Għeżież ħbieb tal-Avvenire,

 

Fikom insellem lajkat li qed jaħdem f’ambjent relevanti u impenjattiv bħal dak tal-komunikazzjoni. Insellem lill-President tal-Konferenza Episkopali Taljana, il-Kardinal Gualtiero Bassetti, li rroddlu ħajr tal-kelmtejn tiegħu; insellem lis-Segretarju Ġenerali, Mons. Galantino, u lil Mons. Semeraro, li hu l-President tal-Kunsill Amministrattiv tagħkom.

 

Qed nieħu gost naqsam magħkom dan il-mument u li qed nagħmel dan fil-jum iddedikat lil San Ġużepp ħaddiem. Faċli ninġibdu mill-figura ta’ San Ġużepp u nafdaw fl-interċessjoni tiegħu. Imma biex tassew insiru ħbieb tiegħu, infittxu li nimxu fuq il-passi tiegħu, li huma bħal mera tal-istil ta’ Alla.

 

Ġużeppi hu l-bniedem tas-silenzju. Mal-ewwel daqqa t’għajn, jista’ jidher saħansitra bħala l-antitesi tal-komunikatur. Fir-realtà, huwa biss jekk insikktu l-istorbju tad-dinja u l-istess paroli tagħna li nistgħu naslu għas-smigħ, li jibqa’ l-kundizzjoni ewlenija għal kull komunikazzjoni. Is-skiet ta’ Ġużeppi hemm jgħammar fih il-leħen ta’ Alla u jnissel dik l-ubbidjenza tal-fidi li twassalna biex ħajjitna nħalluha titmexxa mir-rieda tiegħu.

 

Mhux ta’ b’xejn li Ġużeppi hu l-bniedem li jaf jistenbaħ u jqum billejl, mingħajr ma jaqta’ jiesu taħt it-toqol tas-saram. Jaf jimxi fid-dlam ta’ ċerti mumenti fejn ma jifhimx sal-aħħar, imqawwi mis-sejħa li tqiegħdu quddiem il-misteru, li jħallih jinvolvih u jintelaq f’idejh bla riservi.

 

Għalhekk, Ġużeppi hu r-raġel ġust, li kapaċi jafda ruħu fil-ħolma ta’ Alla u jwettaq il-wegħdiet. Hu l-ħarries diskret u attent, li jaf jitgħabba bil-piż tal-persuni u tas-sitwazzjonijiet li l-ħajja fdatlu f’idejh. Hu l-edukatur li – bla ma jippretendi xejn għalih innifsu – isir missier grazzi għall-preżenza tiegħu, għall-ħila tiegħu li jsieħeb oħrajn, li jkabbar il-ħajja u jgħaddi xogħlu lill-oħrajn. Nafu kemm din l-aħħar dimensjoni, li magħha marbuta l-festa tal-lum, hi importanti. Fil-fatt, id-dinjità tal-persuna hi marbuta strettament max-xogħol: mhux mal-flus, mhux ma’ kemm wieħed jidher jew għandu setgħa, imma max-xogħol. Xogħol li lil kull persuna, hu x’inhu r-rwol tagħha, jagħtiha mod kif tnissel dik l-intraprenditorija mifhuma bħala “actus personæ” (ara Enċiklika Caritas in veritate, 41), fejn il-persuna u l-familja tagħha jibqgħu aktar importanti mill-effiċjenza bħala fini fih innifsu.

 

Meta toqgħod taħseb, mill-ħanut tal-mastrudaxxa ta’ Nazaret sar-redazzjoni tal-Avvenire, fl-aħħar mill-aħħar il-pass mhux daqshekk twil!

 

Bla dubju, fil-“kaxxa tal-għodod” tagħkom illum hemm strumenti teknoloġiċi li mmodifikaw bil-kbir il-professjoni, u anki l-istess mod kif tħossuha u taħsbuha, kif tgħixu u tikkomunikaw, kif tinterpretaw u tirrelataw. Il-kultura diġitali ġagħlitkom torganizzaw mill-ġdid ix-xogħol tagħkom, u talbet minnkom ukoll disponibbiltà ikbar biex tikkollaboraw bejnietkom u tidħlu f’armonija mal-entitajiet l-oħra li jiddipendu mill-Konferenza Episkopali Taljana: l-Aġenzija SirTv2000 u x-Xibka radjofonika InBlu. Simili għal dak li qed jiġri fil-qasam tal-komunikazzjoni fis-Santa Sede, il-konverġenza u l-interattività li ħolqu l-pjattaformi diġitali għandhom jiffavorixxu sinerġija, integrazzjoni u tmexxija magħquda. Din il-bidla titlob mixjiet ta’ formazzjoni u aġġornament, fl-għarfien li r-rabta mal-passat tista’ tkun tentazzjoni li tagħmlilna ħafna ħsara. Qaddejja awtentiċi tat-tradizzjoni huma dawk li, waqt li jagħmlu memorja tagħha, jafu jgħarblu s-sinjali taż-żminijiet (ara Gaudium et spes, 11) u jiftħu toroq ġodda.

 

Aktarx li dan kollu diġà qed jagħmel parti mill-impenn tagħkom ta’ kuljum fi ħdan żvilupp teknoloġiku li qed ifassal mill-ġdid fuq livell globali l-preżenza tal-midja, il-pussess tal-informazzjoni u tal-għarfien. F’dan ix-xenarju, il-Knisja tħoss li ma jistax ma jkollhiex leħen, biex tkunu fidila għall-missjoni li ssejħilha tħabbar lil kulħadd il-Vanġelu tal-ħniena. Il-mezzi tal-midja joffrulna potenzjalità enormi biex nikkontribwixxu, bis-servizz pastorali tagħna, għall-kultura tal-laqgħa.

 

Biex inwettqu din il-missjoni, ejjew nidħlu għal ftit flimkien fil-ħanut tax-xogħol tal-mastrudaxxa; nerġgħu lura fl-iskola ta’ San Ġużepp, fejn il-komunikazzjoni terġa’ ssib it-triq tagħha tal-verità, il-ġmiel u l-ġid komuni.

 

Kif kelli l-okkażjoni nosserva, illum “l-informazzjoni hi ferm aktar veloċi mill-ħiliet ta’ riflessjoni u ġudizzju tagħna u ma tippermettix analiżi meqjusa u korretta” (Messaġġ għat-48 Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali, 1 ta’ Ġunju 2014). Anki bħala Knisja aħna esposti għall-impatt u għall-influwenza ta’ kultura tal-għaġla u tal-qoxra: iktar mill-esperjenza, li jgħodd hu dak li hu immedjat, qiegħed għal idejna u nistgħu nagħmlu użu minnu minnufih; iżjed mill-konfront u l-approfondiment, nirriskjaw li nesponu ruħna għall-pastorali tal-applawsi, għal ftaqir fil-ħsieb, għal diżorjentament mifrux ta’ opinjonijiet li qatt ma jiltaqgħu.

 

Il-mastrudaxxa ta’ Nazaret isejħilna mill-ġdid għall-urġenza li nerġgħu nsibu sens ta’ kalma tajba, ta’ sabar. Bis-skiet tiegħu jfakkarna li kollox jibda mis-smigħ, milli mmorru lil hemm minna nfusna biex ninfetħu għall-kelma u għall-istorja tal-oħrajn.

 

Għalina s-skiet jimplika żewġ affarijiet. Minn banda, ma nwarrbux l-għeruq kulturali tagħna, ma nħalluhomx jitmermru. It-triq biex nieħdu ħsieb tagħhom hi dik li dejjem mill-ġdid insibu min aħna fil-Mulej Ġesù, sa ma naslu li nagħmlu tagħna s-sentimenti tiegħu ta’ umiltà u ta’ ħlewwa, ta’ għotja b’xejn u ta’ kompassjoni. Min-naħa l-oħra, Knisja li tgħix bil-kontemplazzjoni tal-wiċċ ta’ Kristu ma ssibhiex bi tqila biex tagħrfu fil-wiċċ tal-bniedem. U dan il-wiċċ taf tħallih jisfidaha, u hekk tegħleb il-viżjonijiet dejqa, u kull tagħwiġ u diskrimazzjoni.

 

Id-djalogu jegħleb is-suspett u jirbaħ il-biża’. Id-djalogu joħloq il-komunjoni, jibni relazzjonijiet, jiżviluppa kultura tar-reċiproċità. Il-Knisja, waqt li tħabrek bħala bennejja tad-djalogu, minnu hi msoffija u megħjuna fl-istess għarfien tal-fidi.

 

Min-naħa tagħkom, għeżież ħbieb tal-Avvenire, ħarsu l-wirt tal-missirijiet. Tegħjew qatt b’umiltà tfittxu l-verità, ibda mis-smigħ regolari tal-Aħbar it-Tajba tal-Vanġelu. Ħa tkun din il-linja editorjali, li magħha tridu torbtu l-integrità tagħkom: il-professjoni dan titlob minnkom, tant kemm hi għolja d-dinjità tagħha. Hekk issibu d-dawl għad-dixxerniment u l-kliem veru biex tifhmu r-realtà u ssejħulha b’isimha, u tevitaw li xxejnuha għal karikatura tagħha.

 

Ħallu dak li jiġri madwarkom iġagħalkom tistaqsu. Isimgħu, inżlu fil-fond, ikkonfrontaw ruħkom. Żommu bogħod mill-isqaqien għomja fejn jiddibatti min jaħseb li diġà fehem kollox. Agħtu sehemkom biex jingħelbu l-konfrontazzjonijiet sterili u li jagħmlu l-ħsara. Bix-xhieda tax-xogħol tagħkom kunu sieħba tat-triq għal kull min qed iħabrek għall-ġustizzja u l-paċi.

 

Ġużeppi, bniedem tas-skiet u tas-smigħ, hu wkoll il-bniedem li fil-lejl ma jitlifx il-ħila li joħlom, li jafda u li jintelaq. Il-ħolma ta’ Ġużeppi hi viżjoni, kuraġġ, ubbidjenza li ċċaqlaq il-qalb u r-riġlejn. Dan il-qaddis hu ikona tal-poplu qaddis tagħna, li f’Alla jagħraf il-punt ta’ riferiment tiegħu li jħaddan b’sens unitarju l-ħajja kollha.

 

Din il-fidi tinvolvina fl-azzjoni u tqanqal drawwiet tajba. Hi ħarsa li ssieħeb proċessi, tibdel il-problemi f’opportunitajiet, ittejjeb u tibni l-belt tal-bnedmin. Nawguralkom li tagħrfu ssinnu u tiddefendu dejjem din il-ħarsa tagħkom; li tegħlbu t-tentazzjoni li taparsi ma rajtux, li tbiegħdu minnkom jew teskludu. U nħeġġiġkom ma tiddiskriminawx; ma tqisu lil ħadd żejjed; ma tikkuntentawx ruħkom b’dak li qed jara kulħadd. Ħadd m’għandu jiddetta l-aġenda tagħkom, ħlief il-foqra, dawk li qegħdin fl-aħħar post, il-batuti. Iżżidux il-filliera ta’ dawk li jħaffu jirrakkontaw dik il-parti tar-realtà li diġà għandha fuqha r-rifletturi tad-dinja. Ibdew mill-periferiji, għax tafu li dawn mhumiex l-aħħar post, imma l-bidu tal-belt.

 

Kif qalilna Pawlu VI, il-ġurnali Kattoliċi m’għandhomx “joffru ħwejjeġ li jimpressjonaw jew ibigħu. Aħna rridu nagħmlu l-ġid lil dawk li jisimgħuna, irridu nedukawhom biex jaħsbu, jiġġudikaw” (Diskors lill-ħaddiema tal-komunukazzjoni soċjali, 27 ta’ Novembru 1971). Il-komunikatur Kattoliku jaħrab mir-riġidità li tifga jew tjassar. Ma jqegħidx “f’gaġġa lill-Ispirtu s-Santu”, imma jfittex li “jħallih itir, iħallih jieħu n-nifs fir-ruħ” (ibid.). Jara li r-realtà qatt ma ċċedi postha lill-apparenza, il-ġmiel lil dak li hu vulgari, il-ħbiberija soċjali lill-kunflitt. Jikkultiva u jsaħħaħ kull fergħa li twarrad il-ħajja u t-tjieba.

 

Id-diffikultajiet m’għandhomx iżommukom: biżżejjed terġgħu lura għal ftit lejn il-klima ta’ ħamsin sena ilu meta nbeda l-proġett tal-Avvenire biex tiftakru kemm taħwid u reżistenzi, kemm suspetti u kuntrarju ppruvaw iwaqqfu r-rieda ta’ Pawlu VI li jara t-twelid ta’ ġurnal Kattoliku nazzjonali għal kuljum.

 

Fl-aħħar nett, Ġużeppi hu l-qaddis ħarries, il-bniedem tal-konkretezza u tal-qrubija. Fl-aħħar mill-aħħar, proprju f’din id-disponibbiltà li jieħu ħsieb tal-oħrajn hemm is-sigriet tal-paternità tiegħu, dak li għamlu tassew missier. Il-ħajja tal-għarus tal-Verġni hu sejħa u għajnuna lil Knisja li ma tridx taċċetta li l-fidi tiġi mxejna għall-isfera privata u intima, u lanqas hi ħa tirrassenja ruħha għal relattiviżmu morali li jfarfar mir-responsabbiltajiet u jħawwad l-imħuħ.

 

Jalla intom ukoll tesprimu Knisja li ma tħarisx lejn ir-realtà la minn barra u lanqas minn fuq, imma taf tinxteħet ġewwa, titħallat, tgħix fiha u – bil-qawwa tas-servizz li toffri – tqanqal u twessa’ t-tama ta’ kulħadd.

 

Inħeġġiġkom tħarsu l-profondità tal-preżent; taħarbu l-informazzjoni ta’ konsum faċli, li ma timpenjax; tibnu mill-ġdid il-kuntesti u tispjegaw il-kawżi; toqorbu dejjem iżjed lejn il-persuni b’rispett kbir; u tinvestu fir-relazzjonijiet li jagħmlu u jsaħħu l-komunità.

 

Xejn ma joħloq qrubija daqs il-ħniena, xejn daqsha ma jqanqal atteġġjamenti ta’ qrubija, jiffavorixxi l-laqgħa u jippromovi kuxjenza solidali. Jekk tkunu nies ta’ ħniena, ħa ssibu t-triq biex tikkontribwixxu għat-tiġdid tas-soċjetà f’isem il-ġid komuni, id-dinjità ta’ kull wieħed u waħda u ċ-ċittadinanza sħiħa.

 

Irridu nagħtu leħen lill-valuri mlaħħma fil-memorja kollettiva u lill-ħażniet kulturali u spiritwali tal-poplu; nikkontribwixxu biex fid-dinja soċjali, politika u ekonomika nwasslu s-sensibbiltà u l-orjentamenti tad-Duttrina soċjali tal-Knisja, billi nkunu aħna l-ewwel interpreti u xhieda fidili tagħha.

 

Tibżgħux tkunu involuti. Il-kliem – dak veru – għandu piż: kapaċi għalih biss min jinkarnah f’ħajtu. Ix-xhieda, mill-bqija, twassal għall-integrità tagħkom. Xhieda appassjonata u hienja. Dan hu l-awgurju konklużiv li nagħmlilkom, billi nagħmel tiegħi għal darb’oħra kliem il-Beatu Pawlu VI: “Hemm bżonn tal-imħabba għall-kawża: jekk ma nħobbux din il-kawża, ftit li xejn jirnexxielna nagħmlu, ma ndumux ma negħjew, għax nibdew naraw id-diffikultajiet tagħha, anzi ngħid ukoll li nibdew naraw l-inkwiet li tista’ toħolqilna, il-polemika, l-obbligi […] Irid ikollna mħabba kbira għall-kawża, irridu nemmnu f’dak li qed nagħmlu u rridu nagħmlu” (ibid.).

 

Nitlobkom, ħa jkun parti minn din l-imħabba wkoll it-talb tagħkom għalija. Grazzi!

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard