VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU  FRANĠISKU

FIL-BULGARIJA U L-MAĊEDONJA TAT-TRAMUNTANA

REGINA COELI

Pjazza San Alexander Nevsky (Sofja)
Il-Ħadd, 5 ta’ Mejju, 2019

 

Għeżież ħuti, “Kristu rxoxta!”

Sa minn żminijiet antiki, f’dawn l-artijiet tal-Bulgarija, l-insara – ortodossi u kattoliċi – b’dal-kliem jagħtu l-awguri lil xulxin fi żmien l-Għid: Christos vozkrese (il-folla twieġeb).  Dawn jesprimu l-ferħ kbir għar-rebħa ta’ Kristu fuq il-ħażen, fuq il-mewt.  Huma affermazzjoni u xhieda tal-qofol tal-fidi tagħna: Kristu jgħix.  Hu t-tama tagħna u l-isbaħ żgħożija ta’ did-dinja.  Kulma jmiss Hu jiġġedded, jimtela bil-ħajja.  Għalhekk l-ewwel kliem li rrid nindirizza lil kull wieħed u waħda minnkom huma: Huwa jgħix u jrid lilek ħaj!  Hu jinsab fik, Hu qiegħed miegħek u qatt ma jitilqek.  Hu jimxi miegħek.  Minkejja kemm tista’ titbiegħed int, maġenbek dejjem hemm l-Irxoxt, li jsejjaħlek bla heda, jistennik biex terġa’ tibda.  Hu qatt ma jibża’ jerġa’ jibda: dejjem inewlilna idu biex nerġgħu nibdew, biex inqumu u nibdew mill-ġdid.  Meta tħossok xiħ minħabba s-swied il-qalb – is-swied il-qalb ixejjaħ – il-mibgħeda, il-biżat, id-dubji u l-fallimenti, Hu jkun hemm  biex iroddlok lura l-forza u t-tama (Eż. App. Post-Sinodali Christus vivit 1-2).  Hu jgħix, iridek ħaj u jimxi miegħek.

Dil-fidi fi Kristu Rxoxt ilha titħabbar għal elfejn sena f’kull rokna tad-dinja, permezz tal-missjoni ġeneruża ta’ tant bnedmin ta’ twemmin li għandhom is-sejħa li jagħtu kollox għat-tħabbir tal-Evanġelju, bla ma jżommu xejn għalihom. Fl-istorja tal-Knisja, hawn fil-Bulgarija wkoll, kien hemm Rgħajja li ddistingwew ruħhom bil-qdusija ta’ ħajjithom.  Fosthom bi pjaċir insemmi lill-predeċessur tiegħi, li intom issejħulu “l-Qaddis Bulgaru”, San Ġwanni XXIII, ragħaj qaddis, li l-memorja tiegħu għadha ħajja b’mod partikolari f’din l-art fejn hu għex bejn l-1925 u l-1934.

Hawnhekk hu tgħallem japprezza t-tradizzjoni tal-Knisja Orjentali billi daħal f’relazzjonijiet ta’ ħbiberija mal-Konfessjonijiet Reliġjużi l-oħra.  L-esperjenza dipolatika u pastorali tiegħu fil-Bulgarija ħalliet fuqu marka qawwija fil-qalb tiegħu ta’ ragħaj tant li wasslitu jiżra’ fil-Knisja l-prospettiva tad-djalogu ekumeniku li kiseb imbuttatura kbira permezz tal-Konċilju Vatikan II, mniedi propju minn Papa Roncalli.  F’ċertu sens irridu rroddu ħajr lill din l-art għall-intwizzjoni mimlija dehen u ispiratriċi tal-”Papa buono”.

Fir-radda ta’ dil-mixja ekumenika, minn hawn u ftit ieħor se jkolli l-pajċir li nsellem lill-esponenti ta’ konfessjonijiet reliġjużi differenti fil-Bulgarija, li għalkemm hu pajjiż ortodoss, hu salib it-toroq li fih jiltaqgħu u jiddjalogaw espressjonijiet reliġjużi varji.  Il-preżenza ferm apprezzata ta’ dil-laqgħa tar-rappreżentanti ta’ dawn il-komunitajiet diversi turi x-xewqa ta’ mixja flimkien, illum ferm aktar meħtieġa, “sabiex naddottaw kultura reċiproka bħala metodu u kriterju” (Dokument dwar il-fratellanza umana Abu Dhabi, 4 ta’ Frar, 2019).

Ninsabu qrib il-knisja antika ta’ Santa Sofija, u biswit il-knisja Patrijarkali ta’ San Alexander Nevskij, fejn ftit ħin ilu, jiena tlabt fit-tifkira tal-Qaddisin Ċirillu u Metodju, evanġeliżżaturi tal-popli slavi.  Bix-xewqa li nuri stima u mħabba lil dil-knisja ortodosssa meqjuma tal-Bulgarija, kelli l-pjaċir li, qabel, insellem lil ħija il-Qdusija tiegħu l-Patrijarka Neofit, kif ukoll lill-Metropoliti tas-Santu Sinodu.

Issa se nduru lejn il-Beata Verġni Marija, Reġina tas-sema u tal-art, sabiex tinterċedi għalina quddiem il-Mulej Irxoxt, ħalli lill-din l-art maħbuba jtiha l-imbuttatura dejjem meħtieġa sabiex tkun art ta’ laqgħa, li fiha, lil hinn mid-differenzi kulturali, reliġjużi u etniċi, intom tkunu tistgħu tkomplu tagħrfu lil xulxin u tistmaw lil xulxin bħala wlied tal-istess Missier.  L-invokazzjoni tagħna tesprimi ruħha bil-kant tar-Regina CoeliQed nagħmlu dan hawn, f’Sofja, quddiem l-ikona tal-Madonna ta’ Nesebar, li tfisser “Bieb tas-Sema”, tant għal qalb il-predeċessur tiegħi San Ġwanni XXIII, li beda jqima hawn, fil-Bulgarija, u baqa’ jġorrha miegħu sal-mewt.

 

(Kant tar-Regina Coeli)

Thenna u ifraħ, Verġni Marija, alleluja

Għax il-Mulej qam tassew, alleluja

Nitolbu,

O Alla bil-qawmien mill-imwiet ta’ Ibnek Ġesù Kristu, Sidna, għoġbok tferraħ id-dinja’ agħtina nitolbuk, li b’Ommu l-Verġni Marija, niksbu l-ferħ tal-ħajja ta’ dejjem.  Bi Kristu Sidna.  Ammen.

[Barka]

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber