KONFERENZA EPISKOPALI TALJANA

OMELIJA TAL-PAPA FRANĠISKU

LILL-ASSEMBLEA TAL-ISQFIJIET

Bażilika ta' San Pietru, 23 ta’ Mejju, 2013

 

Għeżież ħuti fl-episkopat,

Il-qari li għadna kif smajna jġiegħelna naħsbu.  Lili ġiegħelni naħseb ħafna.  Għamilt speċi ta’ meditazzjoni.  Għalina l-isqfijiet, u għalija l-ewwel wieħed għax jien isqof bħalkom, nixtieq naqsam il-ħsibijiet magħkom.  Hu ta’ tifsir kbir – u jien kuntent ħafna b’dan – li l-ewwel laqgħa bejnietna qed issir propju hawn, fil-post li mhux biss fih il-qabar ta’ San Pietru, imma wkoll it-tifkira tax-xhieda tal-fidi tiegħu, tas-servizz tiegħu lejn il-verità, u l-għotja tiegħu innifsu, sal-martirju, għall-Evanġelju u għall-Knisja.

Illejla, dan l-Altar tal-Konfessjoni sar l-Għadira ta’ Tiberija, li fuq xtutha sar dak id-djalogu meraviljuż bejn Ġesù u Pietru, meta saret il-mistoqsija lill-Appostlu, mistoqsija li għandha tidwi fi qlubna, qlub l-isqfijiet: Tħobbni? Int ħabib tiegħi? Il-mistoqsija hija magħmula lil bniedem li, minkejja d-dikjarazzjoni solenni, għelbitu l-biża u reġa’ lura minn kelmtu. Tħobbni? Int ħabib tiegħi?  Dil-mistoqsija qed issir lil kull iweħed minnkom, lilna lkoll: jekk aħna nevitaw li nirreaġixxu malajr u superfiċjalment, din tinkoraġġina biex inħarsu fina nfusna, nidħlu fina nfusna.

Tħobbni? Int ħabib tiegħi?  Dak li jfittex f’qalbu, jsir tallab tal-imħabba u jistqasi l-mistoqsija waħdanija u essenzjali, il-premessa u l-kondizzjoni biex jirgħa n-nagħaġ, il-ħrief, il-Knisja tiegħu. Kull ministeru hu mibni fuq din l-intimità mal-Mulej: il-qjies tas-servizz ekkelżjali tagħna hu, kemm aħna ngħixu fih.  Il-qjies ta’ dan hu kemm aħna miftuħin għall-ubbidjenza, biex nitbattlu, kif hemm miktub fl-ittra lin-nies ta’ Filippi, l-għotja sħiħa. Aktar minn hekk il-konsegwenza tal-imħabba lejn Alla hija l-għotja totali – assoluta, kollox, anki l-istess ħajjitna – lill-Mulej.  Dan hu dak li għandna nagħmlu fil-ministeru pastorali tagħna.  Huwa l-prova li turi kemm aħna tħaddanna għal kollox mar-rigal li rċevejna, mas-sejħa li għamlilna Kristu u kif aħna marbutin mal-poplu u mal-komunitajiet li ġew afdati f’idejna.

Aħna m’aħniex sempliċement il-qafas meħtieġ ta’ xi struttura jew organiżżazzjoni, għax bis-servizz tal-awtorità li għandna aħna msejħin biex inkunu sinjal tal-preżenza u tal-ħidma ta’ Kristu Rxoxt, u għalhekk, biex nibnu l-komunità bil-karità fraterna. Mhux għax dan għandna neħduh “for granted”.  Fil-fatt, anki l-akbar imħabba, meta ma tkunx mantnuta l-ħin kollu, tnin u tintefa.  Għandu raġun l-Appostlu Pawlu meta jwissi: Ħudu ħsieb tagħkom infuskom u tal-merħla kollha li l-Ispirtu s-Santu għamilkom għassiesa tagħha biex tirgħu l-Knisja ta' Alla li hu kiseb b'demmu stess.

It-traskuraġni, nafuha, tberred lir-ragħaj, isir distratt, jinsa u jitlef il-paċenzja.  Jintrikeb mill-kilba għall-karriera, mill-ġibda għall-flus u jibda’ jagħmel il-kompromessi mal-ispirtu tad-dinja, jibda’ jitgħażżen u jsir biss funzjonarju, kjeriku li l-inkwiet tiegħu ikun dwaru nnifsu, dwar l-organiżżazzjonijiet u l-istrutturi, aktar milli dwar il-veru ġid tal-Poplu t’Alla.  B’hekk jissirskja, bħall-Appostlu Pietru, li jiċħad lill-Mulej anki jekk aħna jidhrilna li qiegħed hemm u li jkun qed jitkellem f’isem il-Mulej.  B’hekk il-qdusija ta’ Ommna l-Knisja tittappan u ssir anqas għammiela.

Ħuti, aħna min aħna quddiem Alla?  X’inhuma l-isfidi tagħna?  Ilkoll għandna ħafna sfidi u kull wieħed minna jaf x’inhuma tiegħu.  X’qed jgħidilna Alla peremzz tagħhom?  Fuq xiex qed inwieżnu biex negħelbuhom?

L-istess bħalma ġara lill Pietru, il-mistoqsija mill-qalb u insistenti ta’ Ġesù tista’ ttaqqalna u tista’ ġġibna aktar konxji tad-dgħjufija tal-libertà tagħna, mxekkla minn elf rabta interna u esterna, li spiss inisslu konfużjoni, frustrazzjoni u anki inkredulità.

Dawn żgur mhumiex l-attidunijiet u x-xewqat li jixtieq iqanqal il-Mulej.  Aktarx l-għadu, ix-xitan, japprofitta ruħu minnhom biex jiżolana fil-morr, fit-tgergir u l-iskoraġġiment.

Ġesù, ir-Ragħaj it-Tajjeb, ma jumiljaniex jew jitlaqna fir-rimors.  Fih, titkellem it-tenerezza tal-Missier, hu li jfarraġna u jerġa’ jqajjimna; hu li jgħaddina mit-tifrik tal-mistħija –għax żgur li l-mistħija tkissirna – għall-fiduċja; li jerġa’ jnissel fina l-kuraġġ, jerġa’ jgħabbina bir-responsabbiltà u jtina lura l-missjoni.

Pietru, imsaffi min-nar tal-maħfra, jista’ jgħid bl-umiltà: Mulej, int taf kollox, taf li nħobbok.

Jiena ċert li lkoll kemm aħna nistgħu ngħid dan mill-qalb.  Pietru, li issa hu msaffi, fl-ewwel ittra tiegħu iħeġġiġna biex nitimgħu il-merħla ta’ Alla li hi afdata f’idejna: irgħu l-merħla ta' Alla fdata f'idejkom. Ħudu ħsiebha, mhux bilfors, imma minn qalbkom, kif irid Alla; mhux għall-qligħ baxx, imma  bil-ħeġġa ta' l-imħabba; mhux bħallikieku taħkmu bil-qawwa fuq dawk li messewkom b'xortikom, imma billi tkunu eżempju tal-merħla.
Iva biex tkun ragħaj, jeħtieġ  li ta’ kuljum temmen fil-grazzja u fil-qawwa li jiġu għandna mingħand il-Mulej, minkejja d-dgħjufija tagħna, u biex nassumu r-responsabbiltà li nimxu quddiem il-merħla, meħlusin mill-piżijiet li jxekklu l-immedjatezza appostolika sana.  U mingħajr eżitazzjonni. fit-tmexxija nsemmgħu leħinna biex jagħrfuh kemm dawk li jħaddnu l-fidi kif ukoll dawk li mhumiex parti mill-merħla.
Aħna msejħin biex nagħmlu tagħna l-ħolma ta’ Alla, li d-dar tiegħu hi miftuħa għal kull persuna u nazzjon mingħajr esklużjoni, kif ħabbar Iżaija l-Profeta fl-ewwel qari li smajna. Għalhekk li nkunu ragħajja jfisser ukoll li nkunu lesti nimxu f’nofs u wara l-merħla, ikollna ħila nisimgħu l-istorja siekta tat-tbatija u nsostnu l-passi ta’ dawk li jibżgħu li mhux se jaslu, biex niżguraw u nispiraw il-fiduċja.

Meta naqsmu mal-umli, l-fidi tagħna tissaħħaħ.  Ejjew inwarrbu fil-ġenb, għalhekk, kull forma ta’ arroganza, u mmilu lejn dawk li l-Mulej afdalna fil-kura tagħna.  Fost dawk hemm post speċjali għas-saċerdoti tagħna, speċjalment għalihom, qlubna, idejna u l-bibien tagħna jibqgħu miftuħin il-ħin kollu.

Is-saċerdoti huma l-ewwel fidili li għandna aħna l-isqfijiet.  Inħobbuhom!  Inħobbuhom minn qalbna! Huma uliedna u ħutna. Għeżież ħuti, l-istqarrija tal-fidi li se nġeddu flimkien mhix att ta’ formalità imma t-tiġdid tat-tweġiba tagħna lis-sejħa “Ejjew warajja” li biha jtemm l-Evanġelju ta’ San Ġwann.

Ħallu ħajjitkom tinfetaħ skont il-proġett ta’ Alla billi tingħataw kollkom kemm intom lill-Mulej Ġesù.  Minn hawn joħroġ id-dixxerniment tal-għarfien li jmexxi l-ħsibijiet, l-aspettattivi u l-ħtiġijiet tal-bniedem ta’ żmienna.

B’dan f’moħħi, jien inroddilkom ħajr sinċerament għas-servizz tagħkom, għall-imħabba tagħkom lejn il-Knisja, l-Omm, u hawn inqiegħed lilkom u lili wkoll, taħt il-mantell ta’ Marija Ommna.  Omm is-silenzju li tħares il-misteru ta’ Alla, eħlisna mill-idolatrija tal-preżent li tikkundanna li dawk li jinsew.  Saffi għajnejn ir-ragħajja bil-fwieħa tat-tifkira biex nerġgħu lura għall-freskezza tal-bidu, għal Knisja li titlob u penitenti.

Omma is-sbuħija li twarrad mill-fedeltà tax-xogħol ta’ kuljum, warrab minna l-telqa tal-għażż, tal-affarijiet bla valur u tal-biża’ tat-telfa.  Libbes lir-ragħajja bil-kompassjoni tiegħek li tgħaqqad u tintegra, biex aħna niskopru l-hena tal-qaddej umli u fratern tal-Knisja.

Omm it-tenerezza li tiġbor fiha l-paċenzja u l-ħniena, għinna neħilsu mid-dwejjaq, min-nuqqas ta’ paċenzja, mill-ebusija ta’ dawk li ma jafux x’jiġifieri tkun ta’ ħaddieħor.

Interċedi ma’ Ibnek biex idejna, riġlejna u qlubna jkunu dejjem lesti biex nibnu Knisja bil-verità u l-karità. Omm tagħna aħna se nkunu l-Poplu t’Alla miexi f’pellegrinaġġ lejn is-Saltna.  Ammen.

Miġjuba għall-Malti minn Joe Huber