DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
LILL-MEMBRI TAL-KORP DIMPLOMATIKU AKKREDIATAT MAS-SANTA SEDE
GĦAL BDIL TAL-AWGURI GĦAS-SENA L-ĠDIDA

Sala Regia
It-Tnejn, 7 ta’ Jannar, 2019

 

Eċċellenzi, Sinjuri,

il-bidu, ta’ sena ġdida jippermettielna nieqfu għal xi ħin mill-ferneżija tal-attivitajiet tal-ħajja ta’ kuljum biex neżaminaw xi ftit dak li ġara fl-imgħoddi u nirriflettu dwar l-isfidi li qed jistennewna fil-futur qrib.  Irroddilkom ħajr li tinsabu hawn f’għadd kbir għal dil-laqgħa tradizzjonali tagħna, li, aktar minn kollox hi l-okkażjoni propizja biex ngħaddu lil xulxin xi ħsieb mill-qalb ta’ awguri tajba.  Permezz tagħkom, il-qrubija tiegħi tasal għand il-popli li intom tirrappreżentaw, flimkien mal-awgurju li s-sena li għadha kif bdiet iġġb il-paċi u l-ġid lil kull membru tal-familja umana.

Gratitudni partikolari tmur lejn l-Ambaxxatur ta’ Ċipru, l-E.T. is-Sur George Poulides, għall-kliem ta’ kortesija li indirizzali għall-ewwel darba f’isimkom ilkoll, bħala Dekan tal-Korp Dimplomatiku akkrediatat mas-Santa Sede.  Lil kull wieħed u waħda minnkom nixtieq nesprimi l-apprezzament għall-ħidma tagħkom ta’ kuljum biex issaħħu r-relazzjonijiet bejn il-pajjiżi rispettivi tagħkom, l-Organiżżazzjonijiet u s-Santa Sede, li tkompli tissaħħaħ bl-iffirmar jew ir-ratifika ta’ ftehim ġodda.

Qiegħed nifhem b’mod partikolari l-Ftehim Bażiku bejn is-Santa Sede u r-Repubblika tal-Benin dwar l-Istatut Ġuridiku tal-Knisja Kattolika fil-Benin, kif ukoll il-firma u r-ratifika tal-Ftehim bejn is-Santa Sede u r-Repubblika ta’ San Marino għat-Tagħlim tar-Reliġjon Kattolika fl-iskejjel pubbliċi.

Fil-qafas multilaterali s-Santa Sede rratifikat ukoll il-Konvenzjoni Reġjonali tal-UNESCO dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki għat-tagħlim terzjarju fl-Asja u fil-Paċifiku, u f’Marzu li għadda approvat il-Ftehim parzjali mwessa’ dwar l-itinerarji Kuturali tal-Kunsill tal-Ewropa, inizjattiva  li għandha l-għan li turi kif il-kultura hi ta’ servizz għall-paċi u tirrappreżenta fattur li jgħaqqad lid-diversi soċjetajiet ewropej, għax isseddaq l-armonija bejn il-popli.  Dan hu sinjal ta’ attenzjoni partikolari lejn Organiżżazzjoni, li dis-sena jaħbat is-70 anniversarju mit-twaqqif tagħha, u li magħha s-Santa Sede ilha tikkollabora għal għexieren ta’ snin u tagħraf l-irwol speċifiku tagħha fil-promozzjoni tad-drittijiet umani, tad-demokrazija, tal-Istat tad-dritt, fuq il-firxa tal-kontinent ewropew kollu.  Fl-aħħar, fit-30 ta’ Novembru li għadda, l-istat tal-Belt tal-Vatikan inagħqad maż-Żona tal-Pagamenti bl-Ewro (SEPA).

L-ubbidjenza għall-missjoni spiritwali, li tinbet mill-kmand li l-Mulej Ġesù ta lill-Appostlu Pietru: “Irgħa l-ħrief tiegħi” (Ġw 21,15), iġġiegħel lill-Papa – u għalhekk lis-Santa Sede – biex jindokra l-familja umana kollha kemm hi u biex jagħti każ tal-ħtiġijiet tagħha materjali u soċjali wkoll.  Madanakollu, is-Santa Sede m’għandhiex intenzjoni li tindaħal fil-ħajja tal-Istati, imma tixtieq tisma’ bl-attenzjoni u tkun sensittiva għall-problemi tal-umanità, bix-xewqa sinċiera u umli li tkun ta’ servizz għall-ġid ta’ kull ħlejqa umana.

Din hi l-attenzjoni sfiqa li tikkaratteriżża l-appuntament tal-lum u li hi ta’ sapport għalija fil-laqgħat mal-bosta pellegrini li jiġu l-Vatikan minn kull naħa tad-dinja, kif ukoll mal-popli u l-komuntajiet li kelli x-xorti niltaqa’ magħhom is-sena li għaddiet bis-saħħa tal-vjaġġi appostoliċi li għamilt fiċ-Ċili, fil-Peru, fl-Isvizzera, fl-Irlanda fil-Litwanja, fil-Lettonja u fl-Estonja.

Din hi l-premura li timbotta lill-Knisja tħabrek kullimkien biex tibni soċjetajiet paċifiċi u rikonċiljanti.  F’dil-perspettiva qed naħseb partikolarment fil-maħbuba Nikaragwa, li qed insegwi s-sitwazzjoni tagħha mill-qrib, bl-awgurju li d-diversi opinjonijiet politiċi u soċjali jsibu t-triq ewlenija biex jiddiskutu l-ġid tan-nazzjon kollu kemm hu, bid-djalogu.

Fuq dan ix-xefaq inqiegħed ukoll it-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn is-Santa Sede u l-Vjetnam, b’ħarsa fil-futur qrib meta se jinħatar ir-Rappreżentant Pontifiċju residenti, li l-preżenza tiegħu għandha tkun qabel kollox, turija tal-ħerqa li s-Suċċessur ta’ Pietru għandu lejn il-Knisja lokali.

Anki l-iffirmar tal-Ftehim Proviżorju bejn is-Santa Sede u r-Repubblika Popolari Ċiniża dwar il-ħatra ta’ Isqfijiet ġodda, li sar fit-22 ta’ Settembru li għadda, għandu jinftiehem f’dan id-dawl.  Kif inhu magħruf, dan tal-aħħar huwa frott ta’ djalogu istituzzjonali twil u meqjus, li permezz tiegħu wasalna biex niddefinixxu xi elementi stabbli ta’ kollaborazzjoni bejn is-Santa Sede u l-awtoritajiet ċivili.  Kif semmejt fil-Messaġġ li ndirizzajt lill-Kattoliċi Ċiniżi u lill-Knisja universali (1), qabel, kont diġà aċċettajt fil-komunjoni ekkleżjali sħiħa lill-bqija tal-Isqfijiet uffiċjali ordnati mingħajr mandat pontifiċju, u stedinthom  biex jaħdmu bil-ġenerożità għar-rikonċiljazzjoni bejn il-kattoliċi Ċiniżi b’entużjażmu evanġeliku mġedded.

Niżżi ħajr lill-Mulej għax, għall-ewwel darba wara bosta snin, l-Isqfijiet kollha taċ-Ċina huma f’għaqda sħiħa mas-Suċċessur ta’ Pietru u mal-Knisja universali.  U sinjal li jidher ta’ dan kien ukoll is-sehem ta’ żewġ Isqfijiet miċ-Ċina Kontinentali fis-Sinodu ddedikat liż-żgħażagħ li sar m’ilux.  L-awgurju hu li t-tkomplija tal-kuntatti dwar it-tqegħid fis-seħħ tal-Ftehim Proviżorju li ffirmajna, ikun kontribut biex jissolvew il-kwistjonijiet li għadhom miftuħa u sabiex jiżgura li jkun hemm l-ispazji meħtieġa fejn tista’ titgawda effettivament il-libertà reliġjuża.

Għeżież Ambaxxaturi,

is-sena li għadha kif bdiet, qed iġġib magħha diversi anniversarji ta’ tifsir, minbarra dak tal-Kunsill tal-Ewropa li semmejt ftit qabel.  Fost dawn irrid insemmi wieħed b’mod partikolari:  iċ-ċentinarju tal-Għaqda tan-Nazzjonijiet, li kienet twaqqfet bit-Trattatt ta’ Versailles, li kien iffirmat fit-28 ta’ Ġunju,1919.  Għaliex qed infakkar organiżżazzjoni li m’għadhiex teżisti?  Għax din tirrappreżenta l-bidu tad-diplomazija mutlilaterali moderna li bis-saħħa tagħha l-istati jippruvaw ineħħu mir-relazzjonijiet reċiproċi l-loġika li jissuperaw lil xuxlin, ħaġa li twassal għall-gwerer.  L-esperiment tal-Għaqda tan-Nazzjonijiet mill-ewwel iltaqa’ mad-diffikultajiet magħrufa minn kulħadd, li għoxrin sena wara t-twellid tagħha faqqa’ kunflitt ġdid u aktar kiefer, it-Tieni Gwerra Dinjija.  Madankollu xorta waħda din kienet fetħet it-triq, li tterrqet b’rieda ferm akbar fl-1945 bit-twaqqif tal-Organiżżazzjoni tal-Ġnus Magħquda: triq żgur miżgħuda bid-diffikultajiet u kuntrasti; mhux dejjem effikaċi għax sfortunatament għad għandna l-kunflitti llum ukoll; imma dejjem tibqa’ opportunità biex in-nazzjonijiet jiltaqgħu u jfittxu soluzzjonijiet maqbula.

Premessa indispensabbli għas-suċċess tad-diplomazija multilaterali huma r-rieda tajba u l-fiduċja ta’ min ikun jiddiskuti, id-dispożizzjoni biex ikun hemm konfront leali u sinċier u r-rieda li jkunu aċċettati l-kompromessi inevitabbi li jintlaħqu bejn il-partijiet.  Kull meta anki waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tiġi nieqsa, it-tifittxija ta’ soluzzjonijiet unilaterali tirbaħ u, fl-aħħar, min hu l-aktar b’saħħtu jgħakkes lil min hu l-aktar dgħajjef.  L-Għaqda tan-Nazzjonijiet daħlet fi kriżi propju minħabba dawn ir-raġunijiet, u sfortunatament, qed ninnutaw li ċertu atteġġajmenti llum ukoll jheddu l-permanenza tal-Organiżżazzjonijiet internazzjonali ewlenin.  Għalhekk, inqis li hu importanti li fiż-żmien tal-lum ma tninx ir-rieda biex ikun hemm konfront seren u kostruttiv bejn l-istati, minkejja li hu evidenti li r-relazzjonijiet fi ħdan il-komunità internazzjonali, u s-sistema mulitlaterali fis-sħuħija tagħha, għaddejjin minn żminijiet diffiċli minħabba li reġgħu tfaċċaw tendenzi nazzjonalistiċi, li qed idgħajfu l-vokazzjoni tal-Organiżżazzjonijiet internazzjonali illi jkunu spazju ta’ djalogu u laqgħa bejn il-pajjiżi.  Parti mill-ħtija hi n-nuqqas ta’ ħila tas-sistema multilaterali li toffri soluzzjonijiet effikaċi għal diversi sitwazzjonijiet li ilhom mingħajr soluzzjoni għal żmien twil, bħalma huma ċerti kuflitti “iffriżati”, u l-ħila li jkkunu affrontati l-isfidi ta’ bħalissa b’mod sodisfaċenti għall-kulħadd.  Parti oħra hija riżultat tal-evoluzzjoni ta’ politika nazzjonali, dejjem aktar immexxija mit-tfittxija ta’ kunsens immedjat u settarju, aktar milli t-tfittxija tal-ġid komuni b’soluzzjonijiet għat-tul, bil-paċenzja.  Parti oħra hi dak li qed jiġri fl-Organiżżazzjonijiet internazzjonali li qed jinħakmu minn setgħet u gruppi ta’ interess speċifiku li jimponu l-viżjoni u l-ideat tagħhom, u b’hekk qed jikkawżaw għamliet ġodda ta’ koloniżżazzjoni ideoloġika, li spiss hi nieqsa mir-rispett lejn l-identità, id-dinjità u s-sensibbiltà tal-popli. Parti oħra hija konsegwenza tar-reazzjoni f’xi nħawi tad-dinja għall-globaliżżazzjoni li f’xi aspetti żviluppat b’wisq għaġla u diżordni, għax b’hekk qed tinħoloq tensjoni bejn il-globaliżżazzjoni u l-konfini lokali.  Għaldaqstant irridu nagħtu attenzjoni lid-dimensjoni globali mingħajr ma nwarrbu għajnejna minn fuq dak li hu lokali.  Quddiem l-idea ta’ “globaliżżazzjoni sferika”, li twitti d-diferenzi u ġġib lil kulħadd l-istess, u li biha l-karatteristiċi partikolari donnhom jgħibu, hu faċli li jerġgħu jerfgħu rashom in-nazzjonaliżmi, filwaqt li l-globaliżżazzjoni tista’ tkun ukoll opportunità dment li tibqa’ “poliedrika”, jiġifieri dment li tiffavorixxi tensjoni pożittiva bejn l-identità ta’ kull poplu u pajjiżi mal-istess globaliżżazzjoni, skont il-prinċipju li l-kollox hu aqwa mill-parti. (2).

Uħud minn dawn l-atteġġjamenti jeħduna lura lejn iż-żmien ta’ bejn iż-żewġ gwerer dinjin, li tulu l-ġibda lejn il-populiżmu u n-nazzjonaliżmu għelbet il-ħidma tal-Għaqda tan-Nazzjonijiet.  Id-dehra mill-ġdid ta’ dawn il-forzi qiegħda ftit ftit iddgħajjef is-sistema multilaterali, bir-riżultat li qed tonqos il-fiduċja, bi kriżi ta’ kredibbiltà tal-politika internazzjonali u twarrib progressiv tal-membri vulnerabbli tal-familja tan-nazzjonijiet.

Fid-diskors memorabbli lil-Assemblea tal-Ġnus Magħquda – l-ewwel wieħed ta’ Papa quddiem dik il-miġemgħa – San Pawlu VI, li kelli x-xorti nikkanoniżżah is-sena li għaddiet, kien iddeskriva l-iżvilupp tal-għanijiet tad-diplomazija multilaterali, il-karatteristiċi tagħha u r-responsabbiltajiet fil-kuntest kontemporanju, u xeħet dawl ukoll fuq l-elementi ta’ kuntatt bejn il-missjoni spiritwali tal-Papa, u għalhekk tas-Santa Sede.

Il-primat tal-ġustizzja u tad-dritt

L-ewwel element ta’ kuntatt li nixtieq niġbed l-attenzjoni dwaru hu l-primat tal-ġustizzja u tad-dritt: “Intom”, kien qal il-Papa Montini, “tirratifikaw il-prinċipju ewlieni li r-relazzjonijiet bejn il-popli għandhom ikunu regolati mir-raġuni, mill-ġustizzja,  mid-dritt, min-negozjar, mhux mill-forza, mhux mill-vjolenza, mhux mill-gwerra u lanqas mill-biża’ u mill-ingann” (3).

Fl-epoka tagħna, iħassbek il-fatt li qed jerġgħu jitfaċċaw dawn it-tendenzi li jiddominaw u jħarsu lejn l-interessi nazzjonali biss mingħajr ma jirrikorru għal dawk l-istrumenti ppjanati mid-dritt internazzjonali biex isolvu l-kontroversji u jiżguraw ir-rispett tal-ġustizzja anki bis-saħħa ta’ Qrati internazzjonali.  Dan l-atteġġjament kultant hu frott tar-reazzjoni ta’ min hu msejjaħ biex jieħu r-responsabbiltà tal-gvern quddiem it-telqa akuta li qed titkattar dejjem aktar fost iċ-ċittadini ta’ bosta pajjiżi, li qed iqisu d-dinamika u r-regoli li jmexxu l-komunità internazzjonali bħala merħija, astratti u fl-aħħar mill-aħħar, bogħod mill-ħtiġijiet effettivi tagħhom.  Hu f’loku li l-personalitajiet politiċi jisimgħu leħen il-popli tagħhom, u jfittxu soluzzjojnijiet konkreti li jiffavorixxu l-aħjar ġid possibbli.  Madankollu, dan jesiġi r-rispett tad-dritt u tal-ġustizzja kemm fi ħdan il-komunitajiet nazzjonali kif ukoll fi ħdan dawk internazzjonali, għax is-soluzzjonijiet reattivi, emottivi, u mgħaġla jistgħu forsi jsaħħu l-kunsens immedjat, imma żgur ma jkunux kontribut biex jissolvew il-problemi l-aktar radikali, anzi dawn jiżdiedu.

Propju mbuttat minn din il-preokkupazzjoni, jien għażilt li niddedika l-Messaġġ għat-LII Jum Dinji tal-Paċi, li ċċelebrajna fl-ewwel ta’ Jannar li għadda, lit-tema: “Il-politika tajba hi ta’ servizz għall-paċi”, għax hemm rabta sfiqa bejn il-politika tajba u l-konvivenza paċifika bejn il-popli u n-nazzjonijiet.  Il-paċi qatt mhi ġid bil-biċċa, imma tħaddan fiha l-ġeneru uman kollu.  Aspett essenzjali, għalhekk, ta’ politika tajba hu, li tfittex il-ġid komuni ta’ kulħadd, jiġifier “il-ġid tal-bnedmin kollha u tal-bniedem kollu” (4) u huwa kundizzjoni soċjali li tippermetti lil kull persuna u lill-komunità kollha kemm hi, jiksbu stat ta’ kuntentizza materjali u spiritwali.

Is-sejħa politika trid tħares ‘il bogħod, m’għandiex tieqaf tfittex soluzzjonijiet li jħarsu biss lejn l-immedjat.  Il-politiku tajjeb m’għandhux jokkupa spazji imma jniedi proċessi; hu msejjaħ biex jara li l-għaqda tegħleb il-kunflitt, li s-sies tagħha huma “s-solidarjetà, mifhuma fit-tifsira l-aktar profonda tagħha u li tisfida”.  Għalhekk “din issir stil ta’ kif tinbena l-istorja, imkien ħaj fejn il-kunflitti, it-tensjonijiet u l-opposti jistgħu jaslu għal għaqda ta’ bosta forom li ġġib ħajja ġdida” (5).

Din l-osservazzjoni qed tieħu kont tad-dimensjoni traxxendentali tal-persuna umana, maħluqa xbieha t’Alla.  Għalhekk, ir-rispett tad-dinjità ta’ kull ħlejqa umana huwa premessa indispensabbli għal kull konvivenza realment paċifika, u d-dritt huwa l-istrument essenzjali biex tinkiseb il-ġustizzja soċjali u biex imantni r-rabtiet fraterni bejn il-popli.  F’dal-qafas, id-drittijiet umani għandhom rwol fundamentali, dirttijiet iddikjarati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li ftit ilu ċċelebrajna s-sebgħin anniversarju tagħha, li hu sew li nerġgħu niskopru l-karattru universali, oġġettiv u razzjonali tagħha sabiex ma jibqgħux jiddominaw viżjonijiet parzjali u soġġettivi tal-bniedem, għax dawn  jirriskjaw li jiftħu t-triq għal diżugwaljanzi ġodda, inġustizzji, diskriminazzjonijiet u, f’każ estrem, għal vjolenza u oppressjonijiet ġodda.

Id-difiża tal-aktar dgħajfa

it-tieni element li rrid infakkar huwa d-difiża tad-dgħajfin.  “Aħna nagħmlu tagħna – kien afferma l-Papa Montini – leħen il-foqra, l-emarġinati, il-batuti, l-imxennqin għall-ġustizzja, għad-dinjità tal-ħajja, għal-libertà, għall-ħajja dinjituża u għall-progress” (6).  Il-Knisja minn dejjem impenjata biex tassiti lil min hu fil-bżonn u s-Santa Sede nfisha, matul dawn is-snin, nidiet diversi proġetti biex tgħin lil min hu l-aktar dgħajjef, li lkoll ingħataw appoġġ anki minn individwi fuq livell internazzjonali.  Fost dawn nixtieq insemmi l-inizjattiva umanitarja fl-Ukrajna favur il-popolazzjoni fit-tbatija, l-aktar fir-reġjuni tal-punent tal-pajjiż, minħabba l-kunflitt li ilu sejjer ħames snin u li dan l-aħħar kellu sviluppi ta’ tħassib fil-Baħar l-Iswed.  Bil-parteċipazzjoni attiva tal-Knejjes kattoliċi tal-Ewropa u tal-fidili minn inħawi oħra tad-dinja li laqgħu l-appell tiegħi f’Mejju 2016, u bil-kollaborazzjoni ta’ Konfessjonijiet oħra u tal-Organiżżazzjonijiet internazzjonali, sar sforz biex b’mod konkret nersqu lejn l-abitanti tat-territorji milqutin, għax huma l-ewwel vittmi tal-gwerra.  Il-Knisja u l-istituzzjonijiet varji tagħha se jkomplu dil-missjoni tagħhom, bl-għan li jiġbdu attenzjoni akbar fuq kwistjonijiet umanitarji oħra wkoll, fosthom dik li tolqot id-destin tal-priġunieri, li għadhom f’għadd kbir.  Għal dan il-għan, huma importanti l-istrumenti li jiggarantixxu l-eżerċizzju ħieles tad-drittijiet reliġjużi.  Min-naħa tagħha, il-komunità internazzjonali wkoll, bl-organiżżazzjonijiet tagħha hi msejħa biex tagħti leħen li min leħen m’għandux.  U fost dawk bla vuċi fi żmienna irrid insemmi l-vittmi ta’ gwerer oħra li għadhom għaddejjin, speċjalment dik fis-Sirja, bl-għadd bla qies ta’ mejta li qed tħalli warajha.  Mill-ġdid nagħmel appell lill-komunità internazzjonali biex tiffaċilita soluzzjoni politika għal dal-kunflitt li fl-aħħar mill-aħħar se jħalli biss telliefa.  Fuq kollox hu fundamentali li jieqaf il-ksur tad-drittijiet umanitarji li qed iġib tbatija li ma titqiesx lill-popolazzjoni ċivili, speċjalment lin-nisa u lit-tfal, u li qed jolqot ukoll strutturi esenzjali bħalma huma l-isptarijiet, l-iskejjel u l-kampijiet tar-rifuġjati, u mhux l-anqas, binjiet reliġjużi.

Ma nsitgħux ninsew l-għadd kbir ta’ rifuġjati li ħalla warajh dal-kunflitt, u li qed tkun ta’ problema kbira għall-pajjiżi ġirien.  Għal darb’oħra nixtieq nesprimi gratitudni lill-Ġordanja u lil-Libanu li bi spirtu ta’ fraternità u mhux bi ftit sagrifiċċji, laqgħu għadd kbir ta’ persuni, filwaqt li nesprimi l-awgurju li r-rifuġjati jerġgħu lura lejn il-patrija, f’kundizzjoni ta’ ħajja u sigurtà xierqa.  Ħsiebi jmur ukoll lejn id-diversi pajjiżi ewropej li ġenerożament offrew ospitalità lil min sab ruħu fid-diffikultà u fil-periklu.

Fost dawk li ntlaqtu mill-instabbiltà li għal snin twal ilu jinsab fiha l-Lvant Nofsani hemm, speċjalment, l-insara, li ilhom jgħixu f’dawk l-artijiet minn żmien l-Appostli u li matul is-sekli taw sehemhom fit-tkabbir u għaġna ta’ dawk il-pajjiżi.  Huwa importanti aktar minn hekk li l-insara jsibu posthom fil-futur tar-reġjun, u għalhekk inħeġġeġ lil kull min fittex kenn f’postijiet oħra biex jagħmel ħiltu ħalli jerġa’ lura lejn daru u sabiex, kollox ma’ kollox, iżommu ħajjin u jsaħħu r-rabtiet mal-komunitajiet oriġinali tagħhom.  Fl-istess ħin nawgura li l-awtoritajiet politċi ma jonqsux milli jiggarantulhom is-sigurtà meħtieġa flimkien ma’ kull ma’ hu meħtieġ biex huma jkomplu jgħejxu fil-pajjjiżi li tagħhom huma ċittadini bi dritt sabiex jagħtu sehemhom fil-bini tagħhom. 

Sfortunatament, matul dawn is-snin, is-Sirja u b’mod ġenerali l-Lvant Nofsani kollu saru teatru ta’ taqbid bejn għadd kbir ta’ interessi kontra xulxin.  Minbarra dawk li jidhru l-aktar, ta’ natura politika u militari, ma nistgħux ninsew ukoll it-tentattiv biex tiddaħħal mibgħeda bejn l-insara u l-musulmani.  Minkejja li “matul is-sekli, ma kienx ftit in-nuqqas ta’ qbil u l-ostilità bejn l-insara u l-insara u l-musulmani” (7), f’diversi  nħawi tal-Lvant Nofsani, xorta waħda rnexxielhom jgħejxu flimkien fil-paċi għal żmien twil.

Mhux fil-bogħod se jkolli okkażjoni mmur f’żewġ pajjiżi ta’ maġġoranza musulmana, il-Marokk u l-Emirati Għarab Magħquda.  Se jkunu żewġ opportunitajiet importanti biex ikompli jiżviluppa d-djalogu inter-reliġjuż u l-għarfien reċiproku bejn il-fidili taż-żewġ reliġjonijiet, fl-okkażjoni tat-tmien ċentinarju tal-laqgħa storika bejn San Franġisk ta’ Assisi u s-sultan al-Malik al-Kāmil.

Fost id-dgħajfa ta’ żmienna li l-komunità internazzjonali għandha s-sejħa li tiddefendi, flimkien mar-rifuġjati hemm ukoll il-migranti.  Għal darb’oħra nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-gvernijiet sabiex jagħtu l-għajnuna lil min kien imġiegħel jemigra minħabba l-flaġell tal-faqar, ta’ kull għamla ta’ vjolenza u persekuzzjoni, kif ukoll minħabba katastrofi naturali u t-taqlib tal-klima, u sabiex jitħaffu l-miżuri li bihom dawn ikunu jistgħu jintegraw ruħhom  soċjalment fil-pajjiżi li jilqugħhom.  Jeħtieġ ukoll impenn qawwi sabiex dawn il-persuni ma jsibux ruħhom fil-pożizzjoni li jkollhom jinqatgħu mill-familja jew min-nazzjon tagħhom, inkella sabiex ikunu jistħu jerġgħu lura fost sigurtà u r-rispett sħiħ tad-dinjità u tad-drittijiet umani tagħhom.  Kull persuna umana hi mxennqa għal ħajja aħjar u aktar hienja u l-isfida tal-migrazzjoni ma tistax tkun solvuta bil-loġika tal-vjolenza u t-twarrib, u lanqas b’soluzzjonijiet bil-biċċa.

Għalhekk ma nistax ħlief inkun grat lejn l-isforzi ta’ tant gvernijiet u istituzzjojnijiet li mqanqlin minn spirtu ġeneruż ta’ solidarjetà u karità nisranija, jikkollaboraw fraternament favur il-migranti.  Fost dawn nixtieq insemmi l-Kolombja, li flimkien ma’ pajjiżi oħra tal-kontinent, tul dawn l-aħħar xhur laqgħu għadd kbir ta’ nies ġejjin mill-Venezwela.  Fl-istess ħin jien nagħraf li l-mewġ migratorju ta’ dan iż-żmien nissel nuqqas ta’ fiduċja u tħassib fost il-popolazzjonijiet ta’ bosta pajjiżi, speċjalment fl-Ewropa u fl-Amerika ta’ Fuq, u dan ġiegħel lil diversi gvernijiet jillimtaw l-għadd tal-migranti li jgħaddu mill-pajjiż, anki jekk ikun biss biex wara jmorru f’xi pajjiż ieħor.  Madankollui nsostni li għal kwistjoni tant universali ma jistax ikun hemm tweġibiet parzjali.  L-emerġenzi ta’ dan l-aħħar urew li hemm bżonn ta’ tweġiba komuni, maqbula bejn il-pajjiżi kollha, mingħajr impedimenti u bir-rispett lejn kull applikazzjoni leġittima, kemm min-naħa tal-istati, kif ukoll min-naħa tal-migranti u r-rifuġajti.  F’dil-perspettiva, is-Santa Sede kienet impenjata attivament fin-negozjati u t-tqegħid fis-seħħ tal-Global Compacts dwar ir-Rifuġajtu, u dwar Migrazzjoni fl-ordni, imħarsa u regolari.  Il-Patt dwar il-migrazzjoni, b’mod partikolari huwa pass importanti ‘l quddiem għall-komunità internazzjonali, li fil-qafas tal-Ġnus Magħquda, qed taffronta għall-ewwel darba fuq livell multilaterali dan is-suġġett f’dokument importanti.

Minkjja li ġuridikament mhemmx obbligu ta’ rbit ma’ dawn id-dokumenti, u minkejja n-nuqqas ta’ preżenza ta’ gvernijiet fil-Konferenza tal-Ġnus Magħquda f’Marrakech, iż-żewġ Compacts se jkunu punt ta’ riferiment importanti fl-impenn politiku u għall-azzjoni konkreta tal-organiżżazzjonijiet internazzjonali, għal-leġiżlaturi u l-politiċi, kif ukoll għal kull min hu impenjat, biex is-sitwazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-migranti u r-rifuġajti jkunu jistgħu jitmexxew b’aktar responsabbiltà, koordinazzjoni u sigurtà.  Is-Santa Sede tapprezza l-għan u l-karattru li jiffaċilita t-tqegħid fis-seħħ taż-żewġ Pattijiet, minkejja li esprimiet riservi dwar dawk id-dokumenti, imsemmijin fil-Patt, li jolqtu l-migrazzjoni, li fihom terminoloġija u linji gwida li ma jikkorrispondux mal-prinċipji tagħha dwar il-ħajja u d-drittijiet tal-persuni.

Fost id-dgħajfa l-oħra, “inħossu li rridu nagħmlu tagħna – kien kompla jgħid Pawlu VI – leħen iż-żgħażagħ tal-ġenerazzjonijiet preżenti, li bid-dritt kollu joħolmu b’umanità aħjar”(8).  Il-XV-il Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet kienet dwar iż-żgħażagħ, li bosta drabi jħossuhom mitlufin u neqsin miċ-ċertezzi għall-futur tagħhom.  Huma se jkunu protagonisti fil-vjaġġ appostoliku li se nagħmel fil-Panama ftit jiem oħra fl-okkażjoni tal-XXXIV Jum Dinji taż-Żgħażagħ.  Iż-żgħażagħ huma l-futur u huwa d-dmir tal-politika li tiftħilhom it-toroq lejn il-futur.  Għaldaqstant hu meħtieġ ħafna li jsir investiment f’inizjattivi li jippermettu lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin jibnu futur, bil-possibiltà li jsibu x-xogħol, jiffurmaw familja u jrabbu ‘l uliedhom.

Flimkien maż-żgħażagħ ta’ min isemmi b’mod partikolari wkoll lit-tfal, speċjalment f’dis-sena li fiha jitfakkar it-tletin anniversarju minn meta daħlet fis-eħħ il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal.  Hi okkażjoni propizja biex issir riflessjoni serja dwar il-passi li ttieħdu biex nishru fuq il-ġid taċ-ċkejknin tagħna u  fuq l-iżvilupp soċjali u intellettwali tagħhom, kif ukoll fuq l-iżvilupp fiżiku, psikiku u spiritwali tagħhom.  F’din iċ-ċirkostanza ma nistax nibqa’ ħalqi magħluq dwar waħda mill-ġrieħi ta’ żmienna, li sfortunatament, kellha bħala portagonisti anki diversi membri tal-kleru.  L-abbużi fuq il-minuri huma krimini fost l-aktar vili u krudili possibbli.  Dawn jikinsu bla ħniena l-aħjar li l-ħajja umana għandha għall-innoċenti, u jagħmlu ħsara li ma tissewwiex għall-bqija tal-eżistenza.   Is-Santa Sede u l-Knisja qed jimpenjaw ruħhom biex jiġġieldu u jilqgħu minn qabel dawn id-delitti u l-ħabi tagħhom, biex tkun aċċertata l-verità tal-fatti li fihom huma mdaħħlin ekkleżjastiċi u biex issir ġustizzja mal-minuri li ġarrbu vjolenza sesswali, magħmula aktar gravi mill-abbużi tal-poter u tal-kuxjenza.  Il-laqgħa li se jkolli mal-episkopati tad-dinja kollha fi Frar li ġej għandha l-għan li tkun pass ieħor ‘il quddiem tal-Knisja biex kollox jiġi għad-dawl sħiħ u biex jittaffew il-ġrieħi li seħħew minħabba dawn id-delitti.

Hu ta’ swied il-qalb tafferma li fis-soċjetajiet tagħna, tant drabi immarkati minn kuntesti familjari fraġli, jiżviluppaw imġibiet vjolenti anki fil-konfront tan-nisa, li d-dinjità tagħhom kienet it-tema ewlenija  tal-Ittra Appostolika Mulieris Dignitatem ippubblikata madwar tletin sena ilu mill-qaddis Papa Ġwanni Pawlu II.

Quddiem il-pjaga tal-abbużi fiżiċi u psikoloġiċi fuq in-nisa hemm urġenza biex nerġgħu niskopru għamliet ta’ relazzjonijiet ġusti u ekwilibrati, ibbażati fuq ir-rispett u l-għarfien reċiproku, li bih kulħadd ikun jista’ jesrpimi l-identità tiegħu b’mod awtentiku, filwaqt li promozzjoni ta’ xi għamliet ta’ differenzazzjoni qed jirriskjaw li jgħawwġu għal kollox il-fatt li bniedem ikun raġel jew mara.

L-attenzjoni lejn l-aktar dgħajfa timbuttana biex nirriflettu wkoll fuq ġerħa oħra ta’ żmienna, jew aħjar il-kundizzjoni tal-ħaddiema.  Jekk ma jkunx imħares kif jixraq, ix-xogħol ma jibqax aktar mezz li bih il-bniedem jiżviluppa u jsir għamla moderna ta’ jasar.  Mitt sena ilu kienet twieldet l-Organiżżazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, li ħadmet biex tikseb kundizzjonijiet xierqa tax-xogħol u biex tkattar id-dinjità tal-istess ħaddiema.  Quddiem l-isfida ta’ żmienna, ibda mill-iżvuilupp mgħaġġel tat-tekonoloġija li qed tnaqqas il-postijiet tax-xogħol u quddiem in-nuqqas ta’ garanziji ekonomiċi u soċjali għall-ħaddiema, nesprimi l-awgurju li l-Organiżżazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol tkompli tkun, lil hinn mill-interessi parzjali, eżempju ta’ djalogu u qbil biex tilħaq l-għanijiet għolja tagħha.  F’dil-missjoni tagħha hi msejħa biex taffronta, flimkien ma’ mozzjonijiet oħra min-naħa tal-komunità internazzjonali, anki l-pjaga tat-tfal ħaddiema u tal-għamliet ġodda ta’ skjavitù, u wkoll it-tnaqqir ftit, ftit, tal-valur tal-pagi, speċjalment fil-pajjiżi sviluppati, u d-diskriminazzjoni li għadha magħna kontra n-nisa fl-ambjenti tax-xogħol.

Inkunu pont bejn il-popli u bennejja tal-paċi

Fl-intervent tiegħu fil-Ġnus Magħquda, San Pawlu VI, kien wera ċar liema hu l-għan ewlieni ta’ dik l-organiżżazzjoni internazzjonali.  “Intom, kien qal, teżistu u toperaw biex tgħaqqdu  lin-nazzjonijiet, biex tqarrbu lejn xulxin l-istati (…) biex tressquhom lejn xulxin (….) intom pont bejn il-popli.  (…) Biżżejjed wieħed jiftakar li d-demm ta’ miljuni ta’ bnedmin u t-tbatijiet xjokkanti u bla għadd, l-istraġi inutli u l-irvina formidabbli huma l-kolla li tgħaqqadkom f’patt, b’ħalfa li l-istorja tal-futur tad-dinja trid tinbidel: qatt aktar gwerra, qatt aktar gwerra!  Il-paċi, il-paċi għandha tkun it-tmun tad-destin tal-popli u tal-umanità kollha kemm hi!  (…) U intom tafu li l-paċi ma tinbeniex biss bil-politika u bl-ekwilibriju tal-qawwiet u tal-interessi, imma bl-ispirtu, bl-ideat, bl-opri tal-paċi” (9).

Matul is-sena li għaddiet kien hemm sinjali ta’ paċi ta’ min jinnutahom, ibda mill-Ftehim storiku bejn l-Etjopja u l-Eritreja, li ġab fi tmiemhom għoxrin sena ta’ kunflitt u reġa’ waqqaf ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi.  Il-ftehim iffirmat mill-mexxejja tas-Sudan tan-Nofsinahr, li jikkonsisti filli terġa’ tidba’ ssaltan il-konvivenza ċivili u jerġgħu jibdew jaħdmu mill-ġdid l-istituzzjonijiet internazzjonali, huwa sinjal ta’ tama għall-kontinent Afrikan, fejn għad hemm tensjonijiet u faqar mifrux.  Qed insegwi b’attenzjoni speċjali kif qed tisvolġi s-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u nesprimi l-awgurju li l-pajjiż jikseb mill-ġdid ir-rikonċiljazzjoni li ilu żmien jistenna u li tinbeda mixja lejn l-iżvilupp, billi titneħħa darba għal dejjem l-inċertezza li tolqot miljuni ta’ persuni, fosthom bosta tfal.  Għal dan il-għan, ir-rispett tar-riżultat elettorali huwa fattur li jiddetermina paċi sostenibbli.  Bl-istess mod nesprimi l-qrubija tiegħi ma’ dawk li qed isofru minħabba l-vjolenza fundamentalista, speċjalment fil-Mali, fin-Niġer u fin-Niġerja, u għat-tensjonijiet interni li għadhom jaħkmu l-Kamerun li spiss jiżirgħu il-mewt fost il-popolazzjoni ċivili.

Komplessivament hu ta’ min jinnota wkoll li l-Afrika, lil hinn mid-diversi ġrajjiet drammatiċi, turi li għandha potenzjal ta’ dinamiżmu pożittiv, b’għeruqu fil-kultura anitka u l-akkoljenza tradizzjonali.  Eżempju ta’ solidarjetà effettiva bejn in-nazzjonijiet hu l-ftuħ tal-fruntieri f’diversi pajjiżi biex b’ġenerożità jilqgħu lir-rifuġjati u l-itturufnati.  Ta’ min japprezza l-fatt li f’ħafna stati qed tissaħħaħ il-konvivenza paċifika bejn nies ta’ twemmin reliġjuż differenti u qed issir għażla għal inizjattivi ta’ solidarjeta komuni.  Minbarra dan, it-tħaddim ta’ politika inklussiva u l-progress tal-proċessi demokratiċi qed jagħtu, f’ħafna reġjuni, riżultati effikaċi biex jeħduha kontra l-faqar assolut u jinkoraġġixxu t-titjib tal-ġustizzja soċjali. Is-sapport tal-komunità internazzjonali għalhekk, huwa aktar urġenti sabiex tiżviluppa l-infrastruttura, u jinbnew prospettivi għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda u l-emanċipazzjoni tal-aktar dgħajfa.

Ġew sinjali pożittivi mill-peniżola Korejana.  Is-Santa Sede qed tħares favorevolment lejn id-djalogu u tawgura li huma jkunu jistgħu jaffrontaw ukoll il-kwistjonijiet l-aktar kumplikati b’atteġġjament kostruttiv li jwassal għal soluzzjonijiet maqbula u dejjiema, biex b’hekk il-futur tal-iżvilupp u l-kooperazzjoni għall-poplu Korejan kollu u għar-reġjun kollu, jkunu assigurati.

L-istess awguri nagħtmilhom lill-Venezwela, sabiex huma jfittxu toroq istituzzjonali u paċifiċi ħalli jsibu tarf il-kriżi politika, soċjali u ekonomika, toroq li qabel kollox jiżguraw l-assistenza lil min hu mikdud bit-tensjonijiet ta’ dawn is-snin u joffri lill-poplu Venezwelan kollu xefaq ta’ tama u ta’ paċi.

Is-Santa Sede tawgura wkoll li jerġa’ jibda d-djalogu bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani, biex, fl-aħħar jaslu għal ftehim u jgħatu tweġiba għall-aspirazzjonijeit leġittimi taż-żewġ popli, billi jiggarantixxu l-konvivenza taż-żewġ stati u l-kisba ta’ paċi li tħares fil-bogħod, tant mistennija u mixtieqa.  L-impenn unanimu tal-komunità internazzjonali huwa prezzjuż daqskemm meħtieġ biex jinkiseb dan il-għan, kif ukoll biex jiffaċilita l-paċi fir-reġjun kollu, partikolarment fil-Yemen u fl-Iraq, u fl-istess ħin jippermetti li titwassal l-għajnuna umanitarja meħtieġa għand il-popolazzjonijiet fil-bżonn.

Naħsbu mill-ġdid fid-destin komuni tagħna

Fl-aħħar irrid insemmi r-raba aspett tad-diplomazija multilaterali: din tistedinna nerġgħu neżaminaw mill-ġdid id-destin komuni tagħna.  Pawlu VI kien poġġieha b’dal-kliem: “Jeħtieġ li nidraw naħsbu (....) b’mod ġdid dwar il-konvivenza tal-umanità, b’mod ġdid it-toroq tal-istorja u d-destini tad-dinja.  (...) Hi s-siegħa li fiha (....) nerġgħu naħsbu, cioè, dwar l-oriġini komuni tagħna, dwar l-istorja tagħna, dwar id-destin komuni tagħna.  Qatt daqs illum, f’epoka ta tant progress uman, ma kien tant meħtieġ l-appell għall-kuxjenza morali tal-bniedem!  Il-periklu ma jiġix la mill-progress u lanqas mix-xjenza.  (...) Il-periklu veru jinsab fil-bniedem, padrun ta’ strumenti dejjem aktar qawwija, immirati għar-rovina u għall-kisbiet l-aktar għolja possibbli! (10).

Fil-kuntest tal-epoka, il-Papa kien qed jirreferi essenzjalment għat-tixrid tal-armi nuklejari.  “L-armi, kien qal, speċjalment dawk terribbli li tatna x-xjenza moderna, li qabel ma jipproduċu vittmi u rvina, jiġġeneraw ħolm ikraħ, imantnu sentimenti ħżiena, joħolqu inkubi, diffidenza u intenzjonijiet kundannabbli, jitolbu spejjeż enormi, jostakolaw proġetti ta’ solidarjetà u ta’ xogħol utli, iħawdu l-psikoloġija tal-popli” (11).

Sfortunatament hu ta’ wġiegħ tinnota li s-suq tal-armi mhux biss donnu mhux qed jonqos, anzi jidher li hemm tendenza li dejjem qed tinfrex li jiżdiedu kemm min-naħa tal-persuni singoli kif ukoll mill-istati.  Hu ta’ tħassib speċjalment li d-diżarm nukleari, tant mixtieq u xi ftit jew wisq imqiegħed fis-seħħ matul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, issa qed iċedi postu biex minflok issir riċerka ħalli jkun hemm armamaneti ġodda aktar sofistikati u qerrieda.  F’din is-sede, ma nistax ma ntennix “li ma nistgħux ma nġarrbux sens qawwi ta’ inkwiet jekk inqisu l-konsegwenzi umanitarji u ambjentali katastrofiċi li jħalli kull użu tal-armi nukelari.  Għaldaqstant, f’moħħna hemm ukoll il-possibiltà li dawn l-armi jistgħu jisplodu aċċidentalment minħabba xi żball hu x’inhu, it-theddida tal-użu tagħhom hi fermament kundannabbli – inħoss li għandi ngħid: l-immoralità tal-użu tagħhom – daqskemm il-ħażna tagħhom, propju għaliex l-eżistenza tagħhom taqdi loġika ta’ biża’ li ma tolqotx biss lill-artijiet li jkunu f’kunflitt, iżda l-ġeneru uman kollu.  Ir-relazzjonijiet internazzjonali ma jistgħux ikunu dominati mill-qawwiet militari, mill-intimidazzjoni reċiproka, billi nimpresjonaw bil-ħażniet (tal-armi) tal-gwerra. L-armi tal-qerda tal-massa, partikolarment dawk atomiċi, ma jiġġeneraw xejn aktar ħlief sens qarrieqi ta’ sigurtà u ma jistgħux ikunu l-pedament ta’ konvivenza paċifika bejn il-membri tal-familja umana, li minflok għandha ssib ispirazzjoni mill-etika tas-solidarjetà” (12).

Li nfasslu mill-ġdid id-destin komuni tagħna fil-kuntest attwali jfisser ukoll li nfasslu mill-ġdid ir-relazzjoni tagħna mal-pjaneta.  Dis-sena wkoll, inkonvenjenzi li ma jitfissrux u tbatija kkważati minn xita qawwija, għarar, ħruq, terremoti u nixfa laqtu b’mod iebes lill-popolazzjonijiet ta’ diversi reġjuni tal-kontinent Amerikan u tax-xlokk tal-Asja.  Fost il-kwistjonijiet li hemm bżonn qbil urġenti dwarhom fi ħdan il-komuniità internazzjonali hemm għalhekk il-kura tal-ambjent u t-tibdil tal-klima.  Rigward dan, fid-dawl tal-kunsens li ntlaħaq fil-Konferenza Internazzjonali li saret m’ilux dwar il-klima (COP-24), f’Katowice, nawgura impenn aktar deċiż min-naħa tal-istati biex isaħħu l-kollaborazzjoni ħalli jiġġieldu b’urġenza il-fenomenu preokkupanti tat-tisħin globali.  L-Art hija ta’ kulħadd u l-konsegwenzi tal-isfruttament tagħha tħossha l-popolazzjoni tad-dnija kollha, b’effetti aktar drammatiċi f’ċerti reġjuni.  Fosthom hemm l-Amażonja, li se tkun it-tema ewlenija tal-Assemblea Speċjali tas-Sinodu tal-Isqfijiet li se jsir fil-Vatikan fix-xahar ta’ Ottubru, illi, filwaqt li priniċipalment se tkun dwar il-mogħdijiet tal-evanġeliżżazzjoni tal-Poplu t’Alla, mhux se jonqos li taffronta l-problemi ambjentali li huma f’rabta sfiqa mar-riperkussjonijiet soċjali.

Eċċellenzi Sinjuri,

Nhar id-9  ta’ Novembru, 1989 kien waqa’ l-ħajt ta’ Berlin.  Ftit xhur wara kien ġie fi tmiemu l-wirt tat-tieni gwerra dinjija: it-tiċrit li fired l-Ewropa li kien deċiż f’Yalta u l-gwerra bierda.  Il-pajjiżi tal-lvant tal-purtiera tal-ħadid kisbu l-libertà mill-ġdid wara għexieren ta’ snin ta’ oppressjoni u ħafna minnhom bdew il-mixja tul it-triq li wasslithom biex jidħlu jagħmlu sehem mill-Unjoni Ewropea.  Fil-kuntest attwali, li fih qed jixterdu mbuttaturi ċentrifugi ġodda u t-tentazzjoni li ntellgħu l-ħitan, fl-Ewropa m’għandux jintilef l-għarfien tal-benefiċċji – l-ewwel fost kollox il-paċi – li tnisslu mill-mixja ta’ ħbiberija u qrubija bejn il-popli li nbdiet żmien wara t-tiwni gwerra.

Illum nixtieq insemmi anniversarju ieħor.  Fil-11 ta’ Frar ta’ disgħin sena ilu kien twieled l-Istat tal-Vatikan wara l-firma tal-Patti tal-Lateran bejn is-Santa Sede u l-Italja.  B’hekk inġieb fi tmiemu l-perjodu twil tal-”kwistjoni Rumana” wara l-waqa’ ta’ Ruma u t-tmiem tal-Istai Pontifiċju.  Bit-Trattat tal-Lateran, is-Santa Sede setgħet tiddisponi minn “biżżejjed territorju materjali li huwa indispensabbli għat-tħaddim tas-setgħa spiritwali afdat lill-bnedmin għall-ġid tal-bnedmin” (13), kif kien afferma Piju XI, u bil-Konkordat, il-Knisja setgħet mill-ġdid tagħti sehemha fit-tkabbir spiritwali u materjali ta’ Ruma u tal-Italja kollha, art għanja bl-istorja, l-arti u l-kultura, li ngħatat suritha bl-għajnuna tal-kristjaneżmu.  F’din it-tifkira, naċċerta lill-poplu Taljan li nitlob b’mod speċjali sabiex, b’fedeltà lejn it-tradizzjonijiet tiegħu, iżomm ħaj dak l-ispirtu ta’ fraternità u solidarjetà li għal żmien twil kien il-karatteristika tiegħu.

Lilkom, għeżież Ambaxxaturi u mistiedna distinti miġburin hawn, u lill-pajjiżi tagħkom nawgura minn qiegħ qalbi li s-sena l-ġdida tippermetti li jissaħħu r-rabtiet ta’ ħbiberija li jgħaqqduna flimkien u li nistinkaw biex nibnu l-paċi li d-dinja mxennqa għaliha.

Grazzi!

 

[1] Cfr Messaġġ llill-Kattoiċi Ċiniżi ulill-Knijsa Unversali,  26 ta’ Settembru, 2018, 3.

[2] Cfr Eżort. App Il-Ferħ tal-Vanġelu 24 ta’ Novembru 2013, 236.

[3] Pawlu VI, Diskors lill-Ġnus Magħquda, New Yorkk, 4 ta’ Ottubru, 1965, 2

[4] Kompendju tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja, n. 165.

[5] Cfr Eżort. App Il-Ferħ tal-Vanġelu 24 ta’ Novembru 2013, 228.

[6] Diskors lill-Ġnus Magħquda 1.

[7] Konċiolju Ekumeniku Vat. II: Dikjarazzjoni Nostra Aetate dwar ir-Relazzjojniet tal-Knisja mar-reliġjonijiet li mhumiex kristjani, 28 ta’ Ottubru, 1965, 3.

[8] Diskors lill-Ġnus Magħquda, 1.

[9] Ibid., 3; 5.

[10] Ibid., 7.

[11] Ibid., 5.

[12] Diskors lill-parteċipanti tas-Simpożju Internazzjonali dwar id-Diżarm, imniedi mid-Dikasteru għas-Servizz tal-Iżvilupp Uman Integrali, 10 ta’ Novembru, 2017.

[13] Piju XI: Allokuzzjoni “Il nostro più cordiale” lill-kappillani ta’ Ruma u lill-predikaturi taż żmien ir-Randan fl-okkażjoni tal-iffirmar tat-Trattat u tal-Konkordat fil-Palazz tal-Lateran, 11 ta’ Frar, 1929.