VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-BULGARIJA U L-MAĊEDONJA TA’ FUQ

[5-7 TA’ MEJJU 2019]

 

QUDDIESA BL-EWWEL TQARBINA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

 

Knisja tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù, Rakovsky

It-Tnejn 6 ta’ Mejju 2019

 

Għeżież ħutiChristos vozkrese!

 

Kemm nieħu pjaċir insellem lit-tfal tal-Ewwel Tqarbina, kif ukoll lill-ġenituri tagħhom, qraba u ħbieb! Lil kulħadd nawgura bil-kliem sabiħ li jintuża wkoll f’pajjiżkom f’dan iż-żmien tal-Għid: Christos vozkrese! Din it-tislima hi espressjoni tal-ferħ tagħna l-Insara, dixxipli ta’ Ġesù, għax hu, li ta ħajtu għall-imħabba fuq is-salib biex jeqred id-dnub, qam mill-mewt u għamilna wlied adottivi ta’ Alla l-Missier. Aħna kuntenti għax hu ħaj u preżenti fostna llum u dejjem.

 

Intom, għeżież tfal, ġejtu hawn minn kull rokna ta’ din l-“Art tal-ward” biex tieħdu sehem f’festa mill-isbaħ, li jiena ċert li m’intom ħa tinsew qatt: l-ewwel laqgħa tagħkom ma’ Ġesù fis-sagrament tal-Ewkaristija. Xi ħadd minnkom jaf jistaqsini: Imma kif nistgħu niltaqgħu ma’ Ġesù, li għex tant snin ilu u mbagħad miet u ndifen f’qabar? Hu minnu: Ġesù wettaq att kbir ħafna ta’ mħabba biex jifdi lill-umanità ta’ kull żmien. Baqa’ fil-qabar għal tlitt ijiem, imma aħna nafu –minn dan żgurawna l-Appostli u ħafna xhieda oħra li rawh – li Alla Missieru u Missierna qajmu mill-mewt. U issa Ġesù huwa ħaj, jinsab hawn magħna, għalhekk illum nistgħu niltaqgħu miegħu fl-Ewkaristija. M’aħniex narawh b’dawn l-għajnejn tagħna, imma narawh bl-għajnejn tal-fidi.

 

Qed narakom hawn lebsin l-ilbies abjad: dan hu sinjal importanti u sabiħ, għax intom lebsin għall-festa. L-Ewwel Tqarbina hi qabelxejn festa, li fiha niċċelebraw lil Ġesù li ried jibqa’ dejjem magħna u li qatt mhu ħa jinfired minna. Festa li hi possibbli grazzi għal missirijietna, għan-nanniet tagħna, għall-familji tagħna, għall-komunitajiet li għenuna nikbru fil-fidi.

 

Biex ġejtu hawn, f’din il-belt ta’ Rakovski, imxejtu triq twila. Is-saċerdoti u l-katekisti tagħkom, li mxew l-istess triq tagħkom ta’ katekeżi, akkumpanjawkom ukoll fit-triq li llum qed twassalkom biex tiltaqgħu ma’ Ġesù u biex tirċevuh fil-qalb tagħkom. Hu, kif smajna fil-Vanġelu (ara Ġw 6:1-15), jum wieħed kattar b’mod mirakoluż ħames ħobżiet u żewġ ħutiet, u tema’ l-folla li kienet imxiet warajh u semgħetu. Intbaħtu kif beda l-miraklu? Mill-idejn ta’ tifel li offra dak li kellu: ħames ħobżiet u żewġ ħutiet (ara Ġw 6:9). Bl-istess mod li intom illum qed tgħinu jitwettaq il-miraklu li jfakkar lilna l-kbar kollha hawn preżenti fl-ewwel laqgħa li kellna ma’ Ġesù fl-Ewkaristija u hekk nistgħu rroddu ħajr għal dak il-jum. Illum nistgħu mill-ġdid nagħmlu festa u niċċelebraw lil Ġesù li hu preżenti fil-Ħobż tal-Ħajja. Għax hemm mirakli li jistgħu jseħħu biss jekk ikollna qalb bħal tagħkom, li kapaċi taqsam, li toħlom, li tirringrazzja, li jkollha fiduċja u li tweġġaħ lill-oħrajn. Li nagħmlu l-Ewwel Tqarbina jfisser li kuljum irridu nkunu iżjed magħquda ma’ Ġesù, nikbru fil-ħbiberija miegħu u nixtiequ li anki oħrajn jistgħu jgawdu mill-ferħ li hu jrid jagħtina. Il-Mulej għandu bżonnkom biex jista’ jwettaq il-miraklu li jilħaq bil-ferħ tiegħu ħafna minn sħabkom u l-familjari tagħkom.

 

Għeżież tfal, kemm jien kuntent li qed naqsam magħkom dan il-mument kbir u ngħinkom tiltaqgħu ma’ Ġesù! Qed tgħixu ġurnata tassew fi spirtu ta’ ħbiberija, spirtu ta’ ferħ u fraternità, spirtu ta’ komunjoni bejnietkom u mal-Knisja kollha li, speċjalment fl-Ewkaristija, tesprimi l-komunjoni fraterna bejn il-membri kollha tagħha. Il-karta tal-identità tagħna din hi: Alla hu Missierna, Ġesù hu Ħuna, il-Knisja hi l-familja tagħna, aħna aħwa, il-liġi tagħna hi l-imħabba.

 

Nixtieq ninkuraġġikom biex titolbu dejjem b’dak l-entużjażmu u dak il-ferħ li għandkom illum. U ftakru li dan hu s-sagrament tal-Ewwel Tqarbina imma mhux tal-aħħar Tqarbina. Illum ftakru li Ġesù dejjem ħa jkun hemm jistenniekom. Għalhekk, nawguralkom li llum ikun il-bidu ta’ ħafna Tqarbiniet, biex il-qalb tagħkom tkun dejjem bħalma hi llum, f’festa, mimlija bil-ferħ u fuq kollox bil-gratitudni.

 

Hawn il-Papa żied djalogu ta’ dak il-ħin mat-tfal, bl-għajnuna tat-traduttur fil-lingwa Bulgara

 

Il-Papa Franġisku: Għeżież tfal, nagħtikom merħba! Kemm jien kuntent li qed narakom hawn biex tagħmlu l-Ewwel Tqarbina! Ħa nistaqsikom ħaġa: intom kuntenti li ħa tagħmlu l-Ewwel Tqarbina?

It-tfal: Iva!

 

Il-Papa Franġisku: Żgur?

It-tfal: Iva!

 

Il-Papa Franġisku: U għaliex intom kuntenti? Għax ġej Ġesù! Ngħiduha flimkien: “Jien kuntent għax ġej Ġesù fija”.

It-tfal: Jien kuntent għax ġej Ġesù fija!

 

Il-Papa Franġisku: U intom, miġbura lkoll hawn biex tirċievu lil Ġesù – ħa nistaqsikom ħaġa – intom familja waħda?

It-tfal: Iva!

 

Il-Papa Franġisku: U x’tissejjaħ din il-familja tagħna?

It-tfal: Il-Knisja.

 

Il-Papa Franġisku: Il-kunjom tagħna hu: Nisrani.

It-tfal: Iva!

 

Il-Papa Franġisku: X’inhu l-kunjom tagħna?

It-tfal: Nisrani.

 

Il-Papa Franġisku: Tajjeb. Jiena fl-omelija għidt ħaġa li nixtieqkom tiftakruha dejjem. Tkellimt fuq il-“karta tal-identità” tan-Nisrani u għidt hekk: “Il-karta tal-identità tagħna hi din: Alla hu Missierna, Ġesù ħuna, il-Knisja l-familja tagħna, aħna aħwa, il-liġi tagħna hi l-imħabba”. Issa ejja nirrepetuha flimkien. Jien ħa ngħid mill-ġdid, it-traduttur jirrepeti warajja u mbagħad nirrepetu flimkien. Alla hu Missierna.

It-tfal: Alla hu Missierna.

 

Il-Papa Franġisku: Ġesù huwa ħuna.

It-tfal: Ġesù huwa ħuna.

 

Il-Papa Franġisku: Il-Knisja hi ommna u l-familja tagħna.

It-tfal: Il-Knisja hi ommna u l-familja tagħna.

 

Il-Papa Franġisku: Aħna għedewwa…

It-tfal: Aħna…

 

Il-Papa Franġisku: Veru? Aħna għedewwa?

It-tfal: Le!

 

Il-Papa Franġisku: Aħna ħbieb! Aħna ħbieb. Kollha! Aħna aħwa.

It-tfal: Aħna aħwa.

 

Il-Papa Franġisku: Il-liġi tagħna hi l-imħabba. Kollha!

It-tfal: Il-liġi tagħna hi l-imħabba!

 

Il-Papa Franġisku: U issa Ġesù se jkellem lil kull wieħed u waħda minna. Illum itolbu lil Ġesù għall-familja tagħkom, għall-ġenituri tagħkom, għan-nanniet tagħkom, għall-katekisti tagħkom, għas-saċerdoti tagħkom, għal ħbiebkom. Se titolbuh lil Ġesù għal dawn in-nies kollha?

It-tfal: Iva!

 

Il-Papa Franġisku: Tajjeb ħafna. Issa nkomplu bil-quddiesa u nħejju ruħna biex nirċievu lil Ġesù.

 

* * *

 

Qabel il-“Ħaruf ta’ Alla” l-Papa għamel din l-istedina:

 

Għeżież tfal, issa sa tirċievu lil Ġesù. M’għandkomx tkunu distratti, jew toqogħdu taħsbu fi ħwejjeġ oħra, imma aħsbu biss f’Ġesù. Ejjew quddiem l-altar biex tirċievu lil Ġesù fis-skiet; żommu s-skiet fil-qalb tagħkom u aħsbu kif din hi l-ewwel darba li Ġesù ġej għandkom. Imbagħad, għad jiġi ħafna drabi oħra. Aħsbu fil-ġenituri tagħkom, fil-katekisti tagħkom, fin-nanniet tagħkom, fi sħabkom; u jekk kellkom xi tgħidu ma’ xi ħadd, aħfrulu minn qalbkom qabel ma tiġu. Fis-skiet, ejjew nersqu lejn Ġesù.

 


 

Fi tmiem il-Quddiesa f’Rakovski

 

Għeżież ħuti,

 

Qabel ma nagħlqu din iċ-ċelebrazzjoni, nixtieq nirringrazzja lilkom ilkoll, ibda minn ħuti l-Isqfijiet preżenti, is-saċerdoti, ir-reliġjużi u l-familji. Nirringrazzja minn qalbi lil dawk li ħadmu fit-tħejjija u l-organizzazzjoni; u anki lil dawk li ma setgħux jieħdu sehem imma offrew it-talb tagħhom, speċjalment il-morda u l-aktar anzjani.

 

Nieħu l-okkażjoni biex nesprimi r-rikonoxxenza tiegħi lejn l-Awtoritajiet tal-pajjiż u lejn dawk kollha li b’diversi modi kkollaboraw biex din iż-żjara tiegħi tirnexxi.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard