Udjenza tal-Papa Franġisku

lill-Membri tal-Kapitlu Ġenerali tal-Ordni tal-Aħwa Minuri Kapuċċini.

Sala Klementina,

Il-Ġimgħa 14 ta’ Settembru 2018

 

Diskors “a braccio” tal-Papa Franġisku 

Hawn diskors li ħejjejt, imma huwa wisq formali biex naqsmu magħkom il-Kapuċċini; ngħaddih lill-Ministru Ġenerali... Hekk; dan hu d-diskors uffiċjali.  Imma nippreferi nkellimkom hekk, minn qalbi.  Lilek, [waqt li dar lejn il-Ministru Ġenerali li għadu kif ġie elett: Fra Roberto Genuin] nawguralek għall-aħjar:  Inti huwa r-raba’ Ministru Ġenerali li naf.  L-ewwel sirt naf lil Flavio Carraro, li konna flimkien fis-Sinodu tal-1994; imbagħad lil John Corriveau li serqilna mill-Argentina Kapuċċin bravu biex jagħmlu Kunsillier; imbagħad imma jien weġibtu billi ġie maħtur isqof [jitbissem, jitbissmu].  Imbag]ad Mauro [Jöri], li bħala svizzeru tassew mexxa ’l quddiem bil-għaqal – bil-għaqal – b’sens ta’ konkretezza, ta’ realtà; u bħal dawk kollha li jafu jitkellmu ilsna differenti, ukoll id-djalett, huwa wieħed li jinżel fid-dettalji tal-ħajja.  U issa, inti, ir-raba’ wieħed.  Nixtieqlek mill-aħjar [lilek u lill-Kunsillieri ġodda].

Dal-għodu ħsibt fikom.  Hemm kelma waħda li inti tennejt fid-diskors tiegħek: qabel kollox il-Kapuċċini huma “Il-Patrijiet tal-poplu”: din hija karatteristika tagħkom.  Li tkunu qrib in-nies.  Qrib il-poplu t’Alla, qrib.  U dan il-fatt li nkunu qrib jagħtina x-xjenza tal-konkretezza, u tal-għaqal – huwa aktar minn xjenza: huwa għaqal.  Qrib kulħadd, imma l-aktar għal dawk li huma l-iżgħar, dawk l-aktar imwarrbin, dawk l-aktar bla tama.  U wkoll ta’ dawk li huma aktar ’il bogħod.  Qed niftakar fi Fra Kristofru [tal-Promessi sposi], għal Fra Kristofru “tagħkom”.  Li tkunu qrib:  din il-kelma li nixtieq tibqa’ fikom, bħala programm.  Li tkunu qrib il-poplu.  Għax il-poplu għandu rispett kbir għall-abitu Franġiskan.  Darba il-Kardinal Quaraccino kien qalli li fl-Argentina, xi drabi xi ħadd li kien jgħid xi kelma kontra s-saċerdoti, imma qatt ma kien jiġi nsultat l-abitu franġiskan, għaliex huwa grazzja.  U intom il-Kapuċċini għandkom din il-viċinanza: għożżuha.  Dejjem qrib il-poplu.  Għaliex intom il-patrijiet tal-poplu.

 

Dan l-aħħar, fl-Irlanda [f’Dublin], rajt il-ħidma li ssir minnkom ma’ dawk l-aktar imwarrbin u bqajt imqanqal.  U l-kelma sabiħa li qal is-superjur ta’ dik id-Dar, il-fundatur anzjan, kienet: “Hawn aħna ma nsaqsux minn fejn wieħed ikun ġej, inti min inti: inti iben Alla”.  Din hija waħda mill-karatteristiċi.  Tifhem sewwa, kważi b’intuwizzjoni, il-persuni, mingħajr kundizzjoni.  Inti idħol, imbagħad naraw.  Din hija l-kariżma tagħkom, li tkunu qrib, għożżuha.

 

Imbagħad, ħaġa oħra tipika tal-Kapuċċini: intom nies li intom kapaċi tħollu l-konflitti, li tagħmlu paċi, bis-saħħa ta’ dak il-għaqal li jiġi proprju mill-fatt li tkunu qrib: u fuq kollox iġġibu l-paċi fil-kuxjenzi.  Dawk il-kelmiet: “Hawn ma nsaqsux, hawn nisimgħu” li għadni kemm semmejt ta’ dak il-Kapuċċin Irlandiż, intom dan tħaddmuh ħafna fis-sagrament tal-Qrar u tal-Penitenza.  Intom persuni li ġġibu r-rikonċiljazzjoni.  Niftakar il-knisja tagħkom ta’ Buenos Aires: ħafna nies mill-belt kollha kienu jmorru jqerru hemm.  Għaliex dawn jisimgħuk, jitbissmulek, ma jsaqsukx domandi u jaħfrulek.  U dan ma jfissirx li tkun “b’komma wiesgħa”; le, dan huwa għaqal ta’ rikonċiljazzjoni.  Għożżu l-apostolat tal-qrar, tal-maħfra: hija waħda mill-aktar ħwejjeġ sbieħ li għandkom, tirrikonċiljaw in-nies. Kemm fis-sagrament, kif ukoll fil-familji: tirrikonċiljaw, tirrikonċiljaw.  U dan jitlob li jkollok il-paċenzja, mhux kliem, ftit kliem, imma tkunu qrib u jkollkom il-paċenzja.

 

U mbagħad, ħaġa oħra li rajt f’ħajjitkom: it-talb sempliċi.  Intom nies ta’ talb, imma sempliċi.  Titlob talba lill-Mulej, lill-Madonna u lill-Qaddisin, bħalma żewġt iħbieb jitkellmu bejniethom.  Ibqgħu għożżu din is-sempliċità fit-talb.  Itolbu ħafna, imma b’din is-sempliċita.  Kunu nies li ġġibu l-paċi, nies li titolbu b’mod sempliċi, nies qrib il-poplu, nies li ġġibu rikonċiljazzjoni.  Dan hu li l-Knisja trid li intom tkunu: għożżuh dan.  U b’dik il-libertà u sempliċità li huma proprji tal-kariżma tagħkom.

 

Inroddilkom ħajr għal dak kollu li tagħmlu għall-Knisja, inroddilkom ħajr ħafna.  Komplu hekk, komplu hekk, “alla capuccina” – (fl-istil tagħkom”... [jitbissmu] Grazzi!


 Id-diskors miktub tal-Papa

 

Għeżież Aħwa Minuri Kapuċċini 

 

Jien kuntent ħafna b’din il-laqgħa tiegħi magħkom, li tippermettili nsellmilkom personalment fl-okkażżjoni tal-Kapitlu Ġenerali tagħkom.  Inrodd ħajr lill-Ministru Ġenerali l-ġdid, Roberto Genuin, fil-waqt li nixtieqlu ħidma tajba lilu u lill-Kunsill tiegħu.  F’dawn il-jiem ta’ studju u ta’ laqgħat fraterni, intom ffukajtu l-attenzjoni tagħkom fuq it-tema “Tgħallmu minni... u ssibu” (ara Mt 11, 29), biex hekk tagħarfu prospettivi appostoliċi u formattivi li tistgħu toffruhom lill-Aħwa tagħkom imxerrdin fid-dinja kollha.  Infatti, minn barra l-elezzjonijiet tat-tmexxija l-ġdida tal-Fraternità tagħkom, intom iddedikajtu żmien twil għar-Ratio Formationis Ordinis (Programm tal-Formazzjoni fl-Ordni) li hu dokument importanti biex tmexxu l-persuna konsagrata fil-qalba tal-Evanġelju, li huwa l-forma tal-ħajja ta’ Ġesù mogħtija għal kollox lil Alla u lill-aħwa l-aktar dawk li huma l-aħħar u l-emarġinati.

 

Agħmlu minn kollox biex tgħixu r-relazzjonijiet u l-ħidmiet reliġjużi bla ma tippretendu xejn, fl-umiltà u fil-manswetudni, fuq il-passi tal-Imgħallem Divin waqt li timxu fuq l-eżempju ta’ San Franġisk, li meta ltaqa’ mal-lebbrużi tgħallem ikun umli u jaqdi.  Hekk tkunu tistgħu twettqu b’atti konkreti, ta’ kuljum, “il-minorità” li hija l-karatteristika ta’ dawk li jimxu wara San Franġisk.  Din hija don prezzjuż u ta’ ħtieġa kbira għall-Knisja u għall-umanità ta’ żmienna. Hekk jaħdem il-Mulej: jagħmel kollox bis-sempliċità.  L-umiltà u s-sempliċità huma l-istil ta’ Alla; u dan hu l-istil li aħna, l-insara kollha, imsejħin li nħaddnu f’ħajjitna u fil-missjoni tagħna.  Il-veru kobor hu li ssir żgħir u qaddej.

 

B’din il-minorità fil-qalb u fl-istil ta’ ħajja, intom tagħtu sehemkom fl-impenn kbir tal-Knisja għall-evanġeliżazzjoni.   Intom twettquh dan billi bil-ġenerożità kollha twettqu l-appostolat b’kuntatt dirett ma’ diversi popli u kulturi, speċjalment ma’ tant nies fqar u nies li jbatu.  Nagħmlilkom kuraġġ f’dan l-impenn li fil-Kapitlu qsamtu flimkien fuq livell internazzjonali fil-waqt li nħeġġiġkom li ma taqtgħux qalbkom quddiem id-diffikultajiet, fosthom in-nuqqas tal-Aħwa f’ċerti żoni, imma li kuljum iġġeddu l-fiduċja u t-tama fil-għajnuna tal-grazzja t’Alla.  Il-ferħ tal-Evanġelju, li saħħar b’mod tal-għaġeb il-Fqajjar t’Assisi, ikun il-għajn tal-qawwa tagħkom li ma tiġix nieqsa, għaliex meta nirriferu għall-Kelma ta’ Ġesù, kollox jidher f’dawl ġdid, dak tal-imħabba mimlija provvidenza t’Alla.  Kull darba li nixorbu minn din il-għajn biex mill-ġdid nieħdu l-freskezza oriġinali tal-Evanġelju ifaqqsu toroq ġodda, atteġġjamenti pastorali ġodda u metodi kreattivi li jaqblu maċ-ċirkustanzi tallum.

 

Iż-żmien tagħna llum juri s-sinjali ta’ nuqqas ta’ stabbilitá spiritwali u morali; dan minħabba li tlifna r-riferimenti li jagħtu s-sigurtà u l-araġ tal-fidi.  Xi bżonn kbir għandhom illum il-bnedmin li jiġu milqugħa, mismugħa, imdawlin bl-imħabba!  U kemm hi kbira t-tradizzjoni li għandkom intom il-Kapuċċini li tkunu qrib, fis-sempliċità, man-nies, li tieħdu sehem magħhom fil-problemi konkreti, fit-taħdidiet informali spiritwali u fl-amministrazzjoni tas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni!  Tonqsux li tkunu għalliema tat-talb, li tikkoltivaw spiritwalità b’saħħitha, li taqsam ma’ kulħadd is-sejħa “tal-ħwejjeġ ta’ hemm fuq”.

 

F’dan, tkunu tistgħu tikkonvinċu aktar jekk il-komunitajiet tagħkom ukoll u l-istrutturi jesprimu l-qies u l-attenzjoni li huma sinjal li jidher tal-għażla ewlenija ta’ Alla u tal-Ispirtu tiegħu li l-persuni konsagrati għandhom jimpenjaw ruħhom biex jagħtu xhieda għalih bla kompromessi. F’din il-perspettiva, l-amministrazzjoni trasparenti u professjonali tal-ġid ekonomiku hu xbiha ta’ familja tassew li timxi fil-korresponsabbiltà u s-solidarjetà kemm bejn il-membri tagħha kif ukoll mal-fqar.  Aspett ieħor importanti tal-ħajja tal-komunitajiet tagħkom huwa l-unita u l-komunjoni.  Dawn jitwettqu meta niddedikaw ħin biż-żejjed biex nisimgħu u niddjalogaw biex insaħħu d-dixxerniment fratern.

 

L-istorja tal-Ordni tagħkom hija għanja b’tant xhieda kuraġġjużi ta’ Kristu u tal-Evanġelju, ħafna minnhom huma magħrrfa bħala Qaddisin u Beati.  Il-qdusija tagħhom tikkonferma l-ħajja li tagħti frott tal-kariżma tagħkom u turi s-sinjali tal-identità tagħkom: il-konsagrazzjoni totali lil Alla sal-martirju, meta jkun mitlub, il-ħajja sempliċi qalb in-nies, is-sensibilità quddiem il-fqar, l-akkumpanjament spiritwali li tkunu qrib u l-umiltà li tippermetti li tilqgħu lil kulħadd.   Fuq il-passi ta’ dan l-istil tipiku ta’ ħajjitkom, intom tistgħu timxu mqanqlin minn żelu imġedded li jimbuttakhom, b’libertà profetika u dixxerniment għaqli, f’toroq appostoliċi kuraġġjużi u fruntieri missjunarji, fil-waqt li tikkultivaw dejjem il-ħidma flimkien mal-Isqfijiet u dawk kollha li jagħtu sehemhom fil-Komunità ekkleżjali.

 

L-identita tagħkom kariżmatika, għanja kif inhi bil-kulturi varji tal-Familja reliġjuża tagħkom, tassew tiswa ħafna llum u hija proposta attraenti għal tant żgħażagħ tad-dinja, li qegħdin ifittxu ħajja awtentika u li tmur fl-essenzjal.  Il-fraternità tibbrilla bħala element li jikkwalifika l-ħajja konsagrata tagħkom fil-waqt li tbegħedu minnkom kull atteġġjament ta’ għażla; hekk titqanqlu biex tfittxu dejjem li tiltaqgħu flimkien u ma’ kulħadd.  U dan l-aktar ma’ dawk il-ħafna li huma bil-għatx tal-imħabba mimlija ħniena li Kristu waħdu jista’ joffrielna.

 

Il-Mulej jagħnikom bil-grazzji tiegħu, u fl-ispirtu ta’ San Franġisk, timxu ’l quddiem henjin u żguri, dejjem fil-għarfien mimli gratitudni li intom tagħmlu sehem mill-Poplu qaddis t’Alla u li taqduH bl-umiltà.  Takkumpanjakom il-Barka Appostolika li minn qalbi nagħti lilkom, Padri Kapitulari, u lill-Ordni tagħkom kollu.  U nitlobkom, tinsewx, titolbu għalija.  Grazzi! 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Patri Silvestru OFM cap