DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU LILL-KURJA RUMANA

GĦALL-GĦOTI TAX-XEWQAT TAL-MILIED

 

Sala Klementina

Il-Ġimgħa 21 ta’ Diċembru 2018

 

 Il-lejl għoddu għadda, u qorob il-jum. Inwarrbu mela l-għemil tad-dlam u nilbsu l-armi tad-dawl.” (Rum 13:12)

 

Għeżież ħuti,

 

Imħaddnin mill-ferħ u t-tama li jwasslilna t-Tfajjel divin, din is-sena qed nerġgħu niltaqgħu biex nagħtu l-isbaħ xewqat tal-Milied lil xulxin, filwaqt li nġorru f’qalbna d-diffikultajiet u l-ferħ kollu tad-dinja u tal-Knisja.

 

Minn qalbi nixtieq Milied qaddis lilkom, lill-kollaboraturi tagħkom, lil dawk kollha li jagħtu servizz fil-Kurja, lir-Rappreżentanti Pontifiċji u lill-kollaboraturi tan-Nunzjaturi. Nixtieq nirringrazzja lilkom ukoll għad-dedikazzjoni kontinwa tagħkom għas-servizz tas-Santa Sede, tal-Knisja u tas-Suċċessur ta’ Pietru. Grazzi ħafna!

 

Ippermettuli wkoll minn qalbi nagħti merħba lis-Sostitut il-ġdid tas-Segreterija tal-Istat, l-Eċċellenza Tiegħu Mons. Edgar Peña Parra, li beda joffri s-servizz delikat u importanti tiegħu fil-15 ta’ Ottubru li għadda. Il-fatt li ġej mill-Veneżwela hija xhieda tal-kattoliċità tal-Knisja u tal-bżonn li jinfetħu dejjem iktar l-orizzonti sa truf l-art. Merħba, għażiż Eċċellenza, u l-ħidma t-tajba!

 

Il-Milied hija festa li timliena bil-ferħ u turina kemm żgur ebda dnub mhu se jisboq ’il-ħniena ta’ Alla, u l-ebda att tal-bniedem ma jista’ qatt iwaqqaf iż-żerniq tad-dawl divin milli jitwieled, jitwieled mill-ġdid fil-qlub tal-bnedmin. Din il-festa tistedinna nġeddu l-impenn Evanġeliku li nxandru lil Kristu, Salvatur tad-dinja u dawl tal-univers. Fil-fatt, waqt li “Kristu, ‘qaddis, innoċenti, safi’ (Lhud 7:26), ma kienx jaf x’inhu dnub (ara 2 Kor 5:21) u ġie biss biex ipatti għad-dnubiet tal-poplu (ara Lhud 2:17), il-Knisja, li għandha fi ħdanha wkoll il-midinbin, li hi qaddisa iżda fl-istess ħin dejjem fi ħtieġa ta’ purifikazzjoni, qatt ma tehda tagħmel penitenza u ġġedded lilha nnifisha. Il-Knisja ‘tkompli l-pellegrinaġġ tagħha fost il-persekuzzjonijiet tad-dinja u l-konsolazzjonijiet ta’ Alla’ u tħabbar il-passjoni u l-mewt tal-Mulej sa ma jiġi (ara 1 Kor 11:26). Mill-qawwa ta’ Kristu mqajjem mill-mewt hija ssib il-forza biex bis-sabar u bl-imħabba tirbaħ it-tiġrib u d-diffikulatijiet li jiġuha minn barra u minn ġewwa u biex tirrivela lid-dinja bil-fedeltà, ukoll jekk fost id-dellijiet, il-misteru tiegħu sakemm fl-aħħar taż-żminijiet huwa juri ruħu fil-milja tad-dawl tiegħu” (Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni Dommatika Lumen Gentium, 8).

 

Għalhekk, b’konvizjoni soda li d-dawl huwa dejjem iktar b’saħħtu mid-dlam, nixtieq naqsam magħkom din ir-riflessjoni dwar id-dawl li jorbot il-Milied – allura, l-ewwel miġja fl-umanità – mal-Parusia – it-tieni miġja fil-ġmiel – u jagħtina tama ċerta li ma tħallina qatt iddiżappuntati. Dik it-tama li minnha tiddependi l-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna u l-istorja kollha tal-Knisja u tad-dinja. Kemm tkun kerha Knisja li ma tittamax!

 

Fil-verità, Ġesù jitwieled f’sitwazzjoni soċjopolitika u reliġjuża mimlija tensjoni, aġitazzjoni u dlam. It-twelid tiegħu, minn naħa mistenni u mill-oħra miċħud, jurina l-loġika divina li ma ċċedix quddiem il-ħażen, anzi tibdlu f’tajjeb, b’mod radikali u gradwali, flimkien mal-loġika malinnja li saħansitra trid tibdel it-tajjeb f’ħażin, biex twassal biex l-umanità tibqa’ fid-disperazzjoni u d-dlam: “id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux” (Ġw 1:5).

 

Iżda kull sena l-Milied ifakkarna li l-fidwa ta’ Alla, mogħtija b’mod gradwali lill-umanità kollha, lill-Knisja u b’mod partikolari lilna, persuni kkonsagrati, ma taħdimx mingħajr ir-rieda tagħna, mingħajr il-koperazzjoni tagħna, mingħajr il-libertà tagħna, mingħajr il-ħidma bla waqfien tagħna. Il-fidwa hija don, veru, iżda don li għandu jiġi milqugħ, imħares u mħaddem biex jagħti l-frott (ara Mt 25:14-30). Li nkunu Kristjani b’mod ġenerali, u għalina b’mod partikolari li nkunu midluka, ikkonsagrati mill-Mulej, ma jfissirx li nġibu ruħna bħala ċirku ta’ pprivileġġjati li jaħsbu li Alla huwa tagħhom biss, imma bħala persuni li jafu li huma maħbuba mill-Mulej minkejja li huma midinba u mhux denji. Min hu kkonsagrat, fil-fatt, mhuwa xejn għajr ħaddiem fl-għalqa tas-Sid li għandu jagħti, fiż-żmien miftiehem, il-frott u l-qligħ lil Sid l-għalqa (ara Mt 20:1-16).

 

Il-Bibbja u l-istorja tal-Knisja juruna li ħafna drabi huma saħansitra l-istess magħżulin li biż-żmien jibdew jaħsbu, jemmnu u jġibu ruħhom daqslikieku sidien tal-fidwa u mhux dawk li qed jirċevuha, daqslikieku dawk li jikkontrollaw il-misteri ta’ Alla u mhux bħala dawk li b’mod umli jamministrawhom, daqslikieku uffiċjali li jikkontrollaw kollox f’isem Alla u mhux bħala qaddejja tal-merħla fdata f’idejhom.

 

Ħafna drabi – minħabba fervur żejjed u indirizzat ħażin – minflok nimxu wara Alla, nippruvaw nimxu quddiemu, bħal Pietru li kkritika lill-Imgħallem u, kif kien ħaqqu, irċieva ċ-ċanfira l-aktar iebsa li Kristu qatt ta lil bniedem: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan, għax m’intix taħseb fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin!” (Mk 8:33).

 

Għeżież ħuti,

 

F’dinja mqallba, id-dgħajsa tal-Knisja din is-sena għexet u qed tgħix mumenti iebsa, u sabet ruħha mifnija minn tempesti u uragani. Ħafna spiċċaw jistaqsu lill-Imgħallem, li jidher rieqed: “Mgħallem, dan qisu mhu xejn għalik li aħna se nintilfu?” (Mk 4:38). Oħrajn, imħawdin minħabba l-aħbarijiet, bdew jitilfu l-fiduċja fiha u jabbandunawha; oħrajn, minħabba biża’, interessi, skopijiet ħżiena, ippruvaw jaħbtu għaliha biex ikomplu jżidulha l-feriti; oħrajn ma jaħbux is-sodisfazzjon tagħhom xħin jarawha fi stat ħażin; ħafna iżda jibqgħu ggranfati magħha, żguri li “s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex” (Mt 16:18).

 

Sadattant l-Għarusa ta’ Kristu tibqa’ miexja l-pellegrinaġġ fost ferħat u weġgħat, suċċessi u diffikultajiet, ġejjin minn barra u minn ġewwa. Żgur li d-diffikultajiet li ġejjin minn ġewwa jibqgħu dawk li jnisslu l-ikbar weġgħat u l-iktar li jeqirdu.

 

Il-weġgħat

 

Il-weġgħat huma ħafna. Kemm immigrati – imġegħlin iħallu pajjiżhom u jirriskjaw ħajjithom – jiltaqgħu mal-mewt, jew kemm jibqgħu ħajjin imma jsibu l-bibien magħluqin u lill-bnedmin ħuthom ħsiebhom fil-konkwisti politiċi u tal-poter! Kemm biża’ u preġudizzju! Kemm persuni u kemm tfal imutu kuljum minħabba nuqqas ta’ ilma, ikel u mediċina! Kemm faqar u miżerja! Kemm vjolenza kontra min hu dgħajjef u kontra n-nisa! Kemm xeni ta’ gwerer iddikjarati u mhux iddikjarati! Kemm jiġi mxerred demm innoċenti kuljum! Kemm nuqqas ta’ umanità u brutalità li jdawruna minn kull naħa! Kemm hawn persuni li sal-lum għadhom qed jiġu ttorturati b’mod sistematiku fl-għases tal-pulizija, fil-ħabsijiet u fil-kampijiet tar-refuġjati f’partijiet differenti tad-dinja!

 

Il-verità hi li qed ngħixu wkoll era ġdida ta’ martri. Il-persekuzzjoni kiefra u attroċi tal-Imperu Ruman donnha ma tistax tiġi fi tmiemha. Donnu Neruni qed jerġa’ jitwieled il-ħin kollu biex ikompli jaħqar lil dawk li jemmnu, u dan biss minħabba l-fidi tagħhom fi Kristu. Gruppi estremisti ġodda qed jinbtu b’rata mgħaġġla u ħsiebhom biex jaħbtu għall-knejjes, għall-postijiet tat-talb, għall-ministri u għal min hu biss sempliċi fidil. Soċjetajiet u għaqdiet sigrieti, qodma u ġodda, jgħixu u jissaħħu bil-mibegħda u l-ostilità lejn Kristu, il-Knisja u dawk li jemmnu. Kemm Kristjani f’ħafna partijiet tad-dinja għadhom jgħixu taħt il-piż tal-persekuzzjoni, tal-emarġinazzjoni, tad-diskriminazzjoni u tal-inġustizzja! Madankollu jibqgħu jħaddnu b’kuraġġ il-mewt biex ma jiċħdux lil Kristu. Kemm għadu diffiċli li tgħix b’libertà l-fidi f’ħafna partijiet tad-dinja fejn m’hemmx libertà reliġjuża u libertà tal-kuxjenza!

 

Mill-banda l-oħra, l-eżempju kuraġġjuż tal-martri u tal-ħafna Samaritani tajba, jiġifieri ż-żgħażagħ, il-familji, il-movimenti tal-karità u tal-volontarjat u l-ħafna fidili u kkonsagrati, xorta ma jħalluniex ninsew il-ġrajjiet negattivi u l-iskandli ta’ ftit ulied u ministri tal-Knisja.

 

Hawn se nitkellem biss dwar iż-żewġ ġerħat tal-abbużi u tal-infedeltà.

 

Il-Knisja ilha għal xi snin li ħadet impenn serju biex teqred il-ħażen tal-abbużi, li jokrob għall-ġustizzja mingħand il-Mulej, mingħand Alla li ma jinsa qatt is-sofferenza li jgħixu ħafna minuri minħabba qassisin u persuni kkonsagrati: abbużi ta’ poter, ta’ kuxjenza u sesswali.

 

Xħin ħsibt f’dan is-suġġett li jweġġagħni ħafna, ġietni f’moħħi l-figura tar-re David – “midluk tal-Mulej” (ara 1 Sam 16:14; 2 Sam 11-12). Hu, li min-nisel tiegħu ħareġ it-Tfajjel Divin – imsejjaħ anki “Bin David” – minkejja li ġie magħżul bħala re u midluk tal-Mulej, wettaq dnub triplu, jiġifieri tliet abbużi gravi fl-istess waqt: abbuż sesswali, ta’ poter u ta’ kuxjenza. Tliet abbużi differenti, li madankollu jingħaqdu u jsiru ħaġa waħda.

 

L-istorja tibda, bħalma nafu, meta r-re, għalkemm gwerrier espert, jibqa’ d-dar jitgħażżen minflok imur f’nofs il-poplu ta’ Alla li qed jiġġieled. David japprofitta ruħu, biex ikun komdu u għal interess personali, mill-fatt li hu r-re (abbuż ta’ poter). Il-midluk, ħsiebu fil-kumdità, jibda nieżel in-niżla li se twasslu għar-rovina, niżla morali u tal-kuxjenza. Huwa proprju f’dan il-kuntest li hu, mis-setaħ tal-palazz, jilmaħ lil Batseba, mart Urija l-Ħitti, tinħasel u jinġibed lejha (ara 2 Sam 11). Bagħat isejħilha u mtedd magħha (għal darb’oħra, abbuż ta’ poter, flimkien ma’ abbuż sesswali). Hekk jabbuża minn mara miżżewġa u waħidha u, biex jaħbi d-dnub tiegħu, isejjaħ lura d-dar lil Urija u jipprova jikkonvinċih jgħaddi l-lejl ma’ martu, bla ma jirnexxielu. Wara dan, jikkmanda lil dak li qed imexxi l-eżerċtu biex ipoġġi lil Urija fl-eħrex tat-taqbida fejn żgur jispiċċa jmut (mill-ġdid, abbuż ta’ poter, flimkien ma’ abbuż ta’ kuxjenza). Il-katina tad-dnub tikber dejjem aktar u malajr issir xibka ta’ korruzzjoni. Hu jibqa’ d-dar jitgħażżen.

 

Min-naqra ta’ xrara tal-aċċidja u tal-lussurja, u min-nuqqas ta’ attenzjoni tibda l-katina djabolika ta’ dnubiet gravi: adulterju, gideb u qtil. Peress li hu re, jimmaġina li jista’ jagħmel kollox u jieħu kulma jrid. Għalhekk David jipprova anki jqarraq bir-raġel ta’ Batseba, bin-nies, bih innifsu u saħansitra b’Alla. Ir-re jinsa r-relazzjoni tiegħu ma’ Alla, jikser il-kmandamenti divini, jidrob l-integrità morali tiegħu, mingħajr anqas biss tniggżu l-kuxjenza. Il-midluk jibqa’ jaqdi l-missjoni tiegħu qisu qatt ma kien xejn. Jimpurtah biss li ma tiċċappasx l-immaġni tiegħu jew kif jidher quddiem in-nies. “Għax dawk li ma jintebħux li qed jonqsu bil-kbir kontra l-Liġi ta’ Alla kapaċi jitkaxkru minn speċi ta’ sturdament jew jitmewtu. Billi ma jsibu xejn gravi fuqiex iċanfru lilhom infushom, ma jintebħux b’dik it-telqa li naqra naqra taħkem lill-ħajja spirtiwali tagħhom u jispiċċaw jegħjew u jikkorrompu ruħhom” (Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate, 164). Minn midinba jispiċċaw isiru korrotti.

 

Anki llum jeżistu ħafna “midlukin tal-Mulej”, irġiel ikkonsagrati, li jabbużaw minn min hu dgħajjef, japprofittaw mill-poter morali u ta’ persważjoni li jista’ jkollhom. Iwettqu atti mistmerra u jibqgħu jaqdu l-ministeru tagħhom qisu qatt ma kien xejn; ma jibżgħux minn Alla jew mill-ġudizzju tiegħu, iżda jibżgħu biss li jinkixfu u taqgħalhom il-maskra. Ministri li jfieru l-ġisem tal-Knisja, joħolqu skandli u joħonqu l-missjoni salvifika tal-Knisja u s-sagrifiċċji ta’ ħafna minn ħuthom fis-saċerdozju.

 

Anki llum, għeżież ħuti, ħafna bħal David, mingħajr ebda eżitazzjoni, jidħlu fix-xibka tal-korruzzjoni, imorru kontra Alla, il-kmandamenti tiegħu, il-vokazzjoni tagħhom, il-Knisja, il-poplu ta’ Alla u l-fiduċja taċ-ċkejknin u tal-familjari tagħhom. Ħafna drabi, wara l-karattru mill-iktar ġentili, il-ħidma bla heda u d-dehra qaddisa, ikun jinħeba b’mod sfaċċat lupu bla ħniena lest jibla’ taħt snienu lil min hu l-iktar innoċenti.

 

Id-dnubiet u l-atti kriminali tal-persuni kkonsagrati jieħdu dehra iktar kiefra ta’ infedeltà, mistħija u jbiddlu l-wiċċ tal-Knisja għaliex inaqqsulha mill-kredibbiltà. Fil-fatt, il-Knisja, flimkien ma’ wliedha l-fidili hija wkoll vittma ta’ dawn it-tradimenti u ta’ dawn li nistgħu nsejħulhom verament “reati ta’ ingann”.

 

Għeżież ħuti,

 

Irrid inkun ċar li quddiem dawn l-atti orrendi, il-Knisja mhix se tibqa’ lura milli tagħmel dak kollu li hemm bżonn biex tara li ssir ġustizzja minn kull min ikun għamel atti kriminali bħal dawn, ikun min ikun. Il-Knisja qatt mhi se tipprova tordom taħt it-trab xi każ, jew ma tiħdux bis-serjetà. Ma nistgħux niċħdu li fil-passat, minħabba li ma ttiħdux passi bis-serjetà, minħabba li ma twemmnux l-istejjer, minħabba nuqqas ta’ preparazzjoni, minħabba nuqqas ta’ esperjenza – għandna niġġudikaw il-passat bl-ermenewtika tal-passat – jew minħabba superfiċjalità spiritwali u umana, uħud mir-responsabbli ttrattaw ħafna każijiet mingħajr is-serjetà meħtieġa u forsi bil-mod wisq. Dan qatt m’għandu jsir. Din hija l-għażla u d-deċiżjoni tal-Knisja kollha.

 

Fi Frar li ġej il-Knisja se terġa’ ssostni r-rieda soda tagħha li tibqa’ miexja, bil-qawwa kollha, fit-triq tal-purifikazzjoni. Il-Knisja se tistaqsi lilha nfisha, bl-għajnuna anki tal-esperti, fuq kif għandha tħares lit-tfal; kif għandha tevita li jitwettqu traġedji bħal dawn, kif tfejjaq u tintegra mill-ġdid lill-vittmi; kif issaħħaħ il-formazzjoni fis-seminarji. Se tipprova tbiddel l-iżbalji li saru f’opportunitajiet biex tneħħi dawn il-pjagi mhux biss mill-ġisem tal-Knisja iżda wkoll mis-soċjetà. Fil-fatt, jekk din is-sitwazzjoni traġika spiċċat messet xi ministri kkonsagrati, nistaqsu lilna nfusna: din il-pjaga kemm jista’ jkun li niżlet fil-fond fis-soċjetajiet u fil-familji tagħna? Il-Knisja għalhekk mhix se tfejjaq lilha nfisha u daqshekk, iżda se tipprova taffronta dan il-ħażen li bil-mod qed iwassal għall-mewt ta’ tant nies, mewt fuq livell morali, psikoloġiku u uman.

 

Għeżież ħuti,

 

Meta jitkellmu dwar din il-pjaga, uħud fi ħdan il-Knisja jeħduha bi ħrara kbira kontra xi operaturi tal-komunikazzjoni, u jakkużawhom li mhux qed jitkellmu dwar il-maġġoranza assoluta tal-każijiet tal-abbużi, li mhux qed jiġu mwettqa minn ministri tal-Knisja – l-istatistiċi jitkellmu dwar iktar mill-95% tal-każijiet – u jakkużawhom li b’mod intenzjonali qed jagħtu stampa falza, daqslikieku dan il-ħażen jinstab biss fil-Knisja Kattolika. Iżda jien nixtieq nirringrazzja mill-qalb lil dawk l-operaturi tal-midja li kienu onesti u oġġettivi u li ppruvaw jikxfu lil dawn l-ilpup u jagħtu vuċi lill-vittmi. Anki kieku jagħti l-kas li jeżisti każ ta’ abbuż wieħed biss – li fih innifsu diġà jkun att mostruż – il-Knisja ma tfittixx li tibqa’ siekta iżda trid toħorġu għad-dawl, b’mod oġġettiv, għaliex l-ikbar skandlu f’dan il-qasam iseħħ meta tinħeba l-verità.

 

Ma ninsewx li kien biss permezz tal-laqgħa mal-profeta Natan li David fehem kemm kien gravi d-dnub tiegħu. Illum għandna bżonn ta’ nies ġodda li bħal Natan jgħinu lill-ħafna nies li bħal David għandhom bżonn iqumu minn ħajja ipokrita u perversa. Nitlobkom, ejjew ngħinu lil Ommna l-Knisja Mqaddsa fix-xogħol diffiċli li għandha, jiġifieri dak li tagħraf il-każijiet veri minn dawk foloz, l-akkużi mill-kalunnji, l-għadab mill-allużjonijiet, l-għajdut mid-diffamazzjoni. Biċċa xogħol diffiċli mhux ftit, għaliex min veru jkollu tort jaf jinħeba sew, tant li ħafna nisa, ommijiet u aħwa ma jirnexxilhomx jindunaw li huma l-iktar nies qrib tagħhom: żwieġhom, parrini, nanniet, zijiet, aħwa, ġirien, għalliema… Anki l-vittmi, magħżulin bi ħsieb mill-predatur, spiss jippreferu ma jitkellmux u saħansitra, maħkumin mill-biża’, ma jirribellawx minħabba l-mistħija jew imwerwra li se jispiċċaw abbandunati.

 

U nixtieq ngħid dan lil min jabbuża mill-minuri: ikkonvertu u agħtu rwieħkom lill-ġustizzja umana. Kunu wkoll ippreparati għall-ġustizzja divina, ftakru fil-kliem ta’ Kristu, “Min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun aħjar għalih li jdendlulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawru l-ħmir, u jgħarrquh f’qiegħ ta’ baħar. Ħażin għaliha d-dinja minħabba l-iskandli! Għax jeħtieġ li l-iskandli jsiru, imma ħażin għalih dak il-bniedem li minħabba fih isiru l-iskandli” (Mt 18:6-7).

 

Għeżież ħuti,

 

Ippermettuli issa nitkellem dwar weġgħa oħra, l-infedeltà ta’ dawk li jiċħdu l-vokazzjoni tagħhom, il-ġurament li ħadu, il-missjoni tagħhom, il-konsagrazzjoni tagħhom lil Alla u lill-Knisja; dawk li jinħbew wara intenzjonijiet tajba biex joħolqu l-problemi lil ħuthom u jiżirgħu s-sikrana – idaħħlu l-inkwiet, il-firda u l-konfużjoni; persuni li dejjem isibu xi skuża, anki loġika, anki spiritwali, biex ikomplu jterrqu t-triq tat-telfien bla ħadd ma jwaqqafhom.

 

U din mhix xi ħaġa ġdida fl-istorja tal-Knisja. Santu Wistin, meta jitkellem fuq il-qamħ it-tajjeb u fuq is-sikrana, jafferma: “Taħsbu intom, ħuti, li s-sikrana ma tistax togħla sal-katedri episkopali? Forsi taħsbu li ssibha biss fil-klassijiet ta’ taħt u mhux f’dawk ta’ fuq? Nitolbu lis-Sema li aħna ma nkunux sikrana! […] Anki fuq il-katedri episkopali hemm il-qamħ u hemm is-sikrana; u fost id-diversi komunitajiet tal-fidili hemm il-qamħ u  hemm is-sikrana” (Sermo 73, 4: PL 38, 472).  

 

Dan il-kliem ta’ Santu Wistin iridna niftakru fil-proverbju li jgħid li ċ-ċangaturi tat-triq li tieħu għall-infern huma l-intenzjonijiet tajba; u jgħinna nifhmu li t-Tentatur, l-Akkużatur il-Kbir, huwa dak li jifred, jiżra’ l-ġlied, jara kif inibbet l-ostilità, jikkonvinċi ’l-ulied u jdaħħal id-dubji.

 

Il-verità hi li fil-fatt, wara min jiżra’ din is-sikrana, kważi dejjem issib il-famużi tletin munita tal-fidda. U hekk naraw kif il-figura ta’ David teħodna għal dik ta’ Ġuda l-Iskarjota, ieħor mill-magħżulin tal-Mulej li jbigħ u jagħti lill-imgħallem tiegħu għall-mewt. David il-midneb u Ġuda l-Iskarjota dejjem se nsibuhom preżenti fil-Knisja, għaliex huma s-simbolu tad-dgħufija, li hija parti min-natura umana tagħna. Huma jirrappreżentaw id-dnubiet u l-ħtijiet imwettqa minn persuni magħżula u kkonsagrati. Magħqudin fil-gravità tad-dnub tagħhom, iżda differenti fil-konverżjoni. David nidem u ntelaq għall-ħniena ta’ Alla, filwaqt li Ġuda wettaq suwiċidju.

 

Aħna lkoll, allura,  biex inħallu li d-dawl ta’ Kristu jibqa’ jiddi, għandna d-dmir niġġieldu kull korruzzjoni spiritwali, li “hi agħar mill-waqgħa ta’ midneb, għax dan hu għama komdu u awtosuffiċjenti fejn fl-aħħar kollox donnu jidher leċitu: il-qerq, il-kalunnja, l-egoiżmu u tant xejriet sottili ta’ awtoreferenzjalità, għax ‘Satana stess jitbiddel f’anġlu tad-dawl’ (2 Kor 11:14). Hekk temm jiemu Salamun, waqt li l-midneb kbir David għaraf jegħleb il-miżerja tiegħu” (Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate, 165).

 

Okkażjonijiet ta’ ferħ

 

Ngħaddu issa għall-okkażjonijiet li ġabu ferħ. Din is-sena kien hemm ħafna. Ngħidu aħna, is- Sinodu ddedikat liż-żgħażagħ li ħalla riżultati tajbin, li dwaru tkellem il-Kardinal Dekan. Kif ukoll il-passi li twettqu s’issa fir-riforma tal-Kurja. Ħafna qed jistaqsu: “Meta se tiġi konkluża?”. Mhi se tiġi konkluża qatt, imma mixjin fit-triq it-tajba. Ngħidu aħna, il-ħidma għal ekonomija iktar ċara u trasparenti; l-isforzi ta’ min ifaħħarhom li qed jagħmel l-Uffiċċju tar-Reviżur Ġenerali u tal-Awtorità tal-Informazzjoni Finanzjarja; ir-riżultati tajbin li ntlaħqu mill-Istitut għall-Opri Reliġjużi; il-Liġi l-ġdida tal-Istat tal-Belt tal-Vatikan; id-Digriet dwar ix-Xogħol fil-Vatikan, u ħafna aktar kisbiet li jidhru inqas. Niftakru, fost l-okkażjonijiet ta’ ferħ, il-Beati u l-Qaddisin ġodda li huma “ħaġar prezzjuż” li jżejnu wiċċ il-Knisja u kapaċi jwasslu fid-dinja raġġi ta’ tama, fidi u dawl. Ma nistgħux ma nsemmux hawn id-dsatax-il martri fl-Aleġerija. “Dsatax-il ħajja mogħtija għal Kristu, għall-Evanġelju u għall-poplu fl-Alġerija, […] mudelli ta’ qdusija komuni, il-qdusija li ssibha ‘f’ta’ ħdejk’” (Thomas Georgeon, “Nel segno della fraternità”, L’Osservatore romano, 8 ta’ Diċembru 2018, p. 6); in-numru kbir ta’ fidili li kull sena, permezz tal-Magħmudija, iġeddu ż-żgħożija tal-Knisja, li hi l-omm li ma tiqafx tagħti l-ħajja, u n-numru sabiħ ta’ wlied li jerġgħu lura d-dar u jerġgħu jħaddnu l-fidi u l-ħajja Kristjana; il-familji u l-ġenituri li jgħixu bis-serjetà l-fidi u ma jgħaddix jum li ma jgħadduhiex lil uliedhom bil-ferħ tal-imħabba tagħhom (ara Eżortazzjoni appostolika postsinodali Amoris lætitia, 259-290); ix-xhieda ta’ tant żgħażagħ li b’kuraġġ jagħżlu l-ħajja kkonsagrata u saċerdotali.

 

Raġuni tabilħaqq ta’ ferħ hija wkoll in-numru sabiħ ta’ kkonsagrati, isqfijiet u saċerdoti, li ta’ kuljum jgħixu l-vokazzjoni tagħhom b’fedeltà, skiet, qdusija u sagrifiċċju. Huma persuni li bix-xhieda tagħhom ta’ fidi, imħabba u karità kapaċi jdawlu d-dlam tal-umanità. Persuni li b’paċenzja jaħdmu favur il-foqra, il-maħqurin u l-minsijin. Dan jagħmluh għax iħobbu lil Kristu u lill-Evanġelju tiegħu, mingħajr ma jfittxu li jidhru fuq il-paġni ewlenin tal-gazzetti jew li joqogħdu fil-postijiet ta’ quddiem. Persuni li jħallu kollox u joffru ħajjithom, u jwasslu d-dawl tal-fidi fejn Kristu jinsab abbandunat, bil-għatx, bil-ġuħ, fil-ħabs u għeri (ara Mt 25:31-46). Jiġuni f’moħħi, b’mod partikolari, il-ħafna kappillani li kuljum jagħtu eżempju tajjeb lill-poplu ta’ Alla, saċerdoti li jinsabu qrib il-familji, jafu lil kulħadd b’ismu u jgħixu ħajja b’sempliċità, fidi, dedikazzjoni, qdusija u karità. Persuni minsija mill-midja tal-massa li mingħajrhom kieku jispiċċa jsaltan id-dlam.

 

Għeżież ħuti,

 

Meta tkellimt dwar id-dawl, il-weġgħat, David u Ġuda, ridt nuri kemm hu importanti li nkunu konxji. Dan iwassal biex min imexxi l-istrutturi tal-ħajja ekkleżjastika u kkonsagrata jħoss li huwa dmir tiegħu li jżomm għajnejh miftuħin. Fil-verità, ebda Istituzzjoni ma turi kemm hi b’saħħitha minn kemm għandha l-membri tagħha kollha perfetti (dan huwa impossibbli), imma dan turih fir-rieda li dejjem tindaf u tissaffa; fil-kapaċà li b’umiltà tagħraf l-iżbalji u tikkoreġihom; fil-ħila li tqum mill-waqgħat; f’li tagħraf id-dawl tal-Milied li joħroġ mill-maxtura ta’ Betlehem, jgħaddi tul l-Istorja u jasal sal-Parusia.

 

Għalhekk hemm bżonn li niftħu qlubna għad-dawl veru, Ġesù Kristu: dak li jista’ jdawwal il-ħajja u jbiddel id-dlam tagħna f’dawl; id-dawl li juri t-tajjeb li jirbaħ il-ħażen; id-dawl tal-imħabba li tisboq il-mibegħda; id-dawl tal-ħajja li tegħleb il-mewt; id-dawl divin li jibdel f’dawl lil kollox u lil kulħadd; id-dawl ta’ Alla tagħna: fqir u għani, ħanin u tajjeb, preżenti u moħbi, ċkejken u kbir.

 

Niftakru fil-kliem mill-isbaħ ta’ San Makarju l-Kbir, Eġizzjan, Missier tad-deżert tar-raba’ seklu, li meta tkellem dwar il-Milied, qal: “Alla ċċekken! Dak li ma nilħquhx u li ma ġiex maħluq, fit-tjieba bla qies u mhix mistħajla tiegħu, sar bniedem u ċċekken. Niżel mill-glorja tiegħu għaliex hu tajjeb. Ħadd fis-Sema u fl-art ma jista’ jifhem il-kobor ta’ Alla u ħadd fis-Sema u fl-art ma jista’ jifhem kif Alla ftaqar u ċċekken għall-foqra u ċ-ċkejknin. Bħalma ma nistgħux nifhmu l-kobor tiegħu, hekk ma nistgħux nifhmu ċ-ċokon” (ara Omelie IV, 9-10; XXXII, 7: fi Spirito e fuoco. Omelie spirituali. Collezione II, Qiqajon-Bose, Magnano 1995, p. 88-89; 332-333).

 

Niftakru li l-Milied huwa l-festa ta’ “Alla li jiċċekken u fiċ-ċokon tiegħu xorta waħda jibqa’ kbir. U f’dan tinsab it-tenerezza tiegħu. Dik il-kelma li l-mondanità qiegħda dejjem tipprova tneħħi mid-dizzjunarju: tenerezza. Alla kbir li jiċċekken, li huwa kbir u jibqa’ jiċċekken” (ara Omelija f’Santa Marta, 14 ta’ Diċembru 2017; Omelija f’Santa Marta, 25 ta’ April 2013).

 

Kull sena l-Milied joffrilna ċ-ċertezza li minkejja l-miżerja umana tagħna, id-dawl ta’ Alla se jibqa’ jiddi; iċ-ċertezza li l-Knisja se toħroġ minn dan il-maltemp isbaħ u iktar safja. Għaliex kull midneb, il-waqgħat u l-ħażen imwettaq minn uħud minn ulied il-Knisja ma jistgħu qatt jostru s-sbuħija ta’ wiċċha, anzi, dawn joffrulna l-prova ċerta li l-qawwa tagħha ma ssibhiex fina, iżda fuq kollox fi Kristu Ġesù, Salvatur tad-dinja u Dawl tal-univers, li jħobbha u ta ħajtu għaliha, l-għarusa tiegħu. Il-Milied huwa l-prova li l-ħażen gravi mwettaq minn xi wħud ma jista’ qatt jisboq u jġib fix-xejn il-ġid kollu li l-Knisja tagħmel fid-dinja bla ma tistenna xejn lura. Il-Milied joffrilna ċ-ċertezza li l-qawwa vera tal-Knisja u tax-xogħol li nwettqu ta’ kuljum, ħafna drabi mistur – bħal dak tal-Kurja, fejn insibu ħafna qaddisin –, insibuha fl-Ispirtu s-Santu li jmexxiha u jħarisha tul is-sekli, li saħansitra jaf ibiddel id-dnubiet f’okkażjonijiet ta’ maħfra, il-waqgħat f’okkażjonijiet ta’ tiġdid, il-ħażen f’okkażjoni ta’ purifikazzjoni u rebħa.

 

Grazzi ħafna u l-Milied it-tajjeb lil kulħadd!

 

[Barka]

 

Anki din is-sena nixtieq inħallilkom tifkira. Il-klassiku Compendio di teologia ascetica e mistica ta’ Tanquerey, iżda fl-edizzjoni reċenti elaborata minn Mons. Libanori, Isqof Awżiljarju ta’ Ruma, u minn Padre Forlai, direttur spiritwali tas-Seminarju Ruman. Naħseb li huwa tajjeb. Taqrahx mill-bidu sal-aħħar, imma fittex fil-werrej din il-virtù, dan l-atteġġjament, din il-ħaġa… Jagħmlilna tajjeb, għar-riforma ta’ kull wieħed minna u r-riforma tal-Knisja. Dan għalikom!

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Rossana Cremona