteru jadotta politika ta’ formazzjoni permanenti tal-personal tiegħu, biex jevita li wieħed jintelaq u li jaqa’ fir-routine tal-funzjonaliżmu.

 

Min-naħa l-oħra, hu indispensabbli li narkivjaw darba għal dejjem il-prattika tal-promoveatur ut amoveatur. Dan hu kankru.

 

12- Gradwalità (Dixxerniment)

Il-gradwalità hi l-frott ta’ dixxerniment indispensabbli li jimplika proċess storiku, analiżi taż-żminijiet u tal-passi, verifika, korrezzjonijiet, sperimentazzjoni, approvazzjonijiet ad experimentum. Għalhekk, f’dawn il-każi ma jfissirx li wieħed jibqa’ ma jiddeċidix, imma li jkun hemm il-flessibbiltà meħtieġa biex wieħed jista’ jasal għal riforma vera.

 

XI PASSI MWETTQA[xxxi]

 

Ħa nsemmi fil-qosor u nillimita ruħi għal xi passi mwettqa, skont il-kriterji-gwida, ir-rakkomandazzjonijiet espressi mill-Kardinali tul il-Laqgħat plenarji l-ewwel tal-Konklavi, tal-COSEA, tal-Kunsill tal-Kardinali, u mhux b’inqas tal-Kapijiet tad-Dikasteri u ta’ persuni u esperti oħrajn.

 

- Fit-13 ta’ April 2013 tħabbar il-Kunsill tal-Kardinali (Consilium Cardinalium Summo Pontifici) – l-hekk imsejjaħ C8 li sar C9 fl-1 ta’ Lulju 2014 – primarjament biex jagħti pariri lill-Papa fit-tmexxija tal-Knisja universali u fuq temi oħra marbuta ma’ dan,[xxxii] u anki bil-ħidma speċifika li jipproponi r-reviżjoni tal-Kostituzzjoni Appostolika Pastor Bonus.[xxxiii]

 

- Bil-Kirografu tal-24 ta’ Ġunju 2013 twaqqfet il-Kummissjoni Pontifiċja dwar l-Istitut għall-Opri tar-Reliġjon, biex tagħraf b’mod iktar fil-fond il-qagħda ġuridika tal-IOR u twassal għal “armonizzazzjoni” aħjar tiegħu mal-“missjoni universali tas-Sede Appostolika”. Dan kollu biex “il-prinċipji tal-Vanġelu jistgħu jitwettqu wkoll fl-attivitajiet ta’ natura ekonomika u finanzjarja” u biex tintlaħaq trasparenza sħiħa u rikonoxxuta fl-operat tiegħu.

 

- Bil-Motu Propju tal-11 ta’ Lulju 2013 sar provediment biex titfassal b’mod ċar il-ġurisdizzjoni tal-organi ġudizzjarji tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan f’materja penali.


- Bil-Kirografu tat-18 ta’ Lulju 2013 twaqqfet il-COSEA (Kummissjoni Pontifiċja dwar l-istudju u r-referenza għall-organizzazzjoni tal-istruttura ekonomika-amministrattiva),
[xxxiv] bil-ħidma li tistudja, tifli u tiġbor tagħrif, f’koperazzjoni mal-Kunsill tal-Kardinali għall-istudju tal-problemi organizzattivi u ekonomiċi tas-Santa Sede.

 

- Bil-Motu Propju tat-8 ta’ Awwissu 2013 twaqqaf il-Kumitat tas-Sigurtà Finanzjarja tas-Santa Sede, għall-prevenzjoni u l-ġlied kontra l-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u t-tixrid tal-armi tal-qerda tal-massa. Dan kollu biex iwassal lill-IOR u s-sistema ekonomika kollha tal-Vatikan għall-adattament regolari u għat-twettiq sħiħ, b’impenn u reqqa, tal-liġijiet kollha internazzjonali dwar it-trasparenza finanzjarja.[xxxv] 

 

- Bil-Motu Propju tal-15 ta’ Novembru 2013 ġiet imsaħħa l-Awtorità tal-Informazzjoni Finanzjarja (AIF),[xxxvi] imwaqqfa minn Benedittu XVI b’Motu Propju tat-30 ta’ Diċembru 2010 għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-attivitajiet illegali fil-qasam finanzjarju u monetarju.[xxxvii]

 

Bil-Motu Propju tal-24 ta’ Frar 2014 (Fidelis dispensator et prudens) twaqqfu s-Segreterija għall-Ekonomija u l-Kunsill għall-Ekonomija,[xxxviii] flok il-Kunsill tal-ħmistax-il Kardinal, bil-ħidma li jarmonizzaw il-politika ta’ kontroll dwar l-immaniġġjar ekonomiku tas-Santa Sede u tal-Belt tal-Vatikan.

 

- Bl-istess Motu Propju (Fidelis dispensator et prudens) tal-24 ta’ Frar 2014 twaqqaf l-Uffiċċju tar-Reviżur Ġenerali (URG), enti ġdida tas-Santa Sede bl-inkarigu li twettaq reviżjoni (audit) tad-Dikasteri tal-Kurja Rumana, tal-istituzzjonijiet marbuta mas-Santa Sede – jew li jirriferu għaliha – u tal-amministrazzjonijiet tal-Governatorat tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan.[xxxix]

 

- Bil-Kirografu tat-22 ta’ Marzu 2014 twaqqfet il-Kummissjoni Pontifiċja għall-Ħarsien tal-Minuri biex “tippromovi l-ħarsien tad-dinjità tal-minuri u tal-adulti vulnerabbli, permezz tal-forom u l-modalitajiet, li jaqblu man-natura tal-Knisja, li jitqiesu l-aktar opportuni”.

 

- Bil-Motu Propju tat-8 ta’ Lulju 2014 it-Taqsima Ordinarja tal-Amministrazzjoni tal-Patrimonju ġiet ittrasferita mis-Sede Appostolika għas-Segreterija għall-Ekonomija.

 

- Fit-22 ta’ Frar 2015 ġew approvati l-Istatuti tal-Organiżmi Ekonomiċi l-ġodda.

 

- Bil-Motu Propju tas-27 ta’ Ġunju 2015 twaqqfet is-Segreterija għall-Komunikazzjoni bil-ħidma li “twieġeb għall-kuntest attwali tal-komunikazzjoni, ikkaratterizzat mill-preżenza u mill-iżvilupp tal-midja diġitali, mill-fatturi tal-konverġenza u tal-interattività” u anki biex tirristruttura b’mod sħiħ, permezz ta’ proċess ta’ riorganizzazzjoni u ta’ tgħaqqid flimkien, “ir-realtajiet kollha li, b’diversi modi, sal-lum, ħadu ħsieb tal-komunikazzjoni”, biex “twieġeb dejjem aħjar għall-ħtiġijiet tal-missjoni tal-Knisja”.

 

Fis-6 ta’ Settembru 2016 ġie ppromulgat l-Istatut tas-Segreterija għall-Komunikazzjoni, li ġie fis-seħħ f’Ottubru li għadda.[xl]

 

- Biż-żewġ Moti Propji tal-15 ta’ Awwissu 2015 sar provediment għar-riforma tal-proċess kanoniku għall-kawżi tad-dikjarazzoni ta’ nullità taż-żwieġ: ‎Mitis et misericors Iesus, fil-Kodiċi tal-Kanoni tal-Knejjes OrjentaliMitis Iudex Dominus Iesus, fil-Kodiċi tal-Liġi Kanonika.[xli]

 

Bil-Motu Propju tal-4 ta’ Ġunju 2016 (Bħal omm kollha mħabba) ridna noħolqu prevenzjoni kontra n-nuqqasijiet tal-Isqfijiet fit-tħaddim tal-uffiċċju tagħhom, b’mod partikulari fejn jidħlu każi ta’ abbużi sesswali mwettqa fuq minuri u adulti vulnerabbli.

 

- Bil-Motu Propju tal-4 ta’ Lulju 2016 (Il-beni temporali), waqt li mxejna fuq ir-regola ta’ importanza mill-akbar li l-organiżmi mwaqqfa biex jgħassu huma separati minn dawk mgħassa, iċċarajna iktar l-oqsma rispettivi ta’ kompetenza tas-Segreterija għall-Ekonomija u tal-Amministrazzjoni tal-Patrimonju tas-Sede Appostolika.

 

Bil-Motu Propju tal-15 ta’ Awwissu 2016 (Sedula Mater) twaqqaf id-Dikasteru għal-Lajċi, il-Familja u l-Ħajja, biex hekk fakkarna qabelxejn fil-finalitajiet pastorali ġenerali tal-ministeru Petrin: “Rajna li nħabirku f’waqtu biex l-għana ta’ Kristu Ġesù jixtered kif imiss u b’ġid għall-fidili kollha”.

 

- Bil-Motu Propju tas-17 ta’ Awwissu 2016 (Humanam progressionem) twaqqaf id-Dikasteru għall-Servizz tal-Iżvilupp Sħiħ tal-Bniedem, biex l-iżvilupp iseħħ “fl-għożża tal-ġid bla qies tal-ġustizzja, tal-paċi u tal-ħarsien tal-ħolqien”. F’dan id-Dikasteru, mill-1 ta’ Jannar 2017, se jkunu inklużi erba’ Kunsilli Pontifiċji: Ġustizzja u Paċi, Cor Unum, Pastorali mal-Immigranti, u mal-Ħaddiema fil-Qasam tas-Saħħa. Se nkun jien li ad tempus naħseb direttament għall-bżonnijiet tat-taqsima għall-pastorali tal-immigranti u r-rifuġjati ta’ dan id-Dikasteru ġdid.[xlii]

 

Fit-18 ta’ Ottubru 2016 ġie approvat l-Istatut tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja.

 

Din il-laqgħa tagħna fetħet billi tkellimna fuq it-tifsira tal-Milied li taqleb ta’ taħt fuq il-kriterji umani tagħna biex nuru li l-qalba u ċ-ċentru tar-riforma hu Kristu (Kristoċentriżmu).

 

Nixtieq sempliċement nagħlaq b’kelma u b’talba. Il-kelma hi dik li ntenni li l-Milied hu l-festa tal-umiltà kollha mħabba ta’ Alla. Bħala talba, għażilt it-talba tal-Milied ta’ Patri Matta el Meskin (monaku ta’ żmienna), li jdur fuq il-Mulej Ġesù, imwieled Betlehem, u jgħidlu hekk: “Jekk għalina l-esperjenza tat-tfulija [tiegħek] tidher iebsa, għalik ma hix, o Bin Alla. Jekk aħna neħlu fit-triq li twassalna għall-komunjoni miegħek minħabba f’dan iċ-ċokon tiegħek, int taf tneħħi x-xkiel kollu li jżommna milli nagħmlu dan. Nafu li mhux ħa ssib kwiet qabel ma ssibna nixbhuk u ċkejknin bħalek. O Iben ta’ Alla, ħallina llum nersqu lejn il-qalb tiegħek. Agħtina li ma naħsbux li aħna kbar fl-esperjenzi tagħna. Imma agħtina li niċċekknu bħalek biex nistgħu nersqu qrib tiegħek u nirċievu minnek l-umiltà u l-ħlewwa bil-kotra. Iċċaħħadniex mid-dehra tiegħek, l-epifanija tat-tfulija tiegħek fi qlubna, biex biha nistgħu nfejqu kull kburija u kull arroganza. Neħtieġu bil-kbir […] li int turi fina s-sempliċità tiegħek biex tqarreb lilna, anzi lill-Knisja u lid-dinja kollha, lejk. Id-dinja tħossha għajjiena u mifnija għax trid ittellaq ma’ min hu l-ikbar. Hemm kompetizzjoni bla ħniena bejn gvernijiet, bejn Knejjes, bejn popli, fi ħdan il-familji, bejn parroċċa u oħra: min hu l-ikbar fostna? Id-dinja hi mifnija bl-uġigħ tal-ġrieħi għax il-marda kbira tagħha hi: min hu l-akbar? Imma llum aħna sibna fik id-duwa waħdanija tagħna, o Iben ta’ Alla. Aħna u d-dinja kollha ma nistgħu qatt insibu salvazzjoni u lanqas paċi, jekk ma nerġgħux lura biex niltaqgħu miegħek mill-ġdid fil-maxtura ta’ Betlehem. Amen”.[xliii]

 

Grazzi, u nawguralkom Milied qaddis u Sena ġdida 2017 kollha hena!

 

[Imbagħad żied dak il-ħin]

 

Meta, sentejn ilu, tkellimt dwar il-mard, ġie wieħed minnkom qalli: “Fejn l-aħjar immur, l-ispiżerija jew inqerr?” – “It-tnejn li huma”, għidtlu jien. U meta sellimt lill-Kardinal Brandmüller, hu ħares dritt f’għajnejja u qalli: “Acquaviva!”. Jien, dak il-ħin, ma fhimtx x’ried jgħid, imma mbagħad, meta ħsibt fuqha, ftakart li Acquaviva, il-ħames Ġeneral tal-Kumpanija ta’ Ġesù, kien kiteb ktieb li aħna l-istudenti konna naqraw bil-Latin, id-diretturi spiritwali tagħna kienu jriduna naqrawh, kien jismu hekk: Industriæ pro Superioribus ejusdem Societatis ad curandos animæ morbos, jiġifieri l-mardiet tar-ruħ. Tliet xhur ilu ħarġet edizzjoni tajba ħafna bit-Taljan, maħduma minn Patri Giuliano Raffo, li miet dan l-aħħar; bi preżentazzjoni tajba li turik kif għandek taqrah, u anki daħla tajba. Mhix edizzjoni kritika, imma t-traduzzjoni hi sabiħa ħafna, magħmula tajjeb u naħseb li tista’ tkun ta’ għajnuna. Bħala rigal tal-Milied, nixtieq kieku nista’ noffrih lil kull wieħed minnkom. Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Atta

 

[i] Sermo 187,1: PL 38,1001: Magnus dies angelorum, parvus in die hominum… magnus in forma Dei, brevis in forma servi.

[ii] Hom. IV, 9: PG 34, 480.

[iii] Il Signore, Milano 1977, 404.

[iv] Omelijtal-25 ta’ Diċembru 1971.

[v] Ara San Pietru KrisologuSermo 118: PL 52, 617.

[vi] Santa Tereża tal-Bambin Ġesù l-innamrata taċ-ċokon ta’ Ġesù – fl-aħħar ittra tagħha, tal-25 ta’ Awwissu 1897, indirizzata lil saċerdot li kien ġi fdat lilha bħala “ħuha spiritwali”, kitbitlu: “Ma nistax nibża’ minn Alla li għalija sar hekk ċkejken! Jiena nħobbu! Fil-fatt hu mhux ħlief imħabba u ħniena” (LT 266: Opere complete, Roma 1997, 606).

[vii] Ara Ittra appostolika f’għamla ta’ Motu Propju li biha jitwaqqaf id-Dikasteru għas-Servizz tal-Iżvilupp Sħiħ tal-Bniedem, 17 ta’ Awwissu 2016.

[viii] Il-Kurja Rumana għandha l-funzjoni li tgħin lill-Papa fit-tmexxija ta’ kuljum tal-Knisja, jew aħjar, fid-dmirijiet tiegħu li huma: a) iż-żamma tal-fidili kollha “fir-rabta ta’ fidi waħda u tal-imħabba” u anki “fix-xirka tal-fidi u tal-komunjoni”; b) “biex l-episkopat ikun wieħed u mhux mifrud” (Konċilju Vatikan I, Kostituzzjoni dommatika Pastor æternus, Prologu). “Dan is-Sinodu Mqaddes, waqt li jimxi fuq il-passi tal-Konċilju Vatikan I, jgħallem u jiddikjara miegħu illi Ġesù Kristu, Ragħaj etern, bena l-Knisja tiegħu meta bagħat lill-Appostli tiegħu bħalma hu stess kien intbagħat mill-Missier (Ġw 20:21); huwa ried li s-suċċessuri tagħhom, jiġifieri l-isqfijiet, ikunu ragħajja fil-Knisja sal-aħħar taż-żmien. Iżda sabiex l-episkopat ikun wieħed u mhux mifrud,  huwa qiegħed lil Pietru Ras tal-Appostli l-oħra u fih waqqaf il-prinċipju u l-fundament perpetwu u viżibbli tal-unità tal-fidi u tal-komunjoni” (Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 18).

[ix] Fil-fatt il-Konċilju Vatikan II, dwar il-Kurja Rumana, ifisser li “fit-twettiq tal-potestà tiegħu suprema, sħiħa u immedjata fuq il-Knisja kollha, il-Papa jinqeda bid-dikasteri tal-Kurja Rumana, li għalhekk iwettqu l-ħidma tagħhom f’ismu u bl-awtorità tiegħu, b’vantaġġ tal-knejjes u għas-servizz tar-Ragħajja mqaddsa” (Digriet Christus Dominus, 9). Hekk, ifakkarna, qabelxejn, li l-Kurja hi organiżmu ta’ għajnuna għall-Papa, u fl-istess waqt jippreċiża li s-servizz tal-organiżmi tal-Kurja Rumana hu dejjem imwettaq nomine et auctoritate tal-Papa nnifsu. Hu għalhekk li l-ħidma tal-Kurja titwettaq in bonum Ecclesiarum et in servitium Sacrorum Pastorum, jiġifieri hi orjentata sew lejn il-ġid tal-Knejjes partikulari, u kemm biex twieżen lill-Isqfijiet tagħhom. Il-Knejjes partikulari huma “mwaqqfa fuq ix-xbieha tal-Knisja universali, u fihom u ibda minnhom li teżisti l-Knisja Kattolika waħda u waħdanija” (Lumen gentium, 23).

[x] “Mill-bqija, il-fehma waħda bejn il-Papa u l-Kurja tiegħu hi norma kostanti. Mhux biss fis-sigħat il-kbar tal-istorja din il-fehma turi l-eżistenza u l-qawwa tagħha; imma tapplika dejjem, ta’ kuljum, f’kull att tal-ministeru pontifiċju, kif jixraq lill-organu ta’ fedeltà immedjata u ta’ ubbidjenza assoluta, li bih jinqeda l-Papa biex iwettaq il-missjoni universali tiegħu. U hi din ir-relazzjoni essenzjali tal-Kurja Rumana bit-tħaddim tal-ħidma appostolika tal-Papa l-ġustifikazzjoni, anzi l-glorja tal-istess Kurja, u minn din l-istess relazzjoni jirriżultaw il-ħtieġa tagħha, is-siwi tagħha, id-dinjità tagħna u l-awtorità tagħha; fil-fatt hi l-Kurja Rumana l-istrument li l-Papa jeħtieġ, u bih il-Papa jinqeda biex jiżvolġi l-mandat divin tiegħu. Strument l-aktar denn, li mhux ta’ b’xejn jekk minn kulħadd u minna stess qabelxejn, tant jitlob, tant jesiġi! Il-funzjoni tiegħu titlob ħiliet u virtujiet l-aktar għolja, u għalhekk appuntu hu għoli l-uffiċċju tiegħu. Funzjoni l-aktar delikata, dik li jkun ħarries u eku tal-veritajiet divini u jsir lingwaġġ u djalogu mal-ispirti umani; funzjoni l-aktar wiesgħa, dik li għandha bħala konfini tagħha l-orbe tal-univers; funzjoni l-aktar nobbli, dik li jisma’ u jinterpeta l-vuċi tal-Papa u fl-istess ħin li ma jħallih nieqes mill-ebda tagħrif siewi u oġġettiv, minn kull parir filjali u maħsub” (Pawlu VI, Diskors lill-Kurja Rumana, 21 ta’ Settembru 1963).

[xi] Ep. ad Eulog. Alexandrin., epist. 30: PL 77, 933. Il-Kurja Rumana “tieħu mir-Ragħaj tal-Knisja universali l-eżistenza u l-kompetenza tagħha. Fil-fatt, hi tgħix u taħdem f’relazzjoni mal-Ministeru Petrin u fuqu hi mwaqqfa” (Ġwanni Pawlu II, Kostituzzjoni appostolika Pastor Bonus, Introduzzjoni, n. 7; ara art. 1).

[xii] L-istorja turina li l-Kurja Rumana hi fi stat ta’ “riforma” permanenti, tal-inqas fl-aħħar mitt sena. “Fil-fatt, dik imħabbra fit-13 ta’ April 2013 bil-komunikat tas-Segreterija tal-Istat hi r-raba’ waħda, jekk nitilqu minn dik imwettqa minn San Piju X bil-Kostituzzjoni Sapienti Consilio tal-1908. Din ir-riforma kienet bla dubju urġenti fil-perspettiva tal-ordinament kanoniku l-ġdid, li diġà kien qed jiġi ppreparat; madankollu, iżjed minn hekk, kienet diġà meħtieġa għall-fini tas-setgħa temporali. Wara ġiet dik imwettqa mill-Beatu Pawlu VI bir-Regiminis Ecclesiæ Universæ (1967), segwita miċ-ċelebrazzjoni tal-Konċilju Vatikan II. L-istess Papa kien ra li jiġi eżaminat mill-ġdid it-test fid-dawl tal-ewwel sperimentazzjoni. Fl-1988 waslet il-Kostituzzjoni Pastor Bonus ta’ San Ġwanni Pawlu II, li fl-istruttura ġenerali tagħha timxi mal-iskema ta’ Montini, imma tinserixxi klassifikazzjoni differenti tad-diversi organiżmi u tal-kompetenzi tagħhom f’sintonija mal-CIC 1983. Fi ħdan dawn il-passaġġi fundamentali, hemm interventi importanti oħra. Benedittu XV, ngħidu aħna, ħoloq u daħħal qalb il-Kongregazzjonijiet Rumani dik għas-Seminarji (sa dak iż-żmien taqsima fi ħdan il-Kongregazzjoni Konċistorjali) u l-Universitajiet tal-Istudju (1915) u l-oħra għall-Knejjes Orjentali (1917: qabel kient twaqqfet bħala taqsima tas-S. Congregatio de Propaganda Fide). Ġwanni Pawlu II għamel xi bidliet fl-organizzazzjoni kurjali anki wara l-Pastor Bonus u, warajh, interventi sinifikattivi għamilhom ukoll Benedittu XVI: jiġuna f’moħħna t-twaqqif tal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida (2010), it-trasferiment tal-kompetenzi fuq is-Seminarji mill-Kongregazzjoni għall-Edukazzjoni Kattolika għal dik għall-Kleru, u tal-kompetenza tal-Katekeżi minn din tal-aħħar għall-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazjoni Ġdida (2013). Ma’ dawn żdiedu l-interventi l-oħra ta’ simplifikazzjoni, li twettqu mal-medda tas-snin u xi wħud għadhom attivi sa żmienna, bit-tgħaqqid ta’ iżjed Dikasteri taħt presidenza waħda” (Marcello Semeraro, La riforma di Papa Francesco, Il Regno, Anno LXI, n. 1240 - 15 luglio 2016, pp. 433-441).

[xiii] F’dan is-sens, Pawlu VI, fil-21 ta’ Settembru 1963, fid-diskors tiegħu lill-Kurja Rumana, qal: “Wieħed jifhem kif dan l-ordinament hu iktar serju minħabba fl-istess età venerabbli tagħha, kif tħoss li hemm differenza mhux żgħira bejn l-organi tagħha u l-prassi tagħha f’relazzjoni mal-ħtiġijiet u d-drawwiet taż-żminijiet il-ġodda, kif fl-istess waqt tħoss il-bżonn li tissimplifika ruħha u tiddeċentra ruħha u dak li titwessa’ u tadatta ruħha għall-funzjonijiet il-ġodda”.

[xiv] Fit-22 ta’ Frar 1975, fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Kurja Rumana, Pawlu VI qal: “Aħna l-Kurja Rumana, […] dan l-għarfien tagħna, li rriduh ċar mhux biss fid-definizzjoni kanonika tiegħu, imma wkoll fil-kontenut morali u spiritwali tiegħu, jimponi fuq kull wieħed minna att penitenzjali konformi għad-dixxiplina propja tal-ġublew, att li nistgħu nsejħulu ta’ awtokritika biex nivverifikaw, fis-satra ta’ qlubna, jekk l-imġiba tagħna taqbilx mal-uffiċċju li ġie fdat f’idejna. Għal dan il-konfront ġewwieni tqanqalna qabelxejn il-koerenza tal-ħajja tagħna fil-Knisja, u mbagħad l-analiżi, li kemm il-Knisja u kemm is-soċjetà jagħmlu dwarna, b’esiġenza spiss mhux oġġettiva u tant iżjed severa daqskemm iżjed rappreżentattiva hi din il-pożizzjoni tagħna, li minnha għandha dejjem tilma eżemplarità ideali […]. Għalhekk hemm żewġ sentimenti spiritwali li jagħtu sens u valur liċ-ċelebrazzjoni ġubilari tagħna: sentiment ta’ umiltà sinċiera, li jfisser verità fuqna nfusna, billi nistqarru li aħna l-ewwel li għandna bżonn tal-ħniena ta’ Alla” (Insegnamenti di Paolo VI, XIII [1975], pp. 172-176).

[xv] F’dan is-sens, li ġenerazzjoni tieħu post l-oħra jagħmel parti mill-ħajja, u ħażin għalina jekk naħsbu jew fil-ħajja ninsew din il-verità. Għalhekk, li l-persuni jalternaw, hi ħaġa normali, meħtieġa u ta’ min jawguraha.

[xvi] Benedittu XVI, imnebbaħ minn viżjoni ta’ Santa Ildegarda ta’ Bingen, tul id-Diskors tiegħu lill-Kurja fl-20 ta’ Diċembru 2010, fakkar li l-istess wiċċ tal-Knisja sfortunatament jista’ “jitgħatta bit-trab” u “lbiesha jitqatta’”. U għalhekk jien ukoll fakkart li l-fejqan “hu wkoll frott tal-għarfien tal-marda u tad-deċiżjoni personali u komunitarja li nfiqu billi bis-sabar u l-perseveranza nissaportu l-kura” (Diskors lill-Kurja Rumana, 22 ta’ Diċembru 2014).

[xvii] B’riforma hawn qed nifhmu trasformazzjoni, jiġifieri bidla għall-aħjar, titjib: tibdel in melius.

[xviii] Ara OmelijaDomus Sanctæ Marthæ, 1 ta’ Diċembru 2016.

[xix] Omelija fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Kurja Rumana, 22 ta’ Frar 2016; ara Diskors tal-inawgurazzjoni tal-ħidmiet tal-Konċistorju, 12 ta’ Frar 2015.

[xx] Pawlu VI, Diskors lill-Kurja Rumana, 21 ta’ Settembru 1963.

[xxi] “Id-dmir li tevanġelizza l-ġnus kollha jifforma l-missjoni essenzjali tal-Knisja. Huwa dmir u missjoni li t-tibdil profond u immens tas-soċjetà tal-lum jagħmluhom ferm iżjed urġenti. L-evanġelizzazzjoni hija fil-fatt il-grazzja u vokazzjoni preċiżi tal-Knisja, l-aqwa marka li tagħtiha l-identità tagħha. Il-Knisja teżisti biex tevanġelizza, […] ‎il-komunità Nisranija qatt ma tingħalaq fiha nnifisha. Il-ħajja intima ta’ din il-komunità – dik il-ħajja li tisma’ l-Kelma u t-tagħlim tal-Appostli, l-imħabba tal-aħwa bejniethom, il-qsim tal-ħobż – tikseb it-tifsir kollu tagħha biss meta ssir xhieda, meta tqanqal l-ammirazzjoni u l-konverżjoni, u meta ssir il-predikazzjoni u x-xandir tal-Aħbar Tajba. Hekk hija l-Knisja kollha li tirċievi l-missjoni li tevanġelizza, u l-ħidma ta’ kull membru individwali huwa importanti għall-Knisja kollha” (Id., Eżortazzjoni appostolika Evangelii nuntiandi, 14-15). “‘Ma nistgħux nibqgħu iżjed bi kwietna, fi stennija passiva, ġol-knejjes tagħna’, u jeħtieġ ngħaddu ‘minn pastorali ta’ sempliċi konservazzjoni għal pastorali deċiżivament missjunarja’” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 15).

[xxii] Ma rridux nitilfu t-tensjoni għat-tħabbira lil dawk li huma mbiegħda minn Kristu, għax dan hu l-ewwel dmir tal-Knisja (ara Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Redemptoris missio, 34).

[xxiii] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 26. “Noħlom li nagħmlu għażla missjunarja [= missjoni paradigmatika] li kapaċi tibdel kull ħaġa, biex hekk id-drawwiet, l-istili, il-ħinijiet, il-lingwaġġ u kull struttura ekkleżjali [= missjoni programmatika] jsiru kanal tajjeb għall-evanġelizzazzjoni tad-dinja tal-lum, iktar milli għall-awtopreservazzjoni” (ibid., 27). F’dan is-sens, “dak li jġarraf l-istrutturi ta’ ħajja qasira, dak li jwassal biex jibdel il-qlub tal-Insara, hi preċiżament il-missjonarjetà”, ladarba “l-missjoni programmatika, kif juri isimha, tikkonsisti fit-twettiq ta’ għemejjel ta’ ruħ missjunarja. Min-naħa l-oħra, il-missjoni paradigmatika timplika li nqiegħdu f’dawl missjunarju l-ħidmiet tas-soltu tal-Knejjes partikulari” (Diskors lill-Isqfijiet responsabbli taċ-CELAM, Rio de Janeiro, 28 ta’ Lulju 2013).

[xxiv] Ara Pawlu VI, Kostituzzjoni appostolika Regimini Ecclesiæ universæ, art. 1 §2; Ġwanni Pawlu II, Kostituzzjoni appostolika Pastor Bonus, art. 2 §2.

[xxv] “Hu minn Ruma llum li toħroġ l-istedina għall-‘aġġornament’ […], jiġifieri għall-perfezzjonament ta’ kull ħaġa, interna u esterna, tal-Knisja. Ruma papali llum m’għadhiex kif kienet, u, għall-grazzja ta’ Alla, hi iżjed denja u iżjed għarfa u iżjed qaddisa; tant iżjed konxja mis-sejħa evanġelika tagħha, tant iżjed impenjata fil-missjoni Nisranija tagħna, u għalhekk tant iżjed mixtieqa, suxxettibbli għal tiġdid kontinwu” (Pawlu VI, Diskors lill-Kurja Rumana, 21 ta’ Settembru 1963).

[xxvi] Motu Propju Sedula Mater, 15 ta’ Awwissu 2016.

[xxvii] Digriet Christus ‎Dominus, 9.

[xxviii] Fost il-funzjonijiet tas-Segretarju tal-Istat, li hu l-ewwel kollaboratur tal-Papa fit-tħaddim tal-ogħla missjoni tiegħu u eżekutur tal-għażliet li l-Papa jagħmel bl-għajnuna tal-organi ta’ konsultazzjoni, għandha tieħu l-ewwel importanza l-laqgħa perjodika u frekwenti mal-Kapijiet tad-Dikasteri. Hu x’inhu, huma ta’ ħtieġa primarja l-kordinament u l-kollaborazzjoni tad-Dikasteri bejniethom u mal-Uffiċċji l-oħra.

[xxix] Ara Ġwanni Pawlu II, Kostituzzjoni appostolika Pastor Bonus, 22.

[xxx] Knisja sinodali u Knisja tas-smigħ (ara Diskors ta’ tifkira tal-50 sena mit-twaqqif tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 17 ta’ Ottubru 2015; ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 171). Tappi tas-smigħ għar-riforma tal-Kurja kienu: 1. Ġbir ta’ pariri fis-Sajf tal-2013: mill-Kapijiet tad-Dikasteri u oħrajn; mill-Kardinali tal-Kunsill; mill-Isqfijiet u l-Konferenzi Episkopali tar-reġjuni territorjali ta’ provenjenza; 2. Laqgħat tal-Kapijiet tad-Dikasteri fl-10 ta’ Settembru 2013 u fl-24 ta’ Novembru 2014; 3. Konċistorju tat-12-13 ta’ Frar 2015; 4. Ittra tal-Kunsill tal-Kardinali lill-Kapijiet tad-Dikasteri fis-17 ta’ Settembru 2014 għal xi “deċentramenti” li kellhom isiru; 5. Interventi tal-Kapijiet tad-Dikasteri fil-laqgħat tal-Kunsill tal-Kardinali għal talba ta’ proposti u pariri għar-riforma ta’ Dikasteru (ara Marcello Semeraro, La riforma di Papa Francesco, Il Regno, pp. 433-441).

[xxxi] Biex wieħed jinżel iktar fil-fond tal-passi li saru, ir-raġunijiet u l-iskopijiet tal-proċess ta’ riforma, nirrikkmandalu jirriferi b’mod partikulari għat-tliet Ittri Appostoliċi f’għamla ta’ Motu Propju li bihom sal-lum intervjenejna biex ħloqna, biddilna jew neħħejna xi Dikasteri tal-Kurja Rumana.

[xxxii] Ir-ritmu tal-ħidma jinvolvi l-membri tal-Kunsill filgħodu u filgħaxija, li sal-lum iltaqgħu 93 darba.

[xxxiii] Is-sessjonijiet ta’ ħidma tal-Kunsill sal-lum kienu iżjed minn sittax (medja ta’ waħda kull xahrejn), imqassma hekk fiż-żmien: I‎ Sessjoni: 1 – 3 ta’ Ottubru 2013‎; II‎ Sessjoni: 3 – 5 ta’ Diċembru 2013‎; III Sessjoni: 17 – 19 ta’ Frar 2014‎; IV‎ Sessjoni: 28 – 30 ta’ April 2014‎; V‎ Sessjoni: 1 – 4 ta’ Lulju 2014‎; VI Sessjoni: 15 – 17 ta’ Settembru 2014‎; VII‎ Sessjoni: 9 – 11 ta’ Diċembru 2014‎; VIII‎ Sessjoni: 9 – 11 ta’ Frar 2015‎; IX‎ Sessjoni: 13 – 15 ta’ Marzu 2015‎; X‎ Sessjoni: 8 – 10 ta’ Ġunju 2015‎; XI‎-il Sessjoni: 14 – 16 ta’ Settembru 2015‎; XII-il Sessjoni: 10 – 12 ta’ Diċembru 2015‎; XIII‎-il Sessjoni: 8 – 9 ta’ Frar 2016‎; XIV‎-il Sessjoni: 11 – 13 ta’ April 2016‎; XV-il Sessjoni: 6 – 8 ta’ Ġunju 2016‎; XVI‎-il Sessjoni:‎ 12 – 14 ta’ Settembru 2016‎; XVII-il Sessjoni:‎ ‎12 – 14 ta’ Diċembru 2016.‎

[xxxiv] Imwaqqfa fit-18 ta’ Lulju 2013 u xolta fit-22 ta’ Mejju 2014, bil-funzjoni li toffri s-sapport tekniku tal-konsulenza speċjalistika u telabora soluzzjonijiet strateġiċi ta’ titjib, adatti biex jevitaw ħela ta’ riżorsi ekonomiċi, biex tiffavorixxi t-trasparenza fil-proċessi ta’ kisba ta’ beni u servizzi, biex tipperfezzjona l-amministrazzjoni tal-patrimonju mobiljari u immobiljari, biex taħdem bi prudenza dejjem ikbar fil-qasam finanzjarju, biex tiżgura applikazzjoni korretta tal-prinċipji kontabbli u biex tiggarantixxi assistenza sanitarja u viżjoni soċjali għal dawk kollha li għandhom dritt: “għal simplifikazzjoni u razzjonalizzazzjoni tal-Organiżmi eżistenti u għal programmazzjoni iżjed attenta tal-attivitajiet ekonomiċi tal-Amministrazzjonijiet kollha tal-Vatikan” (Kirografu tat-18 ta’ Lulju 2013).

[xxxv] Ngħidu aħna, ir-Rakkomandazzjonijiet elaborati tal-Grupp ta’ Azzjoni Finanzjarja Internazzjonali (GAFI). Illum l-attività tal-IOR hi għalkollox konformi man-norma attwali fl-Istat tal-Belt tal-Vatikan f’materja ta’ ħidma kontra l-ħasil tal-flus u l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu applikata fl-Istat tal-Belt tal-Vatikan.

[xxxvi] L-AIF hi “Istituzzjoni marbuta mas-Santa Sede” li “tiżvoloġi, f’awtonomija u indipendenza sħiħa, dawn il-funzjonijiet: a) tgħasses u tirregolamenta għal skopijiet prudenzjali l-entijiet li jiżvolġu professjonalment attività ta’ natura finanzjarja; b) tgħasses u tirregolamenta għal skopijiet ta’ prevenzjoni u biex tiġġieled il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; ċ) informazzjoni finanzjarja” (Statut tal-AIF, Tit. 1, Art. 1 u 2).

[xxxvii] L-AIF twaqqfet ukoll biex iġġedded l-impenn tas-Santa Sede f’li tadotta l-prinċipji u tħaddem l-istrumenti ġuridiċi żviluppati mill-Komunità internazzjonali, u tkompli tadatta aktar l-istruttura istituzzjonali għall-għanijiet tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu u t-tixrid tal-armi tal-qerda tal-massa.

[xxxviii] Il-Kunsill għall-Ekonomija għandu l-“ħidma li jissorvelja l-immaniġġjar ekonomiku u jgħasses l-istrutturi u l-attivitajiet amministrattivi u finanzjarji tad-dikasteri tal-Kurja Rumana, tal-istituzzjonijiet marbuta mas-Santa Sede u tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan” (Motu Propju Fidelis dispensator et prudens, 1).

[xxxix] L-Uffiċċju tar-Reviżur Ġenerali jaħdem f’awtonomija u indipendenza sħiħa fi qbil mal-leġislazzjoni attwali u mal-Istatut tiegħu, u jirrapporta direttament lill-Papa. Jagħti lill-Kunsill għall-Ekonomija programm annwali ta’ reviżjoni kif ukoll relazzjoni annwali tal-ħidmiet tiegħu. L-għan tal-programm ta’ reviżjoni hu li jindividwa l-oqsma l-iżjed importanti ta’ immaniġġjar u organizzazzjoni li potenzjalment fihom riskji. L-Uffiċċju tar-Reviżur Ġenerali hu l-istituzzjoni li tagħmel ir-reviżjoni kontabbli tad-Dikasteri tal-Kurja Rumana, tal-Istituzzjonijiet marbuta mas-Santa Sede u tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan. Il-ħidma tal-URG issegwi l-għan li tforni b’pariri professjonali u indipendenti, fil-mertu tal-adegwatezza tal-proċeduri kontabbli u amministrattivi (sistema ta’ kontroll intern) u l-applikazzjoni effettiva tagħhom (compliance audit), kif ukoll l-attendibbiltà tal-bilanċi tad-Dikasteri u l-baġit konsolidat (financial audit) u r-regolarità fl-użu tar-riżorsi finanzjarji u materjali (value for money audit).

[xl] “Il-kuntest komunikattiv ta’ żmienna, ikkaratterizzat mill-preżenza u mill-iżvilupp tal-midja diġitali, mill-fatturi tal-konverġenza u tal-interattività, jitlob minna li nerġgħu naħsbu s-sistema informattiva tas-Santa Sede u jimpenjana b’risq riorganizzazzjoni li, hi u tagħti valur lil dak kollu li tul l-istorja ġie żviluppat fi ħdan l-istruttura tal-komunikazzjoni tas-Sede Appostolika, ċertament tipproċedi lejn integrazzjoni u immaniġġjar unitarju” (Statut tas-Segreterija għall-Komunikazzjoni, Preambolu).

[xli] Bil-Motu Propju tal-31 ta’ Mejju 2016 De concordia inter Codices inbidlu xi normi tal-Kodiċi tal-Liġi Kanonika.

[xlii] Il-kompetenza partikulari ta’ dan id-Dikasteru sa tkun fil-kwistjonijiet tal-immigrazzjoni, dawk fil-bżonn, il-morda u l-imwarrba, l-emarġinati u l-vittmi tal-ġlied bl-armi u tal-katastrofi naturali, il-ħabsin, dawk qiegħda u l-vittmi ta’ kull xorta ta’ jasar u ta’ tortura”.

[xliii] L’umanità di Dio, Qiqajon, Magnano 2015, 183-184.