ŻJARA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LIŻ-ŻONI MILQUTA MIT-TERREMOT FID-DJOĊESI TA’ CAMERINO-SANSEVERINO MARCHE

 

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

Pjazza Cavour (Camerino)

Il-Ħadd 16 ta’ Ġunju 2019

 

“X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih?”, tlabna fis-Salm (8:5). Meta ħsibt fikom ġewni f’moħħi dawn il-kelmiet. Quddiem dak li rajtu u batejtu, quddiem djar imwaqqgħa u binjiet li saru trab, tiġi f’moħħi din il-mistoqsija: X’inhu l-bniedem? X’inhu, jekk dak li jibni jista’ jiġġarraf ħesrem? X’inhu, jekk it-tama tiegħu tista’ tispiċċa fit-trab? X’inhu l-bniedem? It-tweġiba donnha tiġi minn kif tkompli l-frażi: x’inhu l-bniedem biex tiftakar fih? Fina, hekk kif aħna, bid-dgħufijiet tagħna, Alla jiftakar. Fl-inċertezza li nħossu ġewwa u barra, il-Mulej jagħtina ċertezza: hu jiftakar fina. Jiftakar (ri-corda), jiġifieri jerġa’ lura b’qalbu għandna, għax aħna għal qalbu. U waqt li hawn isfel hawn ħafna affarijiet li malajr ninsew, Alla ma jħallina qatt minsija. Ħadd mhu mistmerr f’għajnejh, kull wieħed u waħda għandu għalih valur bla tarf: aħna żgħar taħt is-sema u bla saħħa meta l-art titheżżeż, imma għal Alla aħna aktar prezzjużi minn kull ħaġa oħra.

 

Niftakar hi kelma-muftieħ għall-ħajja. Nitolbu l-grazzja li ta’ kuljum niftakru li m’aħniex minsija minn Alla, li aħna wlied maħbuba tiegħu, uniċi u insostitwibbli: xħin niftakru fih dan jagħtina l-qawwa li ma nċedux quddiem il-kuntrarju tal-ħajja. Niftakru kemm niswew, quddiem it-tentazzjoni li nitnikktu u li nibqgħu nħaffru mill-ġdid f’dak l-agħar li donnu ma jista’ jispiċċa qatt. It-tifkiriet koroh ħa jiġu, anki meta ma naħsbux fihom aħna; imma ma jagħmlulniex ġid: iħallulna biss malinkonija u nostalġija. Imma kemm hu diffiċli neħilsu mit-tifkiriet koroh! Kemm hu minnu dak li jingħad, li aktar kien ħafif għal Alla joħroġ lil Iżrael mill-Eġittu milli għall-Eġittu li joħroġ mill-qalb ta’ Iżrael.

 

Biex neħilsu lil qalbna mill-imgħoddi li jerġa’ lura għandna, mit-tifkiriet negattivi li jżommuna lsiera, mill-biki li jwaħħalna, hemm bżonn ta’ xi ħadd li jgħinna nġorru t-toqol li għandna ġo fina. Illum Ġesù qed jgħidilna proprju li ħafna affarijiet m’aħniex “kapaċi nifilħu għalihom” (ara Ġw 16:12). U x’jagħmel quddiem id-dgħufija tagħna? Ma jeħdilniex it-toqol, kif nixtiequ aħna, li dejjem infittxu soluzzjonijiet mgħaġġla u superfiċjali; le, il-Mulej jagħtina l-Ispirtu s-Santu. Tiegħu għandna bżonn, għax hu l-Konsolatur, jiġifieri dak li ma jitlaqniex waħidna taħt it-toqol tal-ħajja. Hu dak li jibdel il-memorja lsira tagħna f’memorja ħielsa, il-ġrieħi tal-imgħoddi f’tifkiriet ta’ salvazzjoni. Iwettaq fina dak li għamel għal Ġesù: il-ġrieħi tiegħu, dawk il-ġrieħi koroh imħaffra mill-ħażen, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu saru kanali ta’ ħniena, pjagi mdawla li fihom tilma l-imħabba ta’ Alla, imħabba li terġa’ terfa’ ’l fuq, li tqajjem mill-mewt. Dan jagħmel l-Ispirtu s-Santu meta nistednuh jidħol fil-ġrieħi tagħna. Hu jidlek it-tifkiriet koroh bil-balzmu tat-tama, għax l-Ispirtu s-Santu hu dak li jibni mill-ġdid it-tama.

 

Tama. X’tama hi din? Mhijiex tama li tgħaddi. It-tamiet ta’ din l-art jaħarbulna, dejjem ħa ssibilhom data ta’ skadenza: huma magħmulin minn ingredjenti ta’ din l-art, li llum jew għada jeħżienu. Dik tal-Ispirtu hi tama fit-tul. Ma tiskadix, għax hi msejsa fuq il-fedeltà ta’ Alla. It-tama tal-Ispirtu lanqas mhi ottimiżmu. Titwieled xi mkien iktar fil-fond, terġa’ tkebbes fil-qiegħ nett tal-qalb iċ-ċertezza li aħna prezzjużi għax aħna maħbuba. Issawwab fina l-fiduċja li waħidna m’aħniex. Hi tama li tħalli ġo fina paċi u ferħ, indipendentement minn dak li qed jiġri barra. Hi tama li għandha għeruq qawwija, li l-ebda tempesta tal-ħajja ma tista’ taqla’. Hi tama, jgħid illum San Pawl, li “ma tqarraqx” (Rum 5:5) – it-tama ma tqarraqx bina! –, li tagħtina l-qawwa negħlbu kull tiġrib (ara vv. 2-3). Meta aħna mġarrba jew midruba – u intom tafu sewwa xi jfisser tkun imġarrab, midrub –, aħna ttentati “nbejtu” madwar in-niket tagħna u l-biżgħat tagħna. Imma l-Ispirtu jeħlisna mill-bejtiet tagħna, iġagħalna ntiru, jiftħilna quddiemna d-destin tal-għaġeb li għalih twelidna. L-Ispirtu jimliena b’tama ġdida. Ejjew nistednuh. Nitolbuh jiġi fina u jkun qrib tagħna. Ejja, Spirtu Konsolatur! Ejja agħtina ftit tad-dawl, urina s-sens ta’ din it-traġedja, agħtina t-tama li ma tqarraqx. Ejja, Spirtu s-Santu!

 

Qrubija hi t-tielet u l-aħħar kelma li nixtieq naqsam magħkom. Illum qed niċċelebraw it-Trinità Qaddisa. It-Trinità mhix xi dilemma teoloġika, imma l-misteru tal-għaġeb tal-qrubija ta’ Alla. It-Trinità tgħidilna li m’għandniex Alla solitarju hemm fuq fis-sema, distanti u indifferenti; le, hu Missier li tana lil Ibnu, li sar bniedem bħalna, u li biex ikun iżjed qrib tagħna, biex jgħinna nġorru t-toqol tal-ħajja, jibgħatilna l-istess Spirtu tiegħu. Hu, li huwa Spirtu, jiġi fl-ispirtu tagħna u hekk ifarraġna minn ġewwa, iwasslilna fil-ġewwieni tagħna l-ħlewwa ta’ Alla. Ma’ Alla, il-piżijiet tal-ħajja ma jibqgħux fuq spallejna: l-Ispirtu, li nsemmu kull darba li nagħmlu s-sinjal tas-salib proprju malli missu l-ispallejn, jiġi jagħtina l-qawwa, jinkuraġġina, iwieżen it-toqol tagħna. Fil-fatt hu speċjalista f’li jqajjem mill-mewt, f’li jgħolli mill-ġdid, f’li jibni mill-ġdid. Trid iktar qawwa biex issewwi milli biex tibni, biex tibda mill-ġdid milli biex tibda l-ewwel darba, biex tirrikonċilja milli biex tiftiehem. Din hi l-qawwa li jagħtina Alla. Għalhekk min jersaq lejn Alla mhux ħa jitkisser, imma jibqa’ miexi ’l quddiem: jerġa’ jibda, jipprova mill-ġdid, jerġa’ jibni. Ibati wkoll, imma jirnexxielu jibda mill-ġdid, jipprova mill-ġdid, jibni mill-ġdid.

 

Għeżież ħuti, illum ġejt hawn sempliċiment biex inkun qrib tagħkom; ninsab hawn biex nitlob magħkom lil Alla li jiftakar fina, biex ħadd ma jinsa lil min jinsab f’diffikultà. Nitlob lil Alla tat-tama, biex dak li mhux stabbli fl-art ma jheżżiżx iċ-ċertezza li għandna ġo fina. Nitlob lil Alla Qarib, biex iqanqal ġesti konkreti ta’ qrubija. Għaddew għoddhom tliet snin u r-riskju hu li, wara l-ewwel interess emottiv u medjatiku, l-attenzjoni tonqos u l-wegħdiet jispiċċaw jintesew, u hekk tiżdied il-frustrazzjoni ta’ min jara t-territorju jitbattal dejjem iżjed min-nies. Imma l-Mulej iridna niftakru, insewwu, nibnu mill-ġdid, u dan nagħmluh flimkien, bla qatt ninsew lil min qed ibati.

 

X’inhu l-bniedem biex taħseb fih? Alla li jiftakar fina, Alla li jfejjaq il-memorji miġruħa tagħna billi jidlikhom bit-tama, Alla li hu qrib tagħna biex jerġa’ jerfagħna minn ġewwa, dan Alla jgħinna nkunu bennejja tal-ġid, farraġa tal-qlub. Kulħadd jista’ jagħmel xi ftit tajjeb, bla ma jistenna li jkunu l-oħrajn li jibdew. “Nibda jien, nibda jien, nibda jien”: kulħadd għandu jgħid hekk. Kulħadd jista’ jfarraġ lil xi ħadd, bla ma joqgħod jistenna li l-ewwel jissolvew il-problemi tiegħu. Anki jiena u nġorr is-salib tiegħi, infittex li nkun qrib biex infarraġ lill-oħrajn. X’inhu l-bniedem? Hu l-ħolma kbira tiegħek, Mulej, li dejjem tiftakar fiha. Il-bniedem hu l-ħolma kbira tiegħek, Mulej, li dejjem tiftakar fiha. Mhux faċli nifhmuh dan f’dawn iċ-ċirkustanzi, Mulej. Il-bniedem jinsewna, ma baqgħux jiftakru f’din it-traġedja. Imma int, Mulej, int ma tinsiex. Il-bniedem hu l-ħolma kbira tiegħek, Mulej, li fiha tiftakar dejjem. Mulej, agħmel li aħna wkoll niftakru li qegħdin fid-dinja biex nagħtu t-tama u l-qrubija, għax aħna wliedek, “Alla ta’ kull faraġ” (2 Kor 1:3).

  

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard