DISKORS TA’ PAPA FRANĠISKU
LILL-MEMBRI TAL-ASSOĊJAZZJONI TALJANA TAL-ĠENITURI

Sala Pawlu  VI
Il-Ġimgħa 7 ta’ Settembru 2018

 

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Kuntent li nagħti merħba lilkom ilkoll rappreżentanti tal-AGe, l-Assoċjazzjoni Taljana tal-Ġenituri, li din  is-sena tagħlaq 50 sena. Ħaġa sabiħa! U okkażjoni prezzjuża biex ikun ikkonfermat l-impenn tagħkom favur il-familja u l-edukazzjoni: impenn li intom twettqu skont il-prinċipji tal-etika nisranija, ħalli l-familja tkun suġġett dejjem aktar rikonoxxut u protagonista fil-ħajja soċjali.

Ħafna mill-enerġija tagħkom hi ddedikata biex tkunu qrib il-ġenituri u ssostnuhom fil-ħidma edukattiva tagħhom, l-aktar fejn tidħol l-iskola, li sa minn dejjem kienet is-sieħba prinċipali tal-familja fejn tidħol l-edukazzjoni tal-ulied. Dak li tagħmlu f’dan il-qasam hu tassew ta’ min ifaħħru. Illum, meta wieħed jitkellem dwar sħubija edukattiva bejn skola u familja, jitkellem l-aktar biex jilmenta kontra n-nuqqas tagħha: il-patt edukattiv qiegħed dejjem jonqos. Il-familja m’għadhiex tapprezza kif kienet tagħmel qabel ix-xogħol tal-għalliema – li spiss mhumiex imħallsa tajjeb – u dawn iħarsu lejn il-preżenza tal-ġenturi fl-iskejjel bħal xi ħaġa li xxekkilhom u jispiċċaw biex iwarrbuhom jew jikkunsidrawhom bħal avversarji.

Biex din is-sitwazzjoni tinbidel, hemm bżonn li xi ħadd jagħmel l-ewwel pass: jirbaħ il-biża’ mill-ieħor u jaqbadlu idu b’ġenerożità. Għalhekk nistedinkom  tikkultivaw u ssaħħu l-fiduċja tagħkom fl-iskola u l-għalliema: mingħajrhom tirriskjaw li tibqgħu waħidkom fl-azzjoni edukattiva u jkollkom anqas forza biex taffrontaw l-isfidi edukattivi ġodda li jġibu magħhom il-kultura kontemporanja, is-soċjetà, il-mass media, it-teknoloġiji ġodda. L-għalliema, bħal ġenituri, huma impenjati kuljum fis-servizz edukattiv ta’ wliedkom. Jekk hi ħaġa ġusta li tilmentaw dwar il-limiti li jista’ jkun hemm fl-azzjoni tagħhom, hu dmirkom ukoll li tistmawhom bħala sieħba prezzjużi fl-impriża edukattiva li twettqu flimkien. Nixtieq  nirrakkuntalkom xi ħaġa li għaddejt minnha jien. Kelli għaxar snin, u kont għidt xi ħaġa kerha lit-teacher tiegħi. Din bagħtet għal ommi li l-għada marret l-iskola. It-teacher kellmitha u mbagħad ommi sejħitli u ċanfritni quddiem it-teacher. Qaltli: “Itlob skuża lit-teacher”. U hekk għamilt. “Agħti bewsa lit-teacher” qaltli ommi u hekk għamilt. Imbagħad mort lura fil-klassi kuntent  li l-istorja kienet spiċċat. Iżda le, ma kenitx spiċċat....Kompliet meta mort lura d-dar.... Din tissejjaħ “kollaborazzjoni” bejn il-familja u l-għalliema  fejn tidħol l-edukazzjoni tal-ulied.

Il-preżenza responsabbli u disponibbli tagħkom, sinjal mhux biss tal-imħabba lejn uliedkom imma wkoll lejn dak il-ġid li l-iskola tagħmel lil kulħadd, tgħin biex jintgħelbu l-firdiet u n-nuqqas ta’ ftehim li jkun hemm f’dan il-qasam, u biex il-familji jagħrfu li huma għandhom ir-rwol primarju  fl-edukazzjoni u t-tagħlim tat-tfal u taż-żgħażagħ. Filfatt, jekk intom il-ġenituri teħtieġu lill-għalliema, anki l-iskola għandha bżonnkom u ma tistax tasal għall-għan tagħha jekk ma jkunx hemm djalogu kostruttiv ma’ min għandu fuq spallejh ir-responsabbiltà ewlenija fl-iżvilupp tat-tfal. Kif tfakkarna l-Eżortazzjoni Amoris laetitia, «l-iskola ma tiħux post il-ġenituri anki jekk hi komplimentari għalihom. Dan hu prinċipju bażilari: kull kollaboratur ieħor fil-proċess edukattiv għandu jaġixxi f’isem il-ġenituri, bil-kunsens tagħhom, u sa ċertu punt, anki fuq inkarigu tagħhom» (n. 84).

L-esperjenza assoċjattiva tagħkom żgur li għallmitkom tafdaw fl-għajnuna reċiproka. Niftakru f’dak li jgħid qawl Afrikan: “Biex teduka tifel trid raħal”. Għalhekk fl-edukazzjoni skolastika qatt ma għandha tonqos il-kollaborazzjoni bejn id-diversi oqsma tal-istess komunità edukattiva. Jekk ma jkunx hemm komunikazzjoni ta’ spiss u  fiduċja f’xulxin, il-komunità ma tinbeniex u mingħajr komunità’ ma jirnexxilekx teduka.

Il-Knisja wkoll trid taħdem biex telimina s-solitudni edukattiva tal-familji. Nistedinkom tħossuha qrib tagħkom waqt li twettqu l-missjoni  li tedukaw lil uliedkom u twasslu lis-soċjetà biex tkun il-post fejn wieħed jgħix bħala familja fejn kull persuna hi milqugħa, akkumpanjata u orjentata lejn il-valuri veri u fejn kull wieħed ikun jista’ jagħti l-aħjar  tiegħu nnifsu għall-ġid ta’ kulħadd. B’hekk ikollkom qawwa doppja: dik ġejja mill-fatt li intom assoċjazzjoni, jew persuni magħquda flimkien mhux biex ikunu kontra xi ħadd imma għall-ġid ta’ kulħadd, u l-qawwa li tirċievu mir-rabta ta’ bejnietkom bħala komunità nisranija, li fiha ssibu ispirazzjoni, fiduċja u sostenn.

Għeżież ġenituri, l-ulied huma l-aktar don prezzjuż li rċevejtu. Ħudu ħsiebhom b’impenn u ġenerożità, filwaqt li tħalluhom fil-libertà meħtieġa biex jikbru u jimmaturaw bħala persuni u hekk jasal il-jum meta huma wkoll ikunu kapaċi jinfetħu għad-don tal-ħajja.  Araw li l-attenzjoni tagħkom bħala assoċjazzjoni  li permezz tagħha tgħassu fuq il-perikli li jheddu l-ħajja tal-aktar ċkejknin ma tkunx ta’ xkiel  biex tħarsu lejn id-dinja b’fiduċja u biex tagħżlu u tindikaw lil uliedkom l-aħjar okkażjonijiet  li jkabbru l-ħajja umana, ċivili u nisranija. Għallmu lil uliedkom id-dixxerniment morali, id-dixxerniment etiku: dil-ħaġa tajba, din ma tantx hi tajba, din ħażina; biex huma jkunu jafu jiddistingwu. Dan wieħed jitgħallmu d-dar u jitgħallmu l-iskola: it-tnejn flimkien jgħallmuh dan.

Nirringrazzjakom għal din il-laqgħa u minn qalbi nagħti l-barka tiegħi lilkom, lill-familji tagħkom u lill-assoċjazzjoni kollha. Ibqgħu żguri li niftakar fikom fit-talb. U jelkk jogħġobkom intom ukoll tinsewx titolbu għalija. Grazzi!

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard.