DISKORS TAL-PAPA FRANĠISKU
LILL-PELLEGRINAĠĠ TAD-DJOĊESI TA’ KRAKOVJA

Awla Pawlu VI
L-Erbgħa, 10 t’Ottubru 2018

Għeżież ħuti,

Merħba!, u grazzi tal-affett mimli ħrara li qed turuni! Nirringrazzja lill-Arċisqof Marek għall-kliem kollu korteżija, u nsellem bħala ħuti lill-Kardinal Stanislaw u l-Isqfijiet hawn preżenti.

Intom ġejtu bħala rappreżentanti tal-Knisja Mqaddsa t’Alla fi Krakovja li laqgħetni b’idejha miftuħin fis-sajf tas-sena 2016. Intom ġejtu flimkien mar-rgħajja tagħkom u l-persuni kkonsagrati, biex troddu ħajr lil Alla għall-ħajja u l-pontifikat ta’ San Ġwanni Pawlu II, hekk kif qed joqrob l-40 anniversarju minn mindu ġie magħżul għas-Sedja ta’ Pietru. Insellem kordjalment lilkom ilkoll, b’mod partikolari lill-fqar, il-morda u l-għadd kbir ta’ żgħażagħ li qed jieħdu sehem fil-pellegrinaġġ.

San Ġwanni Pawlu II żejjen il-Knisja universali b’abbundanza kbira ta’ doni, li parti kbira minnhom wirithom mit-teżor ta’ fidi u qdusija ta’ artkom u tal-Knisja tagħkom. Huwa ġarr fil-qalb, biex ngħid hekk, f’ġismu ix-xhieda tal-qaddisin ta’ Krakovja: ta’ San Stanislaw u Santa Edwiġe Reġina, sa Sant’Albertu u Santa Fawstina. Mingħandhom huwa tgħallem id-dedikazzjoni bla tarf għal Alla u s-sensibiltà kbira għal kull bniedem; dedikazzjoni u sensibiltà li ntwerew fil-ministeru tiegħu saċerdotali, episkopali u papali. Huwa irċieva mingħand Alla id-don kbir li jagħraf jaqra s-sinjali taż-żminijiet fid-dawl tal-Evanġelju, u minnhom ħareġ il-frott b’risq il-mixja tal-poplu tiegħu, tal-poplu tagħkom, li fil-bosta ġrajjiet mwiegħra qatt ma tilef il-fiduċja f’Alla u l-fedeltà lejn il-kultura, li kien iħaddan, b’għeruqha fl-ispirtu Nisrani.

B’fedeltà lejn dawn l-għeruq, ra kif għamel sabiex il-Knisja setgħet tgħolli leħinha bħala l-għassiesa tad-drittijiet, li ħadd m’għandu jiċħad, tal-bniedem, tal-familja u tal-popli, sabiex tkun sinjal ta’ paċi, ta’ ġustizzja u żvilupp integrali tal-famila umana kollha kemm hi. Fl-istess ħin, Huwa dejjem saħaq fuq il-prijorità tal-grazzja u tal-ubbidjenza għar-rieda ta’ Alla, qabel kull kalkolu uman.

Dan il-wirt hekk għani, li San Gwanni Pawlu II ħallielna, hu għalina – u b’mod speċjali għal nies art twelidu – sfida sabiex inkunu fidili lejn Kristu u li nwieġbu b’dedikazzjoni mimlija ferħa għas-sejħa għall-qdusija, li l-Mulej qiegħed jagħmel lil kull wieħed u waħda minnha, fis-sitwazzjoni speċifika personali, familjari u soċjali

Għeżież ħuti, San Ġwanni Pawlu II ma jieqafx jgħasses fuq il-Knisja fi Krakovja, li hu kien tant iħobb! Mis-sema hu qed jimxi magħkom fil-mixja tagħkom: il-familji, iż-żgħażagħ u n-nanniet, is-saċerdoti, ir-reliġjużi u dawk kollha kkonsagrati; l-iktar svantaġġati, dawk li qegħdin isofru. Jien ukoll flimkien magħkom nafda fl-interċessjoni tiegħu. Nirringrazzjakom għal din iż-żjara u nagħti l-barka tiegħi lilkom u ’l-komunità djoċesana ta’ Krakovja. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.

U qabel nagħtikom il-barka, nistedinkom ilkoll sabiex nitolbu Ave Maria lill-Madonna.

[Benedizzjoni]

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Louis Spiteri