DISKORS TAL-PAPA FRANĠISKU

LILL-MEMBRI TAL-FONDAZZJONI “GRAVISSIMUM EDUCATIONIS”

fis-Sala tal-Konċistorju, fil-Palazz Appostoliku fil-Vatikan,

nhar it-Tnejn, 25 ta’ Ġunju, 2018.

 

Għeżież Ħbieb,

Nagħti merħba lilkom ilkoll li qed tieħdu sehem fil-Laqgħa “Li teduka jfisser li tittrasforma”, imnedija mill-Fondazzjoni “Gravissimum Educationis”. Irrodd ħajr lill-Kardinal Versaldi għall-kliem tiegħu ta’ introduzzjoni u nħossni grat lejn kull wieħed u waħda minnkom li qegħdin iġġorru r-rikkezza tal-esperjenzi fit-taqsimiet varji li minnhom intom ġejjin u li fihom taħdmu fil-kamp tal-edukazzjoni. 

Kif tafu, din il-Fondazzjoni twaqqfet minni biex tirrispondi għall-istedina tal-Kongregazzjoni tal-Edukazzjoni Kattolika (tal-Vatikan), nhar it-28 t’Ottubru 2015, fl-okkazjoni ta’ għeluq il-50 anniversarju mid-Dikjarazzjoni tal-Konċilju Vatikan II “Gravissimum Educationis”. Permezz ta’ din l-istituzzjoni, il-Knisja qed iġġedded l-impenn tagħha lejn l-edukazzjoni Kattolika skont ma jitolbu t-tibdiliet storiċi taż-żminijiet tal-lum. Infatti, il-Fondazzjoni tilqa’ dak li jħeġġiġna nagħmlu u li diġà kien jinsab fid-Dikjarazzjonii Konċiljari li semmejna u li hi msemmija għaliha, fejn din id-Dikjarazzjoni Konċiljari ssuġġeriet li għandu jkun hemm ko-operazzjoni bejn l-istituzzjonijiet skolastiċi u dawk universitarji u dan biex jaffrontaw aħjar l-isfidi li jkunu jeżistu fiż-żminijiet partikulari (ara para. 12). Din ir-rakkomandazzjoni tal-Konċilju kisbet maturità matul iż-żmien u tinsab anke fil-Kostituzzjoni Papali reċenti “Veritatis Gaudium” li tittratta fuq l-universitajiet u l-fakultajiet tal-universitajiet tal-Knisja Kattolika. Dan id-dokument jitkellem fuq il-bżonn urġenti li tinħoloq xibka bejn dawn id-diversi istituzzjonijiet li, f’kull parti tad-dinja, jikkultivaw u jippromwovu l-istudji ekkleżjastiċi (Proemio, 4d) u, f’sens aktar wiesa’, bejn l-istituzzjonijiet Kattoliċi kollha tal-edukazzjoni.

Huwa biss billi nibdlu l-edukazzjoni li nistgħu nibdlu d-dinja. Biex nagħmlu dan, nixtieq nagħtikom xi suġġerimenti:

1.     Qabel kollox, hu importanti li “noħolqu xibka”. Li “noħolqu xibka” jfisser li nqiegħdu flimkien l-istituzzjonijiet skolastiċi u universitaji biex isaħħu l-qawwa tal-inizzjattiva tal-edukazzjoni u tar-riċerka, waqt li t-tnejn jarrikkixxu lilhom infushom bil-preġji ta’ xulxin, biex hekk, ikunu effikaċi fuq il-livell intellettwali u kulturali.

 

Li “toħloq xibka” jfisser ukoll li tqiegħed flimkien it-tipi differenti ta’ għerf u tagħlim, ix-xjenzi u d-dixxiplini, biex flimkien jaffrontaw l-isfidi kumplessi tal-lum, billi d-dixxiplini jitħallu flimkien u jagħtu l-għerf tagħhom lil xulxin, propju kif ħeġġiġt fil-“Veritatis Gaudium “ (ara para. 4c).

 

Li “toħloq xibka” jfisser li toħloq postijiet fejn il-bnedmin jistgħu jiltaqgħu u jiddjalogaw fi ħdan l-istituzzjonijiiet edukattivi u joħorġu ‘l barra: dawn il-laqgħat u dawn id-djalogi mill-istituzzjonijiet infushom, anke ma’ ċittadini ta’ kulturi, tradizzjonijiet u reliġjonijiet differenti, u dan sabiex l-umaniżmu Kristjan jikkontempla l-kundizzjoni universali tal-umanità tal-lum.

 

Li “toħloq xibka” ifisser ukoll li l-iskola ssir komunità li teduka u li fiha dawk li jgħallmu u l-istudenti ma jkunux magħqudin bejniethom biss fuq il-livell didattiku (tat-tagħlim), imma wkoll permezz ta’ programm ta’ ħajja u ta’ esperjenza u dan hu tant importanti biex dawn l-istituzzjonijiet edukattivi ma jitilfux l-għeruq tagħhom.

 

Mill-banda l-oħra, l-isfidi li jinsabu quddiem il-bnedmin illum huma globali fis-sens l-aktar wiesa’ tal-kelma, kif sikwit ngħidu u nafu li hekk hu. L-edukazzjoni Kattolika ma għandhiex tfittex biss li tifforma l-imħuħ u tagħtihom perspettiva aktar wiesgħa tal-ħajja, kapaċi li tifhem anke l-aktar realtajiet diffiċli tad-dinja.  Minn barra dan, hija taf li minbarra li tinfirex fl-ispazju, hija għandha tkabbar ir-responsabbiltà morali tal-bniedem tal-lum, mhux biss billi jirrealizza li din ir-responsabbiltà tinfirex fiż-żmien, imma anke billi jirrealizza li bl-għażliet li l-bniedem jagħmel illum qed jeffettwa l-ġenerazzjonijiet tal-futur.

 

2.     Xi ħaġa oħra li l-edukazzjoni hija mistennija li tagħmel hi li tirrispondi, skont ma tgħid l-Eżortazzjoni Appostolika “Evangelii Gaudium”, għal dak li hemm bżonn biex ma nħallu lil ħadd “jisirqilna t-tama” (para. 86).  Permezz ta’ dan il-kliem, jien kelli f’moħħi li nħeġġeġ lill-irġiel u lin-nisa tal-lum, biex ilaqqgħu flimkien b’mod pożittiv, it-tibdiliet fis-soċjetà li qed iseħħu, illum, u li ġejjin mir-realtajiet tal-lum, mad-dawl li joħroġ mill-wegħda tas-salvazzjoni Nisranija.

 

Aħna msejħin li ma nitilfux it-tama, għax għandna nagħtu din it-tama lid-dinja kollha tal-lum.  “Li nxerrdu mad-dinja kollha din it-tama”, u “li nsostnu t-tamiet li joħorġu minn dinja globalizzata”, huma impenji fundamentali tal-missjoni tal-edukazzjoni Kattolika, kif hemm fid-dokument reċenti “Neduka għall-umaniżmu soċjali“ (“Educare all’umanesimo sociale”) tal-Kongregazzjoni tal-Edukazzjoni Kattolika (ara para. 18 u 19). Globalizzazzjoni mingħajr tama u mingħajr viżjoni hi esposta biex tiġi kkundizzjonata mill-interessi ekonomiċI li spiss huma ‘l bogħod minn idea retta tal-ġid komuni, u faċilment tipproduċI tensjonijiet soċjail, konflitti ekonomiċi u abbużi ta’ poter. Jeħtieġ li nagħtu ruħ lid-dinja globalizzata, u dan permezz ta’ formazzjoni kulturali u morali, formazzjoni li taf iġġib ‘il quddiem l-affarijiet  tajbin tal-globalizzazzjoni u tikkorreġI dawk li huma negattivi.

 

Hawnhekk qed nitkellmu fuq affarijiet importanti li jistgħu jintlaħqu biss permezz tal-iżvilupp fir-riċerka xjentifika afdata lill-universitajiet u li hi parti mill-missjoni tal-Fondazzjoni “Gravissimum Educationis”.  Riċerka ta’ kwalità għandha quddiemha xefaq mimli sfidi. Xi wħud minn dawn l-isfidi msemmija anke fl-Enċiklika “Laudato Sì”, jirreferu għall-proċessi tal-interdipendenza fid-dinja u tal-lum.  Min-naħa l-waħda, din l-interdipendenza hija forza storika pożittiva għax tkabbar l-għaqda bejn il-bnedmin.  MiIl-banda l-oħra, din l-interdipendenza tista’ tipproduċI ħafna inġustizzji u turi r-relazzjoni mill-qrib li teżisti bejn il-miżerji umani u l-istat ikrah tal-ambjent fid-dinja.  Ir-risposta għal dan kollu jinsab fl-iżvilupp u fir-reċerka li jwasslu lejn ekoloġija integrali li tirrispetta lill-bniedem.

 

Nixtieq nerġa’ nagħmel enfasi fuq l-isfidi li fid-dinja jkollna ekonomija bbażata fuq l-aqwa mudelli ta’ żvilupp, jiġifieri dawk li huma favur il-bniedem, dawk li huma bbażati fuq idea aktar awtentika ta’ x’inhu l-ferħ u li kapaċi li tikkoreġi mekkaniżmi ħżiena tal-konsum u tal-produzzjoni. Imbagħad  hemm l-isfida politika: il-poter tat-teknoloġija qiegħed dejjem jespandu.  Wieħed mill-effetti tiegħu hu l-kultura tal-iskart, li tqis lill-bnedmin u lill-oġġetti bl-istess mod, mingħajr ma tagħmel l-ebda distinzjoni bejniethom.  Din il-kultura (il-kultura tal-iskart) timplika antropoloġija bbażata fuq l-idea tad-dinja li fiha jgħix bħala riżorsa li għandha tkun il-priża tiegħu skont kif jogħġob lilu (lill-bniedem).

 

Ċertament, li l-istudjużi u r-riċerkaturi tal-Fondazzjoni “Gravissimum Educationis” għandhom ħafna x’jagħmlu!

 

3.     Ix-xogħol qed jistenniekom bħalma qed jistenna s-sostenn tagħkom għal proġetti edukattivi oriġinali.  Biex dan ix-xogħol u dan is-sostenn tagħkom ikunu effikaċi, jeħtieġ tobdu tliet kriterji essenzjali.

 

L-ewwel nett l-identità! Din tesiġi koerenza u kontinwità fil-missjoni tal-iskejjel, l-universitaijiet u ċ-ċentri tar-riċerka promossi jew akkumpanjati mill-Knisja, u miftuħa għal kulħadd. Dawn il-valuri, huma fundamentali biex nibnu fuq it-triq indikata miċ-ċiviltà Nisranija u fuq il-missjoni evanġelizzatriċi tal-Knsija.  B’dawn l-affarijiet, tistgħu tiikkontribwixxu biex turu lill-bnedmin b’mod ġenerali u lil kull bniedem u lil kull bniedma partikulari, it-toroq li jeħtieġu li ngħaddu mminnhom biex nagħtu risposti aġġornati għad-dilemmi, taż-żmien tagħna, waqt li dejjem inżommu l-ħarsa preferenzjali tagħna lejn dawk li l-aktar  huma fil-bżonn.

 

Kriterju essenzjali ieħor hu l-kwalità.  Dan il-kriterju hu fanal sigur biex idawwal kull inizjattiva ta’ studju u ta’ kull riċerka u edukazzjoni.  Il-kwalità hi meħtieġa biex jitqiegħdu fil-prattika dawk “il-pilastri tal-eċċellenza interdixxiplinari” li huma rakkomandati fil-Kostituzzjoni “Veritatis Guadium” (ara para. 5) u li l-Fondazzjoni “Gravissimum Educationis” qiegħda dejjem taspira li jitqiegħdu fil-prattika u jkunu sostnuti.

Imbagħad, fix-xogħol tagħkom m’għandux jonqos l-iskop tal-ġid komuni.  Il-ġid komuni hu diffiċli li tgħid x’inhu fis-soċjetà tagħna, li fiha jgħixu flimkien, aktarx minħabba l-konvenjenza, ċittadini, gruppi u popli ta’ kulturi, tradizzjonijiet u reliġjonijiet differenti. Jeħtieġ li nwessgħu x-xefaq tal-ġid komuni u nedukaw lill-bnedmin lejn il-fatt li huma jappartjenu għall-familja umana.

Biex twettqu l-missjoni tagħkom, għalhekk, jeħtieġ li tqiegħdu l-bażi għall-koeranza mal-identità Nisranija; jeħtieġ li tużaw il-mezzi xierqa għall-kwalità fl-istudju u fir-riċerka; jeħtieġ li ssegwu skopijiet li huma f’armonija mas-servizz lejn il-ġid komuni.

Programm ta’ ħsieb u ta’ azzjoni mibni fuq dawn it-tliet pilastri sodi, jista’ jikkontribwixxi, permezz tal-edukazzjoni, lejn it-twaqqif tal-ġejjieni, li fih id-dinjità tal-persuna u l-fraternità  bejn il-bnedmin kollha, isiru riżorsi globali li lejhom kull ċittadin tad-dinja jista’ u għandu jħabrek.

Waqt li rroddilkom ħajr għal dak li tistgħu tagħmlu fil-ħidma tagħkom ta’ sostenn lejn il-Fondazzjoni, ninkuraġġikom biex tkomplu taħdmu f’din il-missjoni li tant jistħoqqilha tifħir u li tant hi ta’ ġid. Lilkom, lill-kollegi u lill-familjari tagħkom, nagħtikom minn qalbi u b’abbundanza, il-barka tal-Mulej. U jekk jogħġobkom, tinsewx  titolbu għalija.

Grazzi!

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Kathleen Bonello.