Delegazzjoni Appostolika, Ġerusalemm
Il-Ħadd 25 ta’ Mejju 2014
1. Kif il-predeċessuri meqjuma tagħna, il-Papa Pawlu VI u l-Patrijarka Ekumeniku Atenagora, iltaqgħu hawn Ġerusalemm ħamsin sena ilu, hekk anki aħna, il-Papa Franġisku u Bartilmew, Patrijarka Ekumeniku, ridna niltaqgħu fl-Art Imqaddsa, “fejn il-Feddej tagħna lkoll, Kristu l-Mulej, għex, għallem, u miet, u qam mill-mewt u tela’ s-Sema, mnejn bagħat l-Ispirtu s-Santu fuq il-Knisja għadha titwieled” (Komunikat konġunt tal-Papa Pawlu VI u tal-Patrijarka Atenagora, ippubblikat wara l-laqgħa tas-6 ta’ Jannar 1964). Din il-laqgħa tagħna, fejn għal darb’oħra qed jissieħbu flimkien l-Isqfijiet ta’ Ruma u ta’ Kostantinopli, imwaqqfa rispettivament miż-żewġ aħwa Appostli Pietru u Indrì, hi għalina għajn ta’ ferħ spiritwali qawwi u toffrilna l-opportunità li nirriflettu fuq il-profondità u l-awtentiċità tar-rabtiet li diġà jeżistu bejnietna, frott ta’ mixja sħiħa ta’ grazzja li tulha ggwidana l-Mulej, sa minn dak il-jum imbierek ta’ ħamsin sena ilu.
2. Il-laqgħa fraterna tagħna tal-lum hi pass ġdid, meħtieġ fil-mixja lejn l-għaqda li lejha l-Ispirtu s-Santu biss jista’ jmexxina: dik tal-komunjoni fid-diversità leġittima. Niftakru bi gratitudni ħajja fil-passi li l-Mulej diġà tana li nagħmlu. It-tgħanniqa bejn il-Papa Pawlu VI u l-Patrijarka Atenagora hawn f’Ġerusalemm, wara tant sekli ta’ silenzju, fetħet it-triq għal ġest ta’ valur simboliku straordinarju, it-tneħħija mill-memorja u minn ġo nofs il-Knisja tas-sentenzi ta’ skomunika reċiproka tas-sena 1054. Wara dan, kien hemm żjajjar reċiproki fis-sedi rispettivi ta’ Ruma u ta’ Kostantinopli, kuntatti frekwenti bl-ittri u, suċċessivament, id-deċiżjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu II u tal-Patrijarka Dimitrios, it-tnejn mibkija, li jiftħu djalogu teoloġiku tal-verità bejn Kattoliċi u Ortodossi. Matul dawn is-snin, Alla, għajn ta’ kull paċi u mħabba, għallimna nqisu lil xulxin bħala membri ta’ l-istess familja Nisranija, taħt l-istess Mulej u Feddej, Kristu Ġesù, u nħobbu lil xulxin, biex nistgħu nistqarru l-fidi tagħna fl-istess Vanġelu ta’ Kristu, l-istess kif ġie milqugħ mill-Appostli, imlissen u mgħoddi lilna mill-Konċilji ekumeniċi u mill-Missirijiet tal-Knisja. Tabilħaqq konxji li għadna ma lħaqniex l-għan tal-komunjoni sħiħa, il-lum intennu l-impenn tagħna li nimxu flimkien lejn l-għaqda li għaliha Kristu l-Mulej talab lill-Missier, “li jkunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17:21).
3. Nafu sew li din l-għaqda tidher fl-imħabba ta’ Alla u fl-imħabba lejn il-proxxmu, u għalhekk nixxennqu għal dak il-jum li fih sa fl-aħħar inkunu nistgħu nieħdu sehem flimkien fl-ikla Ewkaristika. Bħala Nsara, għandna d-dmir li nitħejjew biex nirċievu dan id-don tal-komunjoni Ewkaristika, skond it-tagħlim ta’ San Irinew ta’ Lyons, permezz ta’ l-istqarrija ta’ l-istess fidi, it-talb kostanti, il-konverżjoni interjuri, it-tiġdid ta’ ħajjitna u d-djalogu bejn l-aħwa (Adversus hæreses, IV,18,5. PG 7, 1028). Jekk nilħqu dan l-għan li lejh huma orjentati t-tamiet tagħna, inkunu nuru quddiem id-dinja l-imħabba ta’ Alla u, hekk, ningħarfu bħala dixxipli tassew ta’ Ġesù Kristu (ara Ġw 13:35).
4. Għal dan il-għan, kontribut fundamentali għat-tiftixa tal-komunjoni sħiħa bejn Kattoliċi u Ortodossi joffrihulna d-djalogu teoloġiku tal-Kummissjoni internazzjonali mħallta. Fi żmien il-Papiet Ġwanni Pawlu II u Benedittu XVI u l-Patrijarka Dimitrios, il-progress milħuq mil-laqgħat teoloġiċi tagħna kien sostanzjali. Il-lum irridu nesprimu l-apprezzament ħerqan tagħna għar-riżultati milħuqa, kif ukoll għall-isforzi li qed isiru bħalissa. Dan m’huwiex sempliċi eżerċizzju teoretiku, imma eżerċizzju fil-verità u fl-imħabba, li jitlob għarfien dejjem akbar tat-tradizzjonijiet ta’ xulxin, biex nistgħu nifhmuhom u nitgħallmu minnhom. Għalhekk, għal darb’oħra ninsistu li d-djalogu teoloġiku ma jfittixx l-iżgħar denominatur komuni teoloġiku biex jilħaq kompromess dwaru, imma pjuttost jissejjes fuq l-approfondiment tal-verità kollha u sħiħa, li Kristu ta lill-Knisja tiegħu u li, misjuqa mill-Ispirtu s-Santu, ma nistgħu qatt nieqfu nifhmuha aħjar. Għalhekk flimkien naffermaw li l-fedeltà tagħna lejn il-Mulej tesiġi l-laqgħa fraterna u d-djalogu veru. Din it-tiftixa komuni ma tbegħidniex mill-verità, imma pjuttost, permezz tal-qsim ta’ doni, twassalna, imdawla mill-Ispirtu s-Santu, għall-verità kollha (ara Ġw 16:13).
5. Anki jekk għadna fil-mixja lejn il-komunjoni sħiħa, sa minn issa nħossu d-dmir li noffru xhieda komuni ta’ l-imħabba ta’ Alla lejn kulħadd, billi nikkollaboraw fis-servizz lill-umanità, speċjalment f’dak li jolqot il-ħarsien tad-dinjità tal-bniedem f’kull fażi tal-ħajja u l-qdusija tal-familja msejsa fuq iż-żwieġ, il-promozzjoni tal-paċi u tal-ġid komuni, it-tweġiba għall-miżerji li qed jissoktaw inikktu d-dinja tagħna. Nirrikonoxxu li kontinwament għandhom jiġu affrontati l-problemi tal-ġuħ, il-faqar, l-illitteriżmu, it-tqassim mhux ugwali tal-ġid. Hu dmir tagħna nħabirku biex flimkien nibnu soċjetà ġusta u umana, fejn ħadd ma jħossu eskluż jew imwarrab.
6. Aħna profondament konvinti li l-ġejjieni tal-familja tal-bnedmin jistrieħ anki fuq kif nagħrfu nħarsu, b’għerf u mħabba, b’ġustizzja u ugwaljanza, id-don tal-ħolqien li fdalna Alla. Għalhekk kollna niedma nirrikonoxxu l-isfruttament inġust tal-pjaneta tagħna, li hu dnub f’għajnejn Alla. Intennu r-responsabbiltà u d-dmir tagħna li nrawmu sens ta’ umiltà u qies, biex kulħadd iħoss il-ħtieġa li jirrispetta l-ħolqien u jħarsu b’għożża. Flimkien, naffermaw l-impenn tagħna li nqanqlu l-kuxjenzi fil-konfront tal-ħarsien tal-ħolqien; insejħu lill-irġiel u n-nisa kollha ta’ rieda tajba biex ifittxu modi kif jgħixu b’inqas ħela u iktar sempliċità, u juru inqas kilba għall-flus u iżjed ġenerożità għall-ħarsien tad-dinja ta’ Alla u għall-ġid tal-poplu tiegħu.
7. Iktar minn hekk, teżisti ħtieġa urġenti ta’ koperazzjoni effikaċi u impenjata bejn l-Insara, biex kullimkien iħarsu d-dritt li jesprimu pubblikament il-fidi tagħhom u li jiġu ttrattati b’ugwaljanza meta jiġu biex jippromovu l-kontribut li l-Kristjaneżmu qed ikompli joffri lis-soċjetà u lill-kultura ta’ żmienna. Dwar dan, neżortaw lill-Insara kollha biex jippromovu djalogu awtentiku mal-Ġudaiżmu, l-Islam u t-tradizzjonijiet reliġjużi l-oħra. L-indifferenza u l-injoranza reċiproka jistgħu biss iwasslu għan-nuqqas ta’ fiduċja f’xulxin u, sfortunatament, saħanistra għall-kunflitt.
8. Minn din il-Belt Qaddisa ta’ Ġerusalemm, nixtiequ nesprimu t-tħassib profond komuni għall-qagħda ta’ l-Insara fl-Lvant Nofsani u għad-dritt tagħhom li jibqgħu ċittadini sħaħ tal-pajjiżi tagħhom. Kollna fiduċja nduru bit-talb tagħna quddiem Alla li jista’ kollox u ħanin għall-paċi fl-Art Imqaddsa u fir-reġjun kollu tal-Lvant Nofsani. Nitolbu speċjalment għall-Knejjes fl-Eġittu, fis-Sirja u fl-Iraq, li batew qatigħ minħabba f’dak li seħħ dan l-aħħar. Inħeġġu lill-partijiet kollha, indipendentement mill-konvinzjonijiet reliġjużi tagħhom, biex jissoktaw jaħdmu għar-rikonċiljazzjoni u għall-għarfien ġust tad-drittijiet tal-popli. Aħna profondament konvinti li mhux l-armi, imma d-djalogu, il-maħfra u r-rikonċiljazzjoni huma l-unika għodda possibbli biex nistgħu niksbu l-paċi.
9. F’kuntest storiku mmarkat minn vjolenza, indifferenza u egoiżmu, tant irġiel u nisa l-lum qed iħossuhom mitlufa. Huwa sewwa sew bix-xhieda komuni tal-bxara hienja tal-Vanġelu li nistgħu ngħinu lill-bniedem tal-lum isib mill-ġdid it-triq li twasslu għall-verità, għall-ġustizzja u għall-paċi. Fl-għaqda tal-ħsieb, u waqt li niftakru fl-eżempju li tawna ħamsin sena ilu hawn Ġerusalemm il-Papa Pawlu VI u l-Patrijarka Atenagora, insejħu lill-Insara, lil dawk kollha li jemmnu fi ħdan kull tradizzjoni reliġjuża u lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, biex jagħrfu l-urġenza ta’ din is-siegħa, li qed issejħilna biex infittxu r-rikonċiljazzjoni u l-għaqda tal-familja tal-bnedmin, fir-rispett sħiħ tad-differenzi leġittimi, għall-ġid tal-bnedmin kollha u tal-ġenerazzjonijiet futuri.
10. Aħna u ngħixu dan il-pellegrinaġġ komuni fil-post fejn l-istess Mulej wieħed tagħna Ġesù Kristu ġie mislub, midfun u qam mill-imwiet, nafdaw umilment fl-interċessjoni ta’ l-Imqaddsa u Dejjem Verġni Marija l-passi futuri tal-mixja tagħna lejn l-għaqda sħiħa u nirrikkmandaw il-familja kollha tal-bnedmin f’idejn l-imħabba bla tarf ta’ Alla.
“Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek, u jurik il-ħniena! Iħares lejk il-Mulej bi mħabba, u jagħtik is-sliem!” (Num 6:25-26).
Ġerusalemm, 25 ta’ Mejju 2014
FRANĠISKU |
|
BARTILMEW I |
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard