Ħuti, grazzi tax-xhieda li intom qed tagħtu hawnhekk illum:grazzi! Dan hu ta’ ġid għalina lkoll, jagħmel tajjeb anki lili, lil kulħadd!

Fl-ewwel kapitlu tal-ktieb tal-Atti tal-Appostli naqraw: «Meta kien għadu magħhom, ordnalhom biex ma jitilqux minn Ġerusalemm, imma joqogħdu jistennew sa ma sseħħ il-wegħda tal-Missier, “li fuqha” qalilhom,”smajtu x’kont għidtilkom. Jiġifieri li Ġwanni għammed bl-ilma, imma intom fi ftit jiem oħra titgħammdu bl-Ispirtu s-Santu» (1, 4-5).

«Kien nhar Għid il-Ħamsin, u huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed. F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin. U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom. Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont mal-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu» (Atti 2,1-4)‎.

Illum ninsabu hawn bħal f’Ċenaklu fil-miftuħ, taħt is-sema, bla biża’: fil-miftuħ, taħt is-sema, u anki b’qalb miftuħa għall-wegħda tal-Missier. Aħna magħqudin, “aħna lkoll li nemmnu”,  aħna lkoll li nistqarru li “Ġesù  hu l-Mulej”,  Jesus is the Lord”. Ħafna minnkom ġew hawn minn diversi partijiet tad-dinja u l-Ispirtu s-Santu għaqqadna biex nibnu rabtiet ta’ ħbiberija fraterna li jagħtuna l-kuraġġ biex inkomplu l-mixja lejn l-għaqda, għaqda li twassal għall-missjoni: mhux biex niefqu, le! imma għall-missjoni, biex inxandru li Ġesù hu l-Mulej -Jesús es el Señor” – biex flimkien inħabbru l-imħabba li l-Missier għandu għal uliedu kollha! Biex inħabbru l-Aħbar it-Tajba lill-popli kollha! Biex nuru li l-paċi hi possibbli. Illum mhux faċli nuru lid-dinja  li l-paċi hi possibbli, imma f’isem Ġesù, bix-xhieda tagħna nistgħu nuru li l-paċi tista’ sseħħ. Iżda dan nistgħu nagħmluh jekk ikun hemm il-paċi bejnietna. Jekk  nisħqu fuq id-differenzi ta’ bejnietna, inkunu fi gwerra bejnietna u ma nkunux nistgħu nħabbru l-paċi. Il-paċi hi possibbli jekk aħna nibdew billi nistqarru li Ġesù hu l-Mulej u  billi l-evanġelizzazzjoni tagħna tkun fuq din it-triq. Dan jista’ jseħħ. Minkejja d-differenzi – u din hi xi ħaġa ovvja – aħna nixtiequ nkunu diversità rikonċiljata. Dan mhuwiex kliemi, iżda  huwa kliem ta’ ħija Luteran. Diversità rikonċiljati.

U issa ninsabu hawn u qegħdin ħafna! Ingħaqadna biex nitolbu flimkien, biex nitolbu l-Ispirtu s-Santu jiġi fuq kull wieħed u waħda minna ħalli noħorġu fit-toroq tal-bliet u tad-dinja u nħabbru s-saltna ta’ Ġesù Kristu.

Il-ktieb tal-Atti jafferma: «Partin,Medin u Għelamin, nies mill-Mesopotamja, mil-Lhudija, mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja, mill-Friġja, mill-Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar Ċireni, nies li ġew minn Ruma, kemm Lhud u kemm proseliti, oħrajn minn Kreta u Għarab, aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru  bl-ilsna tagħna l-għeġubijiet tal-Mulej» (2,9-11)‎. Tkellmu bl-istess ilsien, semgħu, fehmu...Hemm id-differenzi, imma l-Ispirtu jwassalna biex nifhmu l-messaġġ tal-qawmien ta’ Ġesù bl-ilsien tagħna.

Aħna li nemmnu u li ġejjien minn 120 pajjiż fid-dinja ninsabu magħqudin hawnhekk biex niċċelebraw ħidma sovrana tal-Ispirtu s-Santu li bdiet fil-Knisja  50 sena ilu..... Ta bidu  għal istituzzjoni? Le. Għal organizzazzjoni? Le.   Ta bidu għal kurrent ta’ grazzja, il-kurrent ta’ grazzja tat-Tiġdid Kariżmatiku Kattoliku. Opra li twieldet ...Kattolika? Le. Twieldet ekumenika! Twieldet ekumenika għaliex hu l-Ispirtu s-Santu li joħloq l-għaqda  u hu l-istess Spirtu s-Santu li ta l-ispirazzjoni  biex din l-opra tkun hekk! Importanti naqraw dak li kiteb il-Kardinal Suenens dwar dan: hu importanti ħafna!

Il-miġja tal-Ispirtu s-Santu tittrasforma nies magħluqa għax beżagħnin f’nies  b’kuraġġ li  jagħtu xhieda ta’ Ġesù. Pietru, li ċaħad lil Ġesù tliet darbiet, mimli bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu pproklama: «Mela ħa jkun jaf li żgur il-poplu kollu ta’ Israel li lil dan Ġesù, li intom sallabtuh, Alla għamlu Mulej u Messija» (Atti 2,36).‎ Din hi l-istqarrija tal-fidi ta’ kull nisrani! Dak Ġesù li intom sallabtu jew li ġie msallab, Alla għamlu Mulej u Messija. Taqblu ma’ din l-istqarrija ta’ fidi? (Iwieġbu: Iva!) Din hi l-istqarrija tagħna lkoll, hi l-istess għalina lkoll!

Il-Kelma fl-Atti tkompli tgħid hekk: «Dawk kollha li kienu jemmnu kienu ħaġa waħda u kienu jaqsmu kollox bejniethom, ibigħu ġidhom u kull ma kellhom u jqassmu d-dħul bejn kulħadd, skont il-ħtieġa ta’ kull wieħed”. Kienu jbigħu ġidhom u jgħinu ‘l-foqra. Kien hemm ukoll xi wħud li kienu jqarrqu - bħal Hananija u Safira; dejjem isib lil xi ħadd bħal dawn – imma l-biċċa l-kbira ta’ dawk li emmnu kienu jgħinu. “Kuljum kienu jmorru fit-tempju flimkien, jaqsmu l-ħobż fi djarhom, u jissieħbu fl-ikel bi qlub ferħana u safja, u kienu jfaħħru lil Alla u l-poplu kollu kien iġibhom.  U minn jum għall-ieħor il-Mulej kien iżidilhom magħhom lil dawk li jkunu salvi» ( 2,44-47).  Il-komunità kompliet tikber u l-Ispirtu s-Santu kien jispiraha. Inħobb inġib quddiem għajnejja lil Filippu, meta l-anġlu qallu: ”Qum u mur fuq it-triq li tieħu għal Gaża”. Huwa u sejjer iltaqa’ ma’  dak il-proselitu, ministru tal-ekonomija ta’ Kandaċi, is-sultana tal-Etjopja.  Kien proselitu u kien jaqra lil Isaija.  Filippu fissirlu l-Kelma, ħabbarlu lil Ġesù u dan  ikkonverta. U f’ċertu punt qal:”Ara hawn l-ilma: irrid nitgħammed”.  Kien l-Ispirtu li qanqal lil Filippu biex imur hemm, u kien l-Ispirtu li sa mill-bidu qanqal lil dawk kollha li jemmnu biex jipproklamaw il-Mulej.

Illum aħna għażilna li niltaqgħu hawnhekk, f’dan il-post għax –  kif qal  il-Pastor Traettino – hawnhekk ħafna nsara kienu mogħtija l-martirju waqt il-persekuzzjonijiet u dan kien id-divertiment għal dawk li kienu jkunu qed jaraw. Illum hawn ħafna aktar martri mill-bieraħ! Illum hawn aktar martri nsara! Dawk li joqtlu lill-insara, qabel ma joqtluhom ma jistaqsuhomx: “Int Ortodoss? Int Kattoliku? Int Evanġeliku? Int Luteran? Int Kalvinista?” Le. Jistaqsuhom: “Int Nisrani?” “Iva” – u mill-ewwel iħanxrulhom griżmejhom. Illum hawn aktar martri mill-ewwel żmenijiet tal-Knisja u dan hu l-ekumeniżmu tad-demm. Ix-xhieda ta’ dawn il-martri tallum tgħaqqadna. Hemm diversi postijiet fid-dinja  fejn qed jinxtered id-demm nisrani! Illum l-għaqda bejnietna l-insara hi aktar urġenti milli qatt kienet qabel; jeħtieġ li l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu tgħaqqadna fit-talb u fil-ħidma għal dawk l-aktar dgħajfa. Irridu nimxu flimkien, naħdmu flimkien. Irridu ninħabbu bejnietna. U flimkien infittxu li nispjegaw id-differenzi,  li jkun hemm qbil, imma nibqgħu mexjin! Jekk niefqu u ma nimxux, qatt ma naslu biex naqblu bejnietna għax  l-Ispirtu s-Santu jrid li  nimxu.

50 sena ta’ Tiġdid Kariżmatiku Kattoliku. Kurrent ta’ grazzja tal-Ispirtu! Għaliex kurrent ta’ grazzja? Għaliex la għandu fundatur, la statuti, lanqas organi biex ikun iggvernat. F’dan il-kurrent twieldu  ħafna espressjonijiet li, żgur, huma opri umani ispirati mill-Ispirtu, b’kariżmi differenti, kollha għas-servizz tal-Knisja. Fejn hemm il-kurrent ma tistax tibni diga, u lanqas ma tista’ tagħlaq l-Ispirtu s-Santu f’gaġġa!

Għaddew 50 sena. Meta wieħed jasal  għal din l-età l-forzi jibdew jonqsu. Tkun  f’nofs ħajtek – f’pajjiżi ngħidu “el cinquentazo” – it-tikmix jidher aktar – jekk ma tagħmilx make-up, iżda hemm ikun – ix-xagħar griż jibda jiżdied u nibdew ukoll ninsew xi affarijiet...

50 sena hu mument f’ħajjitna meta tajjeb niefqu u nirriflettu. Huwa mument ta’ riflessjoni: nofs il-ħajja. Iżda jien ngħidilkom: dan huwa l-mument meta irridu  nibqgħu miexja ‘l quddiem b’aktar forza; inħallu warajna t-trab li nġabar maż-żmien filwaqt li ngħidu grazzi għal dak li rċevejna u naffrontaw il-ġdid b’fiduċja fl-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu!

Il-Knisja twieldet f’Għid il-Ħamsin. L-Ispirtu s-Santu, il-wegħda tal-Missier imħabbra minn Ġesù Kristu hu Dak li jagħmel il-Knisja: l-għarusa tal-Apokalissi, l-għarusa waħdanija!  Kif qal Pastor Traettino: l-għarusa li għandha ‘l-Mulej!

Il-Magħmudija hija d-don l-aktar prezzjuż li lkoll irċevejnieh. U issa l-Ispirtu jmexxina fit-triq tal-konverżjoni li d-dinja nisranija kollha trid tgħaddi minnha,  u din hi raġuni oħra għaliex it-Tiġdid Kariżmatiku Kattoliku hu l-post privileġġat fejn wieħed jimxi fit-triq lejn l-unità!

Dan il-kurrent ta’ grazzja mhuwiex biss għal xi wħud imma għall-Knisja kollha,  u  ma hemm ħadd minna li hu “s-sid” u l-oħrajn kollha huma l-qaddejja. Le. Aħna lkoll qaddejja ta’ dan il-kurrent ta’ grazzja.

Intom tfakkru lill-Knisja anki fil-qawwa tat-talb ta’ tifħir, li hu talb ta’ rikonoxxenza u ringrazzjament għall-imħabba gratwita ta’ Alla. Jista’ jkun hemm min dan il-mod ta’ talb ma jogħġbux, iżda  dan it-talb jagħmel parti mit-tradizzjoni biblika.  Hemm is-Salmi per eżempju: David, jaqbeż bil-ferħ, kien jiżfen quddiem l-Arka tal-Patt....U jekk jogħġobkom, ejjew ma nkunux nsara li jbatu mill-“kumpless ta’ Mikal”, li stmerret lil David  għax  ratu jfaħħar lil Alla billi jiżfen quddiem l-Arka.

Hena, allegrija, ferħ  huma frott tal-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu. In-nisrani jew jisperimenta l-ferħ fil-qalb tiegħu  inkella  jkun hemm xi ħaġa li ma tiffunzjonax. Il-ferħ tat-tħabbira tal-Aħbar it-Tajba tal-Evanġelju!

Meta kien fis-sinagoga ta’ Nazzaret, Ġesù qara silta minn Isaja. Qara: «L-Ispirtu tal-Mulej fuqi, għax hu kkonsagrani biex inwassal il-bxara ta’ ferħ lill-fqajrin. Bagħatni nħabbar il-ħelsien lill-imjassrin u d-dawl mill-ġdid lill-għomja, inrodd il-ħelsien lill-maħqurin u nxandar sena tal-grazzja tal-Mulej» (Lc 4,18-19; cfr Is 61,1-2). Il-bxara ta’ ferħ: tinsewhiex din il-ħaġa.Il-bxara ta’ ferħ: il-bxara nisranija hi dejjem  bxara ta’ ferħ.

Tiġdid Kariżmatiku u Qadi lill-bniedem”, it-tielet dokument ta’ Malines miktub mill-Kardinal Suenens u minn Dom Helder Camara hu ċar ħafna: tiġdid kariżmatiku u anki qadi lill-bniedem.

Magħmudija fl-Ispirtu, tifħir, qadi lill-bniedem. Dawn it-tliet affarijiet huma marbutin sew ma’ xulxin u ma tistax tifridhom. Nista’ nagħti tifħir b’mod profond, iżda dan mhux  biżżejjed,  jekk ma ngħinx lil min hu fil-bżonn. Fl-Atti naqraw: «Ħadd minnhom ma kien jonqsu xejn» (Atti 4,34).

Mhux ser inkunu ġġudikati fuq it-tifħir, imma fuq dak li għamilna għal Ġesù. “... Mulej meta għamilna dan miegħek? Kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (ara Mt 25,39-40).

Għeżież ħuti, nawguralkom ħin ta’ riflessjoni, ta’ tifkira dwar il-bidu; żmien biex tħallu wara spallejkom l-affarijiet miżjuda mill-jien tagħkom u tittrasformawhom fi smigħ u merħba ferrieħa għall-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu li jonfoħ fejn u kif irid!

Nirringrazzja ‘l-Fraternita’ Kattolika u l-ICCRS għall-organizzazzjoni ta’ dan il-Ġublew tad-Deheb, għal din il-velja. U nirringrazzja lill-volontarji kollha, - ħafna qegħdin hawn - li ħadmu biex dan ikun jista’ jseħħ.  Meta wasalt xtaqt insellem lill-membri tal-istaff li hemm fl-uffiċċju għax naf li ħadmu ħafna! U ħadmu bla ħlas. Ħadmu ħafna! Il-parti l-kbira ta’ dawn huma żgħażagħ ġejjin minn kontinenti differenti!  Il-Mulej  iberikkom bis-sħiħ!

Nirringrazzjakom b’mod partikulari għax dak li tlabtkom sentejn ilu  biex it-Tiġdid Kariżmatiku Dinji ikun servizz wieħed internazzjonali li jkollu l-bażi tiegħu  hawnhekk beda jikkonkretizza ruħu fl-Atti Kostituttivi ta’ dan is-servizz waħdieni ġdid. Dan hu l-ewwel pass, warajh jiġu oħrajn, iżda l-unita’ li hi opra tal-Ispirtu s-Santu ma ddumx ma ssir realtà. “Ara se nġedded kollox”, jgħid il-Mulej(Ap 21,5).‎

Grazzi, Tiġdid Kariżmatiku Kattoliku, għal kulma tajtu lill-Knisja  matul dawn il-50 sena! Il-Knisja sserraħ fuqkom, fuq il-fedelta’ tagħkom lejn il-Kelma, fuq id-disponibbilta’ tagħkom biex tkunu ta’ servizz u xhieda ta’ ħajja ttrasformata mill-Ispirtu s-Santu!

Aqmsu ma’ dawk kollha li hemm fil-Knisja l-Magħmudija fl-Ispirtu s-Santu; faħħru lill-Mulej bla heda; imxu flimkien mal-insara ta’ Knejjes differenti u ta’ komunitajiet insara fit-talb u fil-ħidma għal min hu l-aktar fil-bżonn. Kunu ta’ servizz għall-foqra u għall-morda. Il-Knisja u l-Papa jistenna dan minnkom, jistenna dan mit-Tiġdid Kariżmatiku Kattoliku,  minn għandkom ilkoll li dħaltu f’dan il-kurrent ta’ grazzja!  Grazzi.

 


Miġjuba għall-Malti mit-Taljan minn Vivienne Attard