Għeżież Ħuti,

Ninsab ferħan li qed nagħtikom merħba u nirringrazzja lill-Onorevoli Ministri tal-Gvern Taljan tal-kliem li bih introduċew din il-laqgħa. Insellem kordjalment lill-awtoritajiet u lill-parteċipanti tat-Tielet Konferenza fuq il-Liġi Internazzjonali Umanitarja, li għandha bħala t-tema tagħha "Il-protezzjoni tal-popolazzjonijiet ċivili fil-konflitti – ir-rwol tal-organizzazzjonijiet umanitarji u tas-soċjetà ċivili.”

Din it-tema għandha sinifikat partikolari f’din is-sena meta jaħbat l-40 Anniversarju mill-Adozzjoni taż-żewġ Protokolli Addizzjonali għall-Konvenzjonijiet ta’ Ginevra fuq il-protezzjoni tal-vittmi tal-konflitti armati. Is-Santa Sede, konvinta li l-gwerra hi essenzjalment xi ħaġa negattiva, u li l-bniedem l-aktar li jixraqlu hija l-abolizzjoni (it-tneħħija) tal-istess gwerra, irratifikat dawn iż-żewġ trattati biex tinkuraġixxi “umanizzazzjoni tal-effetti tal-konflitti armati”.[i] Hija qatt ma naqset li tapprezza b’mod partikulari, l-artikli ta’ dawn it-trattati li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u tal-ġid u tal-oġġetti li hija għandha bżonn biex tibqa’ ħajja f’dawn il-konflitti, mar-rispett li jistħoqq lil dawk in-nies li jgħinu lil dawk li jkunu qed isofru mill-gwerra u li jkunu qed jgħinuhom mill-aspett tas-saħħa u mill-aspett reliġjuż u mal-ħarsien tal-beni kulturali u reliġjużi tan-nies, u xejn anqas, tal-ambjent naturali tad-dar komuni tagħna, jiġifieri tad-dinja. Is-Santa Sede però, konxja min-nuqqasijiet li għandu l-aktar it-Tieni Protokoll Addizzjonali, jiġifieri dak li għandu x’jaqsam mal-protezzjoni fil-konflitti armati mhux internazzjonali, tibqa’ tqis dawn l-istrumenti bħala ktieb miftuħ lejn żviluppi oħrajn fil-Liġi Internazzjonali Umanitarja,[ii] sabiex jagħrfu b’mod adegwat il-karatteristiċi tal-konflitti armati tal-lum, u tat-tbatijeit fiżiċi, morali u spiritwali li jakkumpannjawhom.

Infatti, minkejja t-tentattiv ta’ min ifaħħru li jitnaqqsu, permezz tal-modifiazzjoni tal-Liġi Umanitarja, il-konsegwenzi negattivi tal-gwerer fuq il-popolazzjonijiet ċivili, mingħandhom nisimgħu, minn diversi xenarji tal-gwerra, xhieda ta’ krimini atroċi, ta’ tkażbir veru u kbir tal-persuni u tad-dinjità tagħhom, imwettqa bi ksur ta’ kull rispett bażiku lejn l-umanità. Immaġini ta’ persuni bla ħajja, ta’ iġsma b’diversi partijiet tagħhom mutitati u b’rashom maqtugħa, ta’ ħutna ttorturati, imsallbin, maħruqin ħajjin u saħansitra bil-fdalijiet tagħhom imkażbra, ma jistgħux iħallu l-kuxjenza tal-umanità indifferenti u ma jqanqluhiex biex tagħmel xi ħaġa, biex tieħu azzjoni quddiemhom. Min-naħa l-oħra, jaslulna aħbarijiet ta’ bliet antiki, b’teżori kulturali ta’ eluf ta’ snin, maħruqin u bbumbardjati b’tali mod li jsiru mnieżel ta’ fdalijiet maħruqa. Jaslulna rapporti ta’ sptartijiet u skejjel attakkati u meqruda apposta biex b’hekk bosta persuni jitilfu d-dritt tagħhom għall-ħajja, għas-saħħa u għall-edukazzjoni. Kemm knejjes u binjiet mibnija biex iservu għall-kult, qed ikunu l-mira ta’ aggressjoni, spiss waqt iċ-ċelebrazzjonijiet li liturġiċi nfushom, b’din l-aggressjoni tħalli bosta vittmi fost il-fidili u l-ministri tal-kult miġburin fit-talb, u dan hu ksur tad-dritt fundamentali tal-bniedem għal-libertà tar-reliġjon u tal-kult! U xi drabi, meta jixterdu l-aħbarijiet ta’ ġrajjiet bħal dawn, ċerti nies iħossu li dawn m’humiex ġrajjiet serji u gravi u b’hekk dawn il-problemi ma jingħatawx daqshekk importanza, fatt li jwassal biex iddum ma tittieħed azzjoni biex jonqsu jew jispiċċaw dawn l-atroċitajiet u b’mod li jirriżulta li wieħed diffiċli jħoss mogħdrija lejn in-nies li jkunu qed ibatu dawn l-atroċitajiet u biex il-bnedmin jimlew il-kuxjenza tagħhom b’sens ta’ solidarjetà lejn dawn ħuthom.[iii]

Għalhekk, hija meħtieġa l-konverżjoni tal-qlub, huwa meħtieġ li ninfetħu għal Alla u għall-proxxmu tagħna, sabiex b’hekk inqanqlu lil dawn in-nies biex jegħlbu l-indifferenza tagħhom lejn ħuthom il-bnedmin li għaddejjin minn tant tbatijiet u biex jgħixu s-solidarjetà bħala virtù u atteġġjament soċjali li minnha jista’ joħroġ impenn favur l-umanità li qed tbati.[iv]

Fl-istess ħin, hu inkoraġġanti l-fatt li qed naraw bosta modi kif il-bnedmin qed juru solidarjetà u mħabba lejn ħuthom il-bnedmin, solidarjetà u mħabba tant meħtieġa fi żmien ta’ gwerra. Hemm tant persuni, tant gruppi u għaqdiet ta’ karità u organizzazzjonijiet mhux governattivi, kemm fil-Knisja kif ukoll barra mill-Knisja, li l-membri tagħhom jiffaċċjaw xogħol diffiċli u ta’ strapazz u perikli biex jieħdu ħsieb il-morda u l-feruti, u biex jidfnu lill-mejtin,[v] biex jaqgħu l-ikel lil dawk li jkunu qed isofru l-ġuħ, biex jagħtu x-xorb lil dawk li jkunu qed ibatu l-għatx u anke biex iżuru lill-priġunieri. Tassew li l-għajnuna lill-popolazzjonijiet vittmi tal-konflitti tgħaqqad diversi għemejjel ta’ ħniena li fuqhom ser niġu ġġudikati fl-aħħar ta’ ħajjitna. B’hekk, l-organizzazzjonijiet umanitarji jkunu jistgħu jaġixxu skont il-prinċipji fundamentali tal-umanità, tal-imparzjalità, tan-newtralità u tal-indipendenza. Jien, għalhekk, nawgura lil dawn il-prinċipji li jiffurmaw il-qalba tal-Liġi Internazzjonali Umanitarja, ikunu aċċettati mill-kuxjenza ta’ dawk li jkunu qed jieħdu sehem fil-ġlied u mill-kuxjenza ta’ dawk li jaħdmu favur il-ġid tal-bnedmin (l-operaturi umanitarji), biex dawn iqegħduhom (lil dawn il-prinċipji) fil-prattika.[vi] Fejn imbagħad, il-Liġi Umantarja iddum ma tiġi mqiegħda fil-prattika jew anke saħansitra ma tiġix imqiegħda fil-prattika, jalla l-kuxjenza individwali ta’ dawk il-persuni li għandhom ir-responsabbiltà li jqiegħdu din il-Liġi fil-prattika, tirrikonoxxi d-dmir morali li wieħed jirrispetta u jipproteġi d-dinjità tal-persuni umana f’kull ċirkustanza, speċjalment f’dawn is-sitwazzjonijiet fejn tinsab mhedda l-aktar. Biex dan ikun possibbli, nixtieq infakkarkom fuq l-importanza tat-talb u fuq l-importanza li lil dawk li jkunu involuti fil-ġlied u lill-operturi umanitarji, barra li jingħatalhom taħriġ tekniku u legali, jingħatalhom akkompanjament spiritwali.

Għeżież ħuti, lil dawk kollha – u fostkom hawn ħafna minnhom – li qiegħdu ħajjithom fil-periklu biex isalvaw il-ħajja ta’ persuni oħra u ħadmu biex itaffu t-tbatijiet tal-popolazzjonijiet milquta mill-konflitti armati, hemm il-kliem ta’ Ġesù fl-Evanġelju skont San Mattew: “Dak li għamiltu mal-iċken fost dawn ħuti tkunu għamiltuh miegħi” (Mt 25, 40). Jien nafdakom għall-interċessjoni ta’ Marija Santissima, Sultana tal-paċi, u waqt li nitlobkom il-favur li titolbu anke għalija, nagħti l-barka appostolika tiegħi lilkom u lill-familji tagħkom. Grazzi.

 

Maqluba għall-Malti mit-Taljan minn Kathleen Bonello

 


 

[i] Déclaration du Saint-Siège formulée lors de la ratification du « Protocole additionnel aux Conventions de Genève du 12 août 1949 relatif à la protection des victimes des conflits armés non internationaux » , 8 juin 1977.

 

[ii] Cfr ibid.

 

[iii] Cfr Messaggio per la Giornata Mondiale della Pace 2016, “Vinci l’indifferenza e conquista la pace”, 3.

 

[iv] Cfr ibid. , 6.

 

[v] Cfr Messaggio per la Giornata Mondiale della Pace 2016 , “Vinci l’indifferenza e conquista la pace”, 7.

 

[vi] Cfr Déclaration du Saint-Siège formulée lors de la ratification du « Protocole additionnel aux Conventions de Genève du 12 août 1949 relatif à la protection des victimes des conflits armés non internationaux » , 8 juin 1977.