DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠSIKU
LILL—ISQFIJIET TAT-TERRITORJI MISSJUNARJI
LI ĦADU SEHEM FIS-SEMINAR IMNIEDI MILL-KONGREGAZZJONI GĦALL-EVANĠELIŻŻAZZJONI TAL-POPLI

Sala Clementina
Is-Sibt, 8 ta’ Settembru, 2018

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Kuntent li qed nitlaqa’ magħkom fl-okkażjoni tas-seminar li qed tagħmlu dwar il-formazzjoni.  Flimkien magħkom irrid insellem ukoll lill-komunitajiet afdati f’idejkom: is-saċerdoti, ir-reliġjużi rġiel u nisa, il-katekisti u l-fidili lajċi.  Jien grat lejn il-Kardinal Filoni għall-kliem li ndirizzali u rrodd ħajr ukoll lil Mons. Rugambwa u lil Mons. Dal Toso.

Min hu l-isqof?  Ejjew ninterrogaw lilna nfusna dwar l-identità tagħna ta’ rgħajja biex inkunu aktar konxji, minkejja li nafu li ma jeżisti ebda mudell “standard” li jgħodd għal kullimkien.  Il-ministeru tal-isqof iqabbdek il-bard, għax tant huwa kbir il-misteru li jsawru.  Grazzi għall-effużjoni tal-Ispirtu s-Santu, l-isqof huwa mfassal fuq Kristu Ragħaj u Saċerdot.  Jew aħjar, hu msejjaħ biex ikollu l-karattertstiċi tar-Ragħaj it-Tajjeb u biex il-qalb saċerdotali tiegħu jagħmilha l-offerta ta’ ħajtu.  Għalhekk hu ma jgħejxx għalih innifsu, iżda mixħut biex jagħti ħajtu għan-nagħaġ, partikolarment dawk l-aktar dgħajfa jew fil-periklu.  Għaldaqstant, l-isqof hu mgħajjex bil-kumpassjoni lejn il-follol tal-aħwa li jixbħu n-nagħaġ mingħajr ragħaj (cfr Mk 6,34) u lejn dawk li b’mod jew ieħor huma skartati. Nitlobkom biex ikollkom ġesti u kliem ta’ faraġ speċjali għal kull min jinsab emarġinat jew fi stat degradanti; dawn għandhom bżonn iħossu fihom l-għażla tal-Mulej, li tagħha intom l-idejn attenti, aktar minn kulħadd ieħor.

Min hu l-isqof Nixtieq li magħkom infassal tliet karatteristiċi essenzjali: hu bniedem tat-talb, bniedem tat-tħabbira u bniedem tal-għaqda.

Bniedem tat-talb. L-isqof hu suċċessur tal-Appostli u bħall-Appostli hu msejjaħ minn Ġesù biex ikun miegħU (cfr Mk 3,14).  Hemmhekk hu jsib il-qawwa u l-fiduċja tiegħu.  Quddiem it-tabernaklu jitgħallem jafda ruħu fil-Mulej.  B’hekk hu jimmatura fih l-għarfien li anki billejl, meta jkun rieqed, jew binhar, fost l-għejja u l-għaraq fl-għalqa li jikkultiva, iż-żerriegħa tikber (cfr Mk 4,26-29).  Għall-isqof it-talb mhux devozzjoni, iżda ħtieġa; mhux impenn fost il-ħafna oħrajn, iżda ministeru indispensabbli ta’ interċessjoni:  Kuljum hu għandu jressaq quddiem il-Mulej lill-persuni u s-sitwazzjojnijiet.  Bħal Mosè jerfa’ jdejh lejn is-sema biex jaqbeż għall-poplu tiegħu (cfr 17,8-13) u għandu ħila jinsisti mal-Mulej, (cfr 33,11-14) jinnegozja mal-Mulej, bħal Abraham.  Il-parresia tat-talb.  Talb mingħajr parresia mhu talb xejn.  Dan hu r-Ragħaj li jitlob!  Bniedem li għandu l-kuraġġ jiddiskuti ma’ Alla minħabba l-merħla tiegħu.  Attiv fit-talb, jaqsam mal-Mulej il-passjoni u s-salib.  Qatt sodisfatt iżda dejjem ifittex li jkun jixbħu għal kollox, dejjem f’mixja biex bħal Ġesù jsir vittma u altar għas-salvazzjoni tal-poplu tiegħu.  U dan ma jiġix għax tkun taf ħafna, imma għax tkun taf ħaġa waħda, matul il-ġurnata, permezz tat-talb: “lil Ġesù Kristu, u lil dan imsallab” (1 Kor 2,2).  Għax faċli ġġorr salib fuq sidrek, imma l-Mulej jitlobna nġorru wieħed ferm aktar tqil fuq spallejna u fuq qalbna: jitlobna naqsmu miegħu s-salib tiegħu.  Meta Pietru spjega lill-fidili tiegħu x’kellhom jagħmlu d-djakni li kienu għadhom kif inħoqlu, żied – u dan jgħodd għalina l-isqfijiet ukoll: “It-talb u t-tħabbir tal-Kelma”.  It-talb fl-ewwel post.  Jien inħobb nistaqsi lil kull isqof: “Kemm-il siegħa titlob kuljum?”

Bniedem tal-aħbar.  Bħala suċċessur tal-Appostli, l-isqof iħoss li għandu jagħmel tiegħu il-madnat li Hu kien ta lilhom: “Morru u xandru l-Evanġelju (Mk 16,15).  “Morru”: L-Evanġelju ma nxandruhx minn fuq il-pultruna, imma fil-mixi.  L-isqof ma jgħejxx fl-uffiċċju, qiesu xi amminstratur ta’ kumpanija, imma qalb il-folla, fit-toroq tad-dinja, bħal Ġesù.  Jieħu lill-Mulej tiegħu fejn mhux magħruf, fejn hu sfigurat u persegwitat.  U meta joħroġ minnu nnifsu, isib lilu nnifsu.  Ma jsibx gratifikazzjoni fil-kumdità, ma tgħoġbux il-ħajja kalma u ma joqgħodx ifettaq kemm (il-ħidma) se toħodlu enerġija, ma jħossx li hu xi prinċep, hu ġeneruż mal-oħrajn, jintreħa kollu kemm hu fil-fedeltà ta’ Alla.  Kieku kellu joqgħod ifittex l-iskużi u ċ-ċertezzi mondani, ma jkunx appostlu veru tal-Evanġelju.

U liema hu l-istil tat-tħabbir?  Bix-xhieda umli tal-imħabba t’Alla, propju kif għamel Ġesù, li umilja ruħu għall-imħabba.  It-tħabbir tal-Evanġelju jsofri t-tentazzjonijiet tal-poter, tal-gratifikazzjoni, ta’ kif jidher quddiem l-oħrajn, tal-mondanità.  Il-mondanità.  Ħarsu ruħkom mill-mondanità.  Dejjem jeżisti r-riskju li tingħata aktar importanza lill-forma milli s-sutanza, li ninbidlu f’atturi aktar milli nkunu xhieda, li ndgħajjfu l-Kelma tas-salvazzjoni billi nipproponu Evanġelju mingħajr Ġesù msallab u rxuxtat.  Imma intom imsejħin biex tkunu memorji ħajjin tal-Mulej, biex tfakkru lill-Knisja illi li tħabbar ifisser li tagħti ħajtek, mingħajr kompromessi, lest li taċċetta ukoll is-sagrifiċċju totali tiegħek innifsek.

U t-tielet, bniedem tal-għaqda.  L-isqof ma jistax ikollu t-talenti kollha, is-sħuħija tal-kariżmi kollha – uħud jaħsbu li għandhom kollox, imsejkna! - iżda hu msejjaħ biex ikollu l-kariżma tal-għaqda, jiġifieri li jżomm lil kulħadd magħqud, li jsaħħaħ il-komunjoni.  Il-Knisja teħtieġ l-għaqda mhux is-solisti li jispikkaw minn fost il-koristi, jew mexxejja ta’ battalji personali.  L-isqof jiġbor: isqof għall-fidili tiegħu.  Ma jkunx aħbar fil-gażżetti, ma jfittixx il-kunsens tad-dinja, ma jinteressahx li jiddefendi l-fama tajba tiegħu, iżda jħobb jinseġ il-komunjoni billi personalment hu l-ewwel wieħed jinvolvi ruħu u jġib ruħu b’mod umli.  Ma jitgħakkisx minħabba n-nuqqas ta’ protagoniżmu, iżda jgħejx imħawwel fit-territorju, u jiċħad kull tenatzzjoni li jitbiegħed spiss mid-djoċesi tiegħu – it-tentazzjoni “tal-isqfijiet tal-ajruport” - u jaħrab milli jfittex il-glorja personali.

Qatt ma jgħeja jisma’.  Ma jorbotx fuq proġetti mfasslin fuq il-mejda, imma jħalli leħen l-Ispirtu s-Santu jdawwlu, iħobb jitkellem bil-lingwaġġ tal-fidi ta’ min hu sempliċi.  Isir ħaġa waħda man-nies tiegħu u qabel kollox, mal-presbiterju tiegħu, dejjem disponibbli biex jilqa’ u jagħmel il-qalb lis-saċerdoti tiegħu.  Imexxi ‘l quddiem, aktar bl-eżempju milli bil-kliem, farternità saċerdotali ġenwina, billi juri lis-saċerdoti illi hu Ragħaj għall-merħla, mhux minħabba l-prestiġju jew il-karriera, ħaġa kerha ħafna.  Tkunux xabbaturi, jekk jogħġobkom u lanqas ambizzjużi: irgħu l-merħla t’Alla “mhux bħala sidjien tal-persuni afdati lilkom, imma billi tkunu mudelli għall-merħla” (1 Pt 5,3).

U mbagħad, għeżież ħuti, aħarbu mill-klerikaliżmu, “il-mod anomalu li bih nifhmu l-awtorità tal-Knisja, komuni ħafna f’ħafna komunitajiet li fihom seħħew imġibiet ta’ abbuż tal-poter, tal-kuxjenza u sesswali”.  Il-klerikaliżmu - jnawwar il-komunjoni għax jiġġenera qasma fil-ġisem ekkleżjali, li jgħawi u jgħin biex ma jwaqqaf qatt il-ħażen li aħna qed nidddenunzjaw illum.  Li ngħidu le għall-abbuż – kemm tal-poter, tal-kuxjenza, kull tip ta’ abbuż – ifisser li bil-forza ngħidu le għal kull għamla ta’ klerikaliżmu (Ittra lill-Poplu t’Alla, 20 ta’ Awwissu, 2018).  Għaldaqstant tħossukomx sidjien tal-merħla – intom m’intomx padruni tal-merħla – anki jekk jagħmel dan ħaddieħor jew jekk ċerti drawwiet tal-post jiffavorixxu attitudni bħal din.  Il-poplu t’Alla, li għalih intom ġejtu ordnati, għandu jara fikom missirijiet, mhux padruni; missirijiet ħerqana: ħadd m’għandu juri attitudnijiet ta’ sudditanza fil-konfront tagħkom.  F’dan il-waqt storiku, f’ċerti nħawi jidher li hemm it-tendenza li tenfasiżża l-leaderiżmu.  Id-dehra ta’ nies qawwija, li jżommu d-distanzi u jikkmandaw lill-oħrajn, tista’ tidher komda u tiġbdek, imma mhix evanġelika.  Spiss iġġib ħsara li ma tissewwiex fil-merħla li għaliha Kristu ta ħajtu bl-imħabba, billi ċċekken u xxejjen.  Kunu għalhekk bnedmin ta’ faqar materjali u għonja fir-relazzjonijiet, qatt iebsin u nervużi, imma affabbli, paċenzjużi, sempliċi u miftuħin.

Nixtieq ukoll nitlobkom biex ikollkom għal qalbkom xi realtajiet b’mod partikolari:

Il-familji.  Minkejja li mxekklin minn kultura li tittrasmetti l-loġika tal-proviżorju u tiffavorixxi d-drittijiet individwali, huma jibqgħu dejjem iċ-ċelluli ewlenin ta’ kull soċjetà u l-ewwel fil-Knisja, għax huma Knejjes domestiċi.  Ippromwovu toroq ta’ tħejjija għaż-żwieġ u ta’ akkumpanjament għall-familji: ikunu żerriegħa li tagħti frott fiż-żmien tagħha.  Iddefendu l-ħajja tal-konċeput bħalma tiddefendu dik tal-anzjan, sostnu l-ġenituri u lin-nanniet fil-missjoni tagħhom.

Is-seminarji.  Dawn huma l-mixtla ta’ għada.  Hemmhekk ħossukom f’darkom.  Iċċekkjaw sewwa li jkunu mmexxijin minn bnedmin ta’ Alla, minn edukaturi ta’ ħila u maturi, li bl-għajnuna tal-aħjar xjenzi umani jiggarantixxu l-formazzjoni ta’ profili umani u sani, miftuħin, awtentiċi, sinċieri.  Agħtu prijorità lid-dixxerniment vokazzjonali biex tgħinu liż-żgħażagħ jagħrfu l-leħen ta’ Alla fost il-ħafna li jidwu fil-widnejn u fil-qalb.

Iż-żgħażagħ għalhekk, li lilhom se jkun iddedikat is-Sinodu li dalwaqt jibda.  Ejjew nisimgħu, inħalluhom jipprovokawna, nilqgħu xewqathom, id-dubji tagħhom, il-kritika, il-kriżijiet.  Huma l-futur tal-Knisja, huma l-futur tas-soċjetà: minnhom tiddependi dinja aħjar.  Anki meta jidhru mniġġsin mill-virus tal-konsumiżmu u tal-edoniżmu, qatt m’għandna nitfgħuhom kwarantina: infittxuhom, nisimgħu qalbhom li tixxennaq għall-ħajja u bil-ħerqa titlob il-libertà.  Noffrulhom l-Evanġelju bil-kuraġġ.

Il-foqra.  Li nħobbuhom ifisser li nitqabdu kontra kull tip ta’ faqar, spiritwali u materjali.  Iddedikaw ħin u enerġiji għal tal-aħħar, mingħajr biża li se tħammġu jdejkom.  Bħala appostli tal-karità ilħqu l-periferiji umani u eżistenzjali tad-djoċesijiet tagħkom.

Fl-aħħar, għeżież Ħuti, tafdawx, nitlobkom, fil-bruda li twassal għall-medjokrità u l-għażż, dak “id-dimonju ta’ nofsinhar”.  Tħarsu minnu.  Tħarsu mill-kalma li tiskarta s-sagrifiċċju; mill-għaġla pastorali li twassalkom għall-intolleranza; mill-abbundanza tal-ġid materjali li tisfigura l-Evanġelju, l-unika inkwetudni li tagħti il-paċi.  Irrodilkom ħajr talli smajtuni u nberikkom, bil-ferħ li intom l-aktar għeżież fost l-aħwa. U nitlobkom, jekk jogħġobkom, biex ma tinsewx titolbu għalija.  Grazzi.

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber