DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
LILL-ASSEMBLEA TAL-ĠUDIKANTI PANAMERIKANI
DWAR ID-DIRITTIJIET SOĊJALI U D-DUTTRINA FRANĠISKANA

Casina Pio IV
It-Tlieta, 4 ta’ Ġunju, 2019

Sinjuri, hu ta’ ferħ għalija u wkoll ta’ tama li niltaqgħa magħkom f’din il-laqgħa li fiha l-appuntament mhux limitat għalikom waħedkom imma wkoll biex issaħħu x-xogħol li tagħmlu flimkien mal-avukati, konsulenti, prokuraturi, difensuri, impjegati u tiftakru wkoll fil-popli tagħkom, bix-xewqa li, bis-sinċerità tfittxu li tkunu garanzija sabiex il-ġustizzja, u speċjalment il-ġustizzja soċjali, tilħaq lil kulħadd.  Il-missjoni nobbli u tqila li għandkom titlob dedikazzjoni sħiħa lejn il-qadi tal-ġustizzja u l-ġid komuni, bis-sejħa li bla heda taraw li d-drittijiet tal-persuni, u speċjalment tal-aktar dgħajfa, jkunu rispettati u garantiti.  B’hekk intom tagħtu sehemkom biex l-istati ma jirrinunzjawx għad-dmir sublimi u ewlieni tagħhom: li jitgħabbew bir-responsabbiltà tal-ġid komuni tal-popli tagħhom.  “L-esperjenza tgħallimna – kien osserva Ġwanni XXIII – li meta l-azzjoni tas-setgħat pubbliċi tkun nieqsa, l-iskwilibriji ekonomiċi, soċjali u kulturali, speċjalment fl-epoka tagħna, donnhom jiżdiedu; bħala konsegwenza, hemm ir-riskju li d-drittijiet fundamentali tal-persuna jitilfu l-valur tagħhom” (Enċ. Pacem in terris, n. 63). 

Infaħħar l-inizjattiva li ħadtu biex tiltaqgħu, kif ukoll dik tas-sena li għaddiet meta ltqajtu fi Buenos Aires u li fiha, aktar minn 300 maġistrati u uffiċjali ġudizzjarji ddiskutew id-drittijiet soċjali fid-dawl  tal-Evangelii Gaudium, tal-Laudato sì u tad-Diskors lill-Movimenti Popolari f’Santa Cruz de la Sierra.  Minn hemm kienet ħarġet ġabra interessanti ta’ direzzjonijiet għall-iżvilupp tal-missjoni li għandkom f’idejkom.  Dan ifakkarna kemm hu importanti, anzi, għaliex le, kemm hu meħtieġ, li jinqabdu minn qrunhom il-problemi bażiċi li għaddejjin minnhom is-soċjetajiet tagħkom u li, kif nafu, ma jistgħux jinħallu sempliċiment b’xi soluzzjonijiet iżolati jew b’atti volontarji ta’ xi persuna jew ta’ pajjiż, iżda jeħtieġu l-ħolqien ta’ klima ġdida; jiġifieri kultura mmarkata minn tmexxija maqbula u kuraġġuża li tagħraf tinvolvi wkoll persuni oħra u gruppi oħra (cfr Eż App Il-Ferħ tal-Vanġelu, n. 223) bil-ħila li jiftħu toroq għall-ġenerazzjonijiet ta’ issa u anki għal dawk tal-ġejjieni, bil-ħolqien ta’ kundizzjonijiet li jistgħu jgħelbu d-dinamika tal-esklużjoni u s-segregazzjoni, b’mod li l-inġustizzja ma jkollhiex l-aħħar kelma (cfr Enċ Ludato sì nn 53 u 164).  Il-popli tagħna jesiġu dan it-tip ta’ inizjattivi li jgħinu sabiex nabbandunaw kull atteġġjament passiv jew nibqgħu spettaturi qiesu l-istorja t’issa u tal-futur għandu jiddeċidieha u jirrakkuntaha xi ħadd ieħor.

Għaddejjin minn fażi storika ta’ tibdil li fiha hemm tiżfen fin-nofs l-istess ruħ tal-popli tagħna.  Żmien ta’ kriżi – kriżi: paċenzja ċiniża, riskji, perikli u opportunitajiet; hi sitwazzjoni ambivalenti, għaqli ħafna dan – żmien ta’ kriżi li fih qed iseħħ paradoss: min-naħa żvilupp normattiv fenomenali, min-naħa l-oħra d-deterjorament tat-tgawdija effettiva tad-drittijiet sagrosanti fuq livell globali.  Qiesu l-bidu tan-nominaliżmi li dejjem hekk jibdew.  Minbarra dan, darba wara oħra, bi frekwenza dejjem tiżdied, is-soċjetajiet qed iħaddnu għamliet anomiċi, speċjalment fejn jidħol ir-rispett lejn il-liġijiet li jirregolaw id-Drittijiet soċjali, u dan jiġġustifikawh b’ħafna argumenti.  Din l-anomija tinbena, per eżempju, fuq nuqqasijiet fil-bilanċ, l-impossibiltà li l-benefiċċji jkunu ġeneraliżżati jew mibnijin fuq il-karattru programmatiku aktar milli fuq jekk dawn jistgħux jaħdmu sewwa.  Nitħasseb ħafna meta naf li qed iqumu ilħna, speċjalment minn xi “nies tad-duttrina!”, li qed jppruvaw “jispjegaw!” li d-drittijiet soċjali huma “qodma”, għadda żmienhom  u m’għandhom xejn x’jagħtu lis-soċjetajiet tagħna.  B’hekk huma qed isaħħu politika ekonomika u soċjali li twassal lill-popli tagħna jaċċettaw u jiġġustifikaw id-diżugwaljanza u l-indinjità.  L-inġustizzja u n-nuqqs ta’ opportunitajiet tanġibbli u konkreti li jsostnu analiżi mingħajr il-ħila li tidħol fiż-żarbun tal-ieħor – u qed ngħid hekk minkejja li f’ħafna każi dawn il-persuni lanqas żarbun m’għandhom – huwa mod ieħor kif titkebbes il-vjolenza: siekta, imma vjolenza xorta waħda.  Ir-riżultat tan-normattiva nominalista, indipendentista żejda dejjem hi l-vjolenza.

“Illum qed ngħixu fi bliet enormi li jidhru moderni, kburin u saħansitra vanitużi.  Bliet kburin bir-rivoluzzjoni tekonoloġika u diġitali tagħhom – li joffru divertiment bla qies u ħajja tajba għal minoranza feliċi imma li qed jiċħdu dar lil eluf ta’ qraba tagħna u ħutna, saħansitra tfal, u bl-eleganza nsejħulhom “persuni bla dar fissa”.  Ħaġa kurjuża kif fid-dinja tal-inġustizzji l-ewfemiżmi saru abbundanti” (Laqgħa Dinjija tal-Movimenti Popolari 28 ta’ Ottubru, 2014).  Donnu jidher li l-Garanziji Kostituzzjonali u t-Trattati Internazzjonali ratifikati, fil-prattika m’għandhomx valur universali.

“L-inġustizzja soċjali naturaliżżata” - jew aħjar l-inġustizzja soċjali meqjusa bħala xi ħaġa naturali – u għalhekk moħbija – li niftakru fiha u nagħrfuha biss meta “xi wħud jagħmlu ftit ħoss fit-triq” -, tispiċċa biex l-istorja tat-tnikkir u nisi tibqa’ għaddejja fis-skiet.  Ippermettuli ngħid li dan hu wieħed mill-akbar ostakli li jiltaqa’ miegħu l-patt soċjali u li jdgħajjef is-sitema demokratika.  Biex is-sistema politku-ekonomiku jkolllu żvilupp sân, jeħtieġ garanzija li d-demokrazija ma tkunx biss tal-isem, imma tara li tkun imfassla b’azzjonijiet konkreti li jħarsu d-dinjitá tal-abitanti kollha skont il-loġika tal-ġid komuni, b’appelll għas-solidarjetà u għażla preferenzali favur il-foqra (Enċ. Laudato sì, n 158).  Dan jitlob sforz mill-aktar awtoritajiet għolja u naturalment, mis-setgħat ġudizzjarji, biex titnaqqas id-distanza bejn l-għarfien ġuridiku u t-tqħegid fis-seħħ tiegħu.  M’hemmx demokrazija dment li hemm il-ġuħ, lanqas żvilupp meta hemm il-faqar, u anqas ġustizzja fin-nuqqas ta’ ugwaljanza.

Kemm drabi l-ugwaljanza nominali ta’ ħafna mid-dikjarazzjonijiet  u azzjonijiet tagħna tkun biss qoxra li tipproduċi diżugwaljanza reali u moħbija waqt li fil-fatt insibu ruħna quddiem ordni possibbli imma fittizju.  L-ekonomija tal-karta, id-demokrazija “tal-paroli” u dik ikkonċentrata tal-midja, joħolqu bużżieqa li tikkundizzjona l-opinjonijieet kollha miż-żerniq sal-għabex (cfr. Roberto Andrés Gallardo, Derechos sociales y doctrina franciscana, 14).  Ordni fittizju li virtwalment iġib lil kulħadd l-istess imma li, fil-konkret jifres u jżid il-loġika u l-istrutturi tal-esklużjoni u t-tkeċċija, għax ixekkel il-kuntatt u l-impenn reali mal-ieħor.  Iwaqqaf il-konkret jew li bniedem jerfa’ fuq spallejh dak li hu konkret.

Fit-tfassil tal-ordni soċjali mhux kulħadd jitlaq mill-istess punt.  Dan iġagħalna ninterrogaw lilna nfusna u jgħabbina bid-dmir li nfasslu toroq ġodda sabiex l-ugwaljanza quddiem il-liġi ma tiddeġenerax u tieħu bixra ta’ inġustizzja.  F’dinja virtwali, tibdil u tifrik - ninsabu fl-epoka tal-virtwali -, id-Drittijiet soċjali ma jistgħux jibqgħu biss xi għamla ta’ eżortazzjoni jew qieshom xi laqam, imma għandhom ikunu fanal u boxxla fil-mixja għax “l-istat ta’ saħħa tal-istituzzjonijiet tas-soċjetà għandu konsegwenzi fuq l-ambjent u fuq il-kwalità tal-ħajja umana (Enċ Laudato sì, n.142)

Nintalbu nagħtu djanjosi ċara u tintalab minna l-ħila li niddeċiedu quddiem il-kunflitti, nintalbu biex ma nħallux jirkibna n-nuqqas ta’ azzjoni jew atteġġjament sterili bħal dawk li jħarsu, jinnegaw jew jannullaw u jibqgħu għaddejjin qiesu qatt ma ġara xejn, jaħslu jdejhom biex ikomplu għaddejjin bil-ħajja tas-soltu.  Oħrajn, tant jitwaħħdu mal-kunflitt li jibqgħu lsiera tiegħu, jitilfu l-boxxla u jgħabbu l-istituzzjonijiet bil-konfużjoni u n-nuqqas ta’ sodisfazzjon personali.  L-istedina hi sabiex il-kunflitt inħarsu lejh f’wiċċu, nissaportuh u nsolvuh, u b’hekk nibdluh f’ħolqa ta’ proċess ġdid (E’ App. Il-Ferħ tal-Vanġelu n. 227).

Meta naffrontaw il-kunflitt jidher ċar li għandna impenn ma’ ħutna biex id-Drittijiet soċjali jitqiegħedu fis-seħħ, b’impenn sħiħ li nkissru l-argumenti kollha li jattakkawhom biex ma jħalluhomx jitwettqu. U dan isir billi napplikaw jew noħolqu leġiżlazzjoni li jkollha ħila terfa’ lill-persuni pemezz tal-għarfien tad-dinjità tagħhom.  Il-vojt leġiżlattiv, kemm ta’ leġiżlazzjoni xierqa daqskemm l-aċċessibiltà u t-tqegħid fis-seħħ tagħha, jagħtu bidu għal ċirku vizzjuż li lill-persuni u lill-familji jneżżgħuhom minn dawk il-garanziji meħtieġa biex jiżviluppaw u jkunu komdi.  Dan il-vojt jiġġenera l-korruzzjoni u fil-fqir u fl-ambjent iħallu l-ewwel u l-ewlenin vittmi tagħhom.

Nafu li d-dritt mhuwiex biss il-liġi u n-normi, imma huwa wkoll prassi li tipprogramma r-rabtiet, tibdilhom, b’ċertu mod, f’awturi tad-dritt kull darba li jikonfrontaw ruħhom mal-persuni u mar-realtà.  U din hi stedina biex inħaddmu l-immaġinazzjoni ġuridika kollha tagħna bl-għan li l-istituzzjonijiet niffurmawhom mill-ġdid u biex ikunu affrontati r-realtajiet soċjali l-ġodda li huma qed iħabbtu wiċċhom magħhom (cfr. Horacio Corti, Derechos sociales y doctrina franciscana, 106).  F’das-sens huwa ħafna importanti li l-persuni li jiġu fl-uffiċċji tagħkom, fuq il-medja tax-xogħol tagħkom, iħossu li intom wasaltu hemmhekk qabilhom, li intom wasaltu l-ewwel, li tafuhom u tifhmu s-sitwazzjoni partikolari tagħhom, imma fuq kollox li intom tagħrfuhom bħala ċittadini sħaħ u bil-potenzjal li jkunu aġenti tal-bidla u t-trasformazzjoni. Qatt m’għandna nneħħu minn quddiem għajnejna li, l-ewwel ħaġa, is-setturi popolari mhumiex problema, imma parti attiva ta’ wiċċ il-komunitajiet u n-nazzjonijiet tagħna, huma għandhom kull dritt li jieħdu sehem fir-riċerka u l-bini ta’ soluzzjonijiet inkussivi.  “L-istruttura politika u istituzzjonali mhix qiegħda hemm biss biex tevita l-prattiċi ħżiena, iżda biex tinkoraġġixxi l-prattiċi tajba, biex tistimula l-kreattività li tfittex toroq ġodda, biex tiffaċilita inizjattivi personali u kollettivi” (Enċ Laudato sì n. 177)

Importanti naraw illi, sa mil-bidu tal-formazzjoni professjonali, l-operaturi legali jkunu jistagħu jitħarrġu b’kuntatt dirett mar-realtajiet li huma jkunu se jqadu kuljum, isiru jafuhom personalment u jifhmu liema huma l-inġustizzji li jridu jħabbtu wiċċhom magħhom fil-ħidma futura tagħhom.  Meħtieġ ukoll li jkunu identifikati l-mezzi kollha u l-mekkaniżmi sabiex iż-żgħażagħ ġejjin minn sitwazzjoniet ta’ esklużjoni jew emarġinazzjoni jkunu jistgħu jieħdu l-formazzjoni huma wkoll, b’mod li jkunu jistgħu jsiru protagonisti huma stess.  Sar ħafna diskors dwarhom, issa hemm bżonn nisimgħuhom u ntuhom vuċi f’dawn il-laqgħat.  Qed jiġini f’moħħi l-leitmotif impliċitu li hemm f’kull tip ta’ paternaliżmu ġuridiku: kollox għall-polu imma xejn mal-poplu.  Miżuri bħal dawn jippermettulna nistabbilixxu kultura ta’ laqgħa “għax ma nistgħux inħobbu la l-kunċetti u lanqas l-ideat (….).  Li tingħata, li tingħata awtentikament, jiġi mill-imħabba lejn l-irġiel, in-nisa, it-tfal u l-anzjani, u l-komunitajiet: uċuħ, uċuħ u ismijiet li jimlew il-qalb” (II Laqgħa Dinjija tal-Movimenti Popolari, Santa Cruz de la Sierra, 9 ta’ Lulju, 2015).

Napprofitta ruħi mill-opportunità li ninsab magħkom biex infissrilkom il-preokkupazzjoni tiegħi dwar għamla ġdida ta’ intervent esoġenu li dieħel fix-xenarji politiċi tal-pajjiżi bl-użu illeċitu ta’ proċedimenti legali u mudelli ġudizzjarji. Minbarra li jqiegħed f’periklu gravi d-demokrazija tal-pajjiżi, il-lawfare, ikun użat ġeneralment biex jimmina l-proċessi politiċi emerġenti u jxaqleb lejn vjolazzjoni sistematika tad-Drittijiet soċjali.  Biex il-kwalità istituzzjonali tal-Istati tkun garantita, huwa fundamentali li tingħaraf u tkun newtraliżżata din it-tip ta’ prattika li tiġi minn attività ġudizzjarja diżonesta imsaħħha minn operazzjonijiet multimedjatiċi paralleli.  Minix se nieqaf dwar dal-punt imma s-sentenzi sommarji tal-ġudizzju medjatiku nafuhom ilkoll.

Dn ifakkarna li, mhux fi ftit każi, id-difiża u jew il-prioriżżazzjoni tad-Drittijiet soċjali fuq tipi ta’ interessi oħra, iwassalkom għal skontru mhux biss ma sistema inġusta, imma wkoll mas-sistema setgħana tal-komunikazzjoni, li spiss tgħawweġ l-effett tad-deċiżjonijiet tagħkom, tqanqal dubju dwar l-onestà tagħkom u anki dwar ir-rettitudni tagħkom, jistgħu saħansitra jgħaddukom proċess.  Hija battalja asimmetrika li tnawwar, li biex tirbaħha mhix meħtieġa biss il-forza iżda wkoll il-kreattività u elastiċità xierqa. Kemm drabi l-ġudikanti, irġiel u nisa jkollhom jaffaċċjaw il-ħitan tal-malafama u d-diżunur, jekk mhux ukoll il-kalunnji, fis-solitudni!

Żgur li hemm bżonn ta’ integrità kbira biex dawn is-sitwazzjonijiet jingħelbu.  “Imberkin dawk li huma persegwitati minħabba l-ġustizzja għax tagħhom hija s-saltna tas-smewwiet” (Mt 5, 10), kien jgħid Ġesù.  F’das-sens jien nifraħ li wieħed mill-għanijiet ta’ dil-laqgħa hu l-ħolqien ta’ Kumitat Permanenti Panamerikan ta’ Ġudikanti għad-Drittijiet Soċjali, li fost l-għanijiet tiegħu jimmira li jgħin lill-maġistratura tegħleb is-solitudni billi joffri appoġġ u assistenza reċiproka, sabiex jerġa jagħti ħajja lit-tħaddim tal-missjoni tagħkom.  Il-veru għerf ma jinkisibx b’sempliċi ħażna ta’ informazzjoni – dak ikun enċiklopediżmu – ġabra li tispiċċa biex tifga u tifxel, fi speċi ta’ kontaminazzjoni ambjentali, iżda bir-riflessjoni, bid-djalogu u l-laqgħa ġeneruża bejn il-persuni, b’dak il-konfront adult, sân li jgħin biex kulħadd jikber (Enċ. Laudato sì n. 47).

Lill-membri tal-Movimenti Popolari, fl-2015 kont għidtilhom: intom għandkom rwol essenzjali, mhux biss li tesiġu jew tipprotestaw, imma fundametnalment biex tikkrejaw.  Intom poeti soċjali: ħallieqa tax-xogħol, bennejja tad-djar, produtturi tal-ikel, speċjalment għal min hu skartat mis-suq dinji (II Laqgħa Finjija tal-Movimenti Popolari, Santa Cruz de la Sierra, 9 ta’ Lulju, 2015).

Rispettabbli maġistrati, intom għandkom rwol essenzjali; ippermettuli ngħidilkom li intom poeti wkoll, intom poeti soċjali meta ma tibżgħux “tkunu protagonisti fit-trasforamzzjoni tas-sistema ġudizzjarju msejjes fuq il-valuri, fuq il-ġustizzja u fuq il-primat tad-dinjità tal-persuna umana” (Nicolás Vargas, Derechos humanos y doctrina franciscana, 230), lil hinn minn kull tip ta’ interess u ġustifikazzjoni.

Nixtieq intemm ngħidilkom: “imberkin dawk li għandhom il-ġuħ u l-għatx għall-ġustizzja; imberkin dawk li jġibu l-paċi” (Mt 5, 6 u 9).  Grazzi.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber