VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-BULGARIJA U L-MAĊEDONJA TA’ FUQ

[5-7 TA’ MEJJU 2019]

 

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU

 

Pjazza Knyaz Alexander I (Sofija)

Il-Ħadd 5 ta’ Mejju 2019

 

Għeżież ħuti, Kristu qam mill-mewt! Christos vozkrese!

 

Kemm hi sabiħa t-tislima li biha l-Insara f’pajjiżkom jaqsmu ma’ xulxin il-ferħ tal-Irxoxt f’dan iż-żmien tal-Għid!

 

L-episodju kollu li għadna kemm smajna, irrakkuntat fl-aħħar tal-Vanġelu, jippermettilna nogħdsu f’dan il-ferħ li l-Mulej jistedinna “nittieħdu” minnu huwa u jfakkarna fi tliet realtajiet tal-għaġeb li jimmarkaw il-ħajja tagħna ta’ dixxipli: Alla jsejjaħ, Alla jissorprendi, Alla jħobb.

 

Alla jsejjaħ. Kollox iseħħ fuq ix-xatt tal-Għadira tal-Galilija, hemm fejn Ġesù kien sejjaħ lil Pietru. Kien sejjaħlu biex jitlaq il-mistier ta’ sajjied u jsir sajjied tal-bnedmin (ara Lq 5:4-11). Issa, wara dik il-mixja kollha, wara l-esperjenza tal-mewt tal-Imgħallem u minkejja l-aħbar tal-qawmien tiegħu, Pietru jerġa’ lura għall-ħajja ta’ qabel: “Sejjer nistad”, jgħidilhom. U d-dixxipli l-oħra mhux b’inqas: “Ħa niġu miegħek aħna wkoll” (Ġw 21:3). Qishom qed jagħmlu pass lura; Pietru jerġa’ jaqbad ix-xbieki f’idejh, dawk ix-xbieki li hu kien ħalla warajh minħabba Ġesù. It-toqol tat-tbatija, tad-delużjoni, saħansitra tat-tradiment kien sar ġebla diffiċli biex iċċaqlaqha fil-qalb tad-dixxipli; kienu għadhom miġruħa taħt it-toqol tal-uġigħ ta’ qalb u tas-sens ta’ ħtija, u l-aħbar it-tajba tal-Qawmien ma kinitx għadha niżżlet għeruqha f’qalbhom. Il-Mulej jaf kemm hi qawwija għalina t-tentazzjoni li nerġgħu lura għall-ħwejjeġ ta’ qabel. Ix-xbieki ta’ Pietru, bħall-basal tal-Eġittu, fil-Bibbja huma simbolu tat-tentazzjoni tan-nostalġija tal-imgħoddi, ta’ min irid jerġa’ lura għal xi ħaġa li kien għażel li jitlaq. Quddiem l-esperjenzi tal-falliment, tat-tbatija u saħansitra tal-fatt li l-affarijiet mhumiex jirriżultaw kif konna nittamaw, dejjem titfaċċa tentazzjoni sottili u perikoluża li tistedinna naqtgħu qalbna u biex inħallu dirgħajna jċedu. Hi l-psikoloġija tal-qabar li tpinġi kollox b’rassenjazzjoni, u tridna ninħabbu ma’ diqa ħelwa li bħas-susa tiekol kull tama. U hekk tiżviluppa l-ikbar theddida li tista’ tinbet fi ħdan komunità: il-pragmatiżmu griż tal-ħajja, li fiha donnu kollox miexi b’mod normali, imma fir-realtà l-fidi tispiċċa tiġi fix-xejn u ssir ħaġa miskina (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 83).

 

Imma proprju hemm, fil-falliment ta’ Pietru, jasal Ġesù, jerġa’ jibda mill-ġdid u bis-sabar joħroġ jiltaqa’ miegħu u jgħidlu “Xmun” (v. 15): dan kien l-isem tal-ewwel sejħa. Il-Mulej ma jistenniex sitwazzjonijiet jew qagħdiet ideali, imma joħloqhom hu. Ma jistenniex li jiltaqa’ ma’ persuni bla problemi, bla delużjonijiet, bla dnubiet jew limitazzjonijiet. Hu nnifsu ġie wiċċ imb wiċċ mad-dnub u mad-delużjoni biex seta’ joħroġ jiltaqa’ ma’ kull ħaj u jistiednu jimxi. Ħuti, il-Mulej ma jegħja qatt isejjaħ. Hi l-qawwa tal-Imħabba li qalbet ta’ taħt fuq kull tbassir u taf terġa’ tibda mill-ġdid. F’Ġesù, Alla jfittex li jagħti dejjem possibbiltà ġdida. Jagħmel hekk magħna wkoll: isejħilna ta’ kuljum biex ngħixu mill-ġdid l-istorja tagħna ta’ mħabba miegħu, biex jibnina fil-ġdid li huwa hu. Ta’ kull filgħodu, jiġi jfittixna hemm fejn aħna u jistedinna “nqumu fuq riġlejna, inqumu fuq il-Kelma tiegħu, inħarsu fl-għoli u nemmnu li aħna magħmulin għas-Sema, u mhux għall-art; għall-ħwejjeġ għolja tal-ħajja, mhux għall-bassezzi tal-mewt”, u jistedinna ma nfittxux “qalb il-mejtin lil min hu ħaj” (Omelija fil-Velja tal-Għid, 20 ta’ April 2019). Meta nilqgħuh, nogħlew iktar ’il fuq, inħaddnu l-isbaħ futur tagħna mhux bħala possibbiltà imma bħala realtà. Meta hi s-sejħa ta’ Ġesù li tmexxi lil ħajjitna, qalbna terġa’ ssir żagħżugħa.

 

Alla jissorpendi. Huwa l-Mulej tas-sorpriżi li jistedinna mhux biss biex nissorprendu ruħna, imma biex inwettqu ħwejjeġ sorprendenti. Il-Mulej isejjaħ u, meta jiltaqa’ mad-dixxipli bix-xbieki votja, jipproponilhom xi ħaġa mhix tas-soltu: li jistadu binhar, ħaġa pjuttost stramba fuq dik l-għadira. Jerġa’ jimliehom bil-fiduċja billi jċaqlaqhom minn posthom u jġagħalhom jirriskjaw mill-ġdid, biex ma jaċċettaw xejn u speċjalment lil ħadd b’mitluf. Hu l-Mulej tas-sorpriża li jfarrak l-għeluq li jwaħħalna u jroddilna l-kuraġġ li kapaċi jegħleb is-suspett, il-qtigħ il-qalb u l-biża’ li jinħeba wara l-“hekk dejjem sar”. Alla jissorprendna meta jsejħilna u jistedinna nwaddbu mhux biss ix-xbieki, imma lilna nfusna fil-fond tal-istorja u nħarsu lejn il-ħajja, inħarsu lejn l-oħrajn u anki lejna nfusna bl-istess għajnejn tiegħu li “fid-dnub, jara wlied xi jġib fuq saqajhom; fil-mewt, aħwa xi jqajjem; fid-deżolazzjoni, qlub xi jfarraġ. Mela tibża’ xejn: il-Mulej iħobbha din il-ħajja tiegħek, anki meta tibża’ tħares lejha u taqbdilha jdejha” (ibid.).

 

U hekk naslu għat-tielet ċertezza tal-lum. Alla jsejjaħ, Alla jissorprendi għaliex Alla jħobb. L-imħabba hi l-lingwaġġ tiegħu. Għalhekk jitlob minn Pietru u minna li nissintonizzaw ruħna fuq l-istess lingwa: “Tħobbi int?”. Pietru jilqa’ l-istedina u, wara tant żmien li għadda ma’ Ġesù, jifhem li tħobb ifisser tieqaf tkun int fiċ-ċentru. Issa ma jibqax jitlaq minnu nnifsu, imma minn Ġesù: “Int taf kollox” (Ġw 21:18), iwieġeb. Jagħraf li hu dgħajjef, jifhem li ma jistax jibqa’ miexi ’l quddiem waħdu bis-saħħa tiegħu biss. U jibni fuq il-Mulej, fuq il-qawwa ta’ mħabbtu, sal-aħħar. Din hi l-qawwa tagħna li ta’ kuljum mistiedna nġeddu fina: il-Mulej iħobbna. Li tkun Nisrani hi sejħa biex temmen li l-Imħabba ta’ Alla hi ikbar minn kull limitu jew dnub. Waħda mill-akbar tbatijiet u xkiel li qed insibu llum mhix tant biex nifhmu li Alla huwa mħabba, imma l-fatt li wasalna biex inxandruh u nagħtu xhieda tiegħu b’tali mod li għal ħafna dan mhuwiex tassew ismu. Alla hu mħabba, imħabba li tingħata, issejjaħ u tissorprendi.

 

Araw il-miraklu ta’ Alla, li jagħmel minn ħajjitna opri tal-arti jekk inħallu lil imħabbtu tmexxina. Ħafna xhieda tal-Għid f’din l-art imbierka wettqu kapulavuri l-ġmiel tagħhom, imnebbħa minn fidi sempliċi u minn imħabba kbira. Offrew ħajjithom, kienu sinjali ħajja tal-Mulej, u b’kuraġġ għarfu jegħlbu l-apatija u joffru tweġiba Nisranija għat-tħassib li kien ikollhom (ara Eżortazzjoni appostolika postsinodali Christus vivit, 174). Illum aħna mistiedna naraw u niskopru dak li l-Mulej għamel fl-imgħoddi biex flimkien miegħu jmexxina lejn il-futur, għax nafu li, fis-suċċess u fl-iżbalji, dejjem se jerġa’ jsejħilna biex inwaddbu x-xbiek. Dak li għidt liż-żgħażagħ fl-Eżortazzjoni li ktibt dan l-aħħar, nixtieq ngħidu lilkom ukoll. Knisja żagħżugħa, persuna żagħżugħa, mhux fl-età imma bil-qawwa tal-Ispirtu, tistedinna nagħtu xhieda tal-imħabba ta’ Kristu, imħabba li tagħfas fuqna u twassalna biex inkunu lesti nissieltu għall-ġid komuni, qaddejja tal-foqra, protagonisti tar-rivoluzzjoni tal-imħabba u tal-qadi, kapaċi nieqfu f’wiċċ il-mard tal-individwaliżmu konsumista u superfiċjali. Innamrati ma’ Kristu, xhieda ħajja tal-Vanġelu f’kull rokna ta’ din il-belt (ara ibid., 174-175). Tibżgħux tkunu l-qaddisin li għandha bżonn din l-art, qdusija li mhix se teħdilkom saħħitkom, mhix se teħdilkom ħajjitkom jew il-ferħ tagħkom; anzi, sewwasew bil-maqlub, biex intom u wlied din l-art tistgħu taslu li tkunu dak li l-Missier ħolom meta ħalaqkom (ara Eżortazzjoni appostolika Gaudete et exsultate, 32).

 

Imsejħa, sorpriżi u mistiedna għall-imħabba!

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard