VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-BULGARIJA U L-MAĊEDONJA TAT-TRAMUNTANA
[5-7 ta’ MEJJU, 2019]

LAQGĦA MAL-KOMUNITÀ KATTOLIKA

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Knisja ta’ San Mikiel Arkanġlu f’Rakovsky 
it-Tnejn, 6 ta’ Mejju, 2019

Għeżież ħuti,

Il-waranofsinhar it-tajjeb!  Irroddilkom ħajr għal-laqgħa mimlija entużjażmu li tajtuni, għaż-żfin u t-testimonjanzi.  Qed jgħiduli li hemm it-traduzzjoni fuq l-ikrins.  Tajjeb hekk.

Mons. Iovcev talabni ngħinkom – f’dal-ferħ tal-laqgħa mal-Poplu t’Alla bl-eluf ta’ wċuħ u kariżmi – biex ngħinkom taraw “bl-għajnejn tal-fidi u tal-imħabba”.  Qabel kollox nixtieq irroddilkom ħajr għax għintuni nara aħjar u nifhem ftit aktar ir-raġuni għala din l-art kienet tant għal qalb San Ġwanni XXIII, fejn il-Mulej kien qed iħejji għal dak li kellu jkun pass importanti fil-mixja ekkleżjali tagħna.  Bejnietkom nibtet ħbiberija qawwija lejn ħutna l-ortodossi li lilu mbuttatu lejn triq li biha kellu ħila jiġġenera l-fraternità tant mixtieqa imma fraġli, bejn il-persuni u l-komunitajiet.

Tħares bl-għajnejn tal-fidi.  Nixtieq infakkar kliem “il-Papa t-Twajjeb” li għaraf jintona qalbu mal-Mulej b’tali mod li seta’ jgħid li ma kienx jaqbel ma’ dawk li madwarhom kienu jaraw biss ħażen u li hu kien isejħilhom “profeti tal-malawgurju”.  Skontu, kien hemm bżonn il-fiduċja fil-Providenza, li tinsab magħna l-ħin kollu u, fost il-kuntrarju, għandha ħila tfassal pjanijiet akbar u mhux mistennija (Diskors fil-ftuħ tal-Konċilju Vatikan II, 11 ta’ Ottubru, 1962).

Il-bnedmin t’Alla huma dawk li tgħallmu jħarsu, jafdaw, jiskopru u jħallu l-qawwa tal-Qawmien tmexxihom.  Nammetti, iva, li hemm sitwazzjonijiet u waqtiet ta’ niket u partikolarment inġusti, imma (dawn il-bnedmin) ma jibqgħux b’idejhom marbuta, mbeżżgħin, jew, agħar minn hekk, jiżirgħu klima ta’ xettiċiżmu, skomdu u sens ta’ fastidju, għax dan ma jagħmel xejn aktar ħlief ħsara lill-ispirtu, idgħajjef it-tama u jostakola kull soluzzjoni possibbli.  Il-bnedmin ta’ Alla huma dawk imqanqlin mill-kuraġġ biex jagħtu l-ewwel pass – dan importanti: tagħmel l-ewwel pass – u bil-kreattività jfittxu li jkunu minn ta’ quddiem nett bix-xhieda  tagħhom li l-Imħabba mhix mejta, imma għelbet kull ostaklu.  Il-bnedmin ta’ Alla joħorġu għonqhom għax tgħallmu li Ġesù, Alla nnifsu, ħareġ għonqu.  Qiegħed f’riskju laħmu stess sabiex ħadd ma jħossu waħdu jew abbandunat.  Dan hu s-saħbih tal-fidi tagħna: Alla li ħareġ għonqu billi sar wieħed minna.

F’das-sens nixtieq naqsam magħkom esperjenza li kelli ftit siegħat ilu.  Dalgħodu kelli xorti niltaqa’ ma’ rifuġjati u migranti fil-kamp ta’ Vrazhdebna, li ġew minn diversi pajjiżi tad-dinja jfittxu kuntest ta’ ħajja aħjar minn dik li ħallew warajhom, u ltaqjt ukoll ma’ volontarji tal-Caritas.  (Applaws mill-volontarji tal-Caritas li qamu bilwieqfa jċapċpu, kollha bil-flokk aħmar).  Meta dħalt hawn u rajt il-volontarji tal-Caritas, staqsejt min huma, għax ħsibt li kienu l-puluzija tat-tifi tan-nar!  Ħomor kif inhuma!  Hemmhekk (fiċ-ċentru tar-rifuġjati)  qaluli li r-ruħ taċ-Ċentru – ta’ daċ-ċentru tar-rifuġjati – nibtet mill-għarfien li kull persuna hi iben/bint Alla, indipendentement mill-etnija u t-twemmin reliġjuż.  Biex tħobb lil xi ħadd m’hemmx għalfejn titolbu “l-curriculum vitae”; l-imħabba tiġi qabel, dejjem timxi ‘l quddiem, tantiċipa.  Għaliex?  Għax l-imħabba hi gratwita.  F’daċ-Ċentru tal-Caritas kienu ħafna l-insara li tgħallmu jħarsu bl-istess għajnejn tal-Mulej, li ma joqgħodx ifittex l-aġġettivi, imma jfittex u jgħin bl-għajnejn ta’ Missier.  Imma intom tafu ħaġa?  Irridu noqgħodu attenti!  Aħna waqajna fil-kultura tal-aġġettiv: “dil-persuna hi hekk, dil-persuna hi dan, dil-persuna hi dak….”  U Alla dan ma jridux.  Hja persuna, hija x-xbieha t’Alla.  Ebda aġġettiv!  Inħallu li Alla jagħti l-aġġettivi: aħna nqiegħdu l-imħabba f’kull persuna.  L-istess jgħodd għat-tqassis.  Kemm hu faċli għalina nqassu! “Ah!, dan hu hekk, dan jagħmel hekk.  Dejjem “illaqqmu” lin-nies.  Jien mhux qed ngħid għalikom, għax naf li fostkom m’hemmx tqassis, imma naħsbu fil-postijiet fejn hemm dat-tpaċpiċ.  Dan hu l-aġġettiv: li nagħtu l-aġġettivi lin-nies.  Irridu nimxu minn kultura tal-aġġettivi għar-realtà tas-sostantiv.  Li tħares bl-għajnejn tal-fidi hu stedina biex ma tqattax ħajtek twaħħal it-tikketti, tikklassifika min ħaqqu jkun maħbub u min le, imma li tfittex toħloq il-kundizzjonijiet sabiex kull persuna tħossha maħbuba, l-aktar dawk li jħossuhom minsijin minn Alla għax minsijin minn ħuthom il-bnedmin.  Ħuti, min iħobb ma jitlifx iż-żmien joqgħod jibki lilu nnifsu imma dejjem jara li hemm xi ħaġa konkreta x’jista’ jagħmel.  F’daċ-ċentru tgħallimtu tħarsu lejn il-problemi, tagħrfuhom u taffrontawhom; tħallu li min jiċċalinġjakom u tippruvaw tiddixxernu bl-għajnejn tal-Mulej.  Kif kien qal il-Papa Ġwanni: “Qatt ma ltqajt ma’ pessimista li wasal biex jagħmel xi ħaġa tajba”.  Il-pessimisti qatt ma jagħmlu xejn tajjeb.  Il-pessimisti jirvinaw kollox.  Meta naħseb fil-pessimista, jiġini f’moħħi (l-eżempju) ta’ kejk sabiħ:  x’jagħmel il-pessimista?  Jitfa’ l-ħall fuqu u jirvina kollox. Il-pessimisti jirvinaw kollox.  Iżda l-imħabba tiftaħ il- bibien, dejjem!  Il-Papa Ġwanni kellu raġun: “Qatt ma ltqajt ma’ pessimista li wasal biex jagħmel xi ħaġa tajba”.  L-ewwel wieħed li mhux pessimista hu l-Mulej u l-ħin kollu jifttex jiftħilna lkoll it-toroq tal-Qawmien.  Il-Mulej għandu ottimiżmu li ma jitfejjaqx!  Dejjem irid jaħseb it-tajjeb dwarna, imexxina ‘l quddiem, jirriskja minħabba fina.  Kemm hu sabih meta l-komunitajiet tagħna jsiru mkejjen fejn tinbena t-tama!  L-ottimista hu raġel, mara li jnisslu t-tama fil-komunità.

Imma biex niksbu l-ħarsa t’Alla neħtieġu lill-oħrajn, hemm bżonn huma jgħallmuna nħarsu u nħossu kif jara u jħoss Ġesù; li qalbna tħabbat bl-istess sentimenti tiegħu.  Għalhekk ħadt gost meta Mitko u Miroslava, bl-anġlu ċkejken tagħhom Bilyana, qalulna li għalihom il-parroċċa dejjem kienet it-tieni dar, il-post fejn bil-talb komunitarju u bl-għajnuna ta’ persuni għeżież, isibu l-forza biex jibqgħu mexjin ‘il quddiem.  Parroċċa ottimista, li tgħin biex dak li jkun jimxi ‘l quddiem.

B’hekk il-parroċċa ssir dar qalb id-djar kollha u jkollha ħila tqiegħed lil Ġesù hemmhekk, fejn kull familja kuljum tfittex li taqla’ ħobżha.  Hemmhekk, f’salib it-toroq, hemm il-Mulej, li ma riedx isalvana b’xi digriet, imma daħal u jrid jidħol fl-intimu tal-familji tagħna u jgħidilna, bħala dixxipli tiegħu: “Il-paċi magħkom!”.  Sabiha dit-tislima tal-Mulej” “Il-paċi magħkom!”.  Fejn hemm it-tempesta, fejn hemm id-dlam, fejn hemm id-dubju, fejn hemm il-qtigħ il-qalb, il-Mulej jgħid: “Il-paċi magħkom!”.  U mhux jgħidha biss: iwettaqha wkoll.

Jien kuntent għax naf li dċl-”prinċipju”, li għandi pjaċir naqsam mal-miżżewġin, issibuha tajba: “Qatt tmorru torqdu rrabjati, lanqas lejl wieħed” (u minn dak li nista’ nara, din taħdem fostkom).  Hu prinċipju li jista’ jkun utli għall-insara kollha. Lill-koppji jien inħobb ngħidilhom biex ma jillitikawx, imma jekk jillitikaw, mhix problema għax li tirrabja hi ħaġa normali.  Hija normali.  U xi draba l-ġlieda tkun akbar – xi drabi jtiru l-platti – irrabjaw, imma bil-patt li tagħmlu paċi qabel tintemm il-ġurnata.  Qatt ittemmu l-ġurnata fi gwerra.  Intom miżżewġin: qatt ittemmu l-ġurnata miġġeldin.  U tafu għaliex?  Għax “il-gwerra bierda” tal-ġurnata ta’ wara tkun perikuluża ħafna.  “imma, padre, kif nistgħu nagħmlu paċi?  Fejn nista’ nitgħallem il-kliem biex inġib il-paċi?  Agħmel hekk (jagħmel ġest ta’ tmellisa): ġest, u ssir il-paċi.  Ġest ta’ mħabba waħdu.  Fhimtu?  Dan għall-koppji.  Hu minnu, li kif irrakkuntajtu, intom ukoll tgħaddu minn diversi provi; għalhekk hu meħtieġ noqgħodu attenti biex ir-rabja, il-mibegħda jew l-imrar ma jirkbux lil qalbna.  U f’dan irridu ngħinu lil xulxin, nieħdu ħsieb xulxin biex il-fjamma li l-Ispirtu xegħel fina ma tintefiex.

Intom tagħrfu, u tapprezzaw, li s-saċerdoti u s-sorijiet tagħkom jieħdu ħsiebkom.  Huma bravi!  Intuhom applaws.  Imma meta kont qed nismgħakom, laqatni dak is-saċerdot li ma stqarrx kemm kien bravu tul dawn is-snin tal-misniteru, imma tkellem dwar il-persuni li Alla qiegħed maġenbu biex jgħinuh isir ministru tajjeb t’Alla.  U dawn il-persuni huma intom.

Il-poplu t’Alla jrodd ħajr lir-ragħaj tiegħu u r-ragħaj jagħraf li jitgħallem kif jemmen – attenti għal dan: jitgħallem ikun bniedem ta’ twemmin – bl-għajnuna tan-nies tiegħu, tal-familja tiegħu u fosthom.  Meta saċerdot jew persuna konsagrata, anki isqof bħali, titbiegħed mill-poplu t’Alla, il-qalb tiksaħ u titlef il-ħila li temmen bħalma jemmen il-poplu t’Alla.  Għalhekk togħġobni din l-affermazzjoni: il-poplu t’Alla jgħin lill-ikkonsagrati – kemm jekk huma saċerdoti, isqfijiet jew sorijiet – biex ikunu bnedmin ta’ emmna.  Il-poplu t’Alla hu komunità ħajja li ssostni, takkumpanja, tintegra u tgħani.

Qatt mifrudin, iżda magħqudin, kull wieħed u waħda tgħallmu kunu sinjal tal-barka t’Alla għall-oħrajn.  Mingħajr il-poplu tiegħu s-saċerdot jitlef l-identità tiegħu u mingħajr ir-rgħajja tiegħu l-poplu jinqasam biċċiet.  L-għaqda tar-ragħaj li jsostni u jitqabad għall-poplu tiegħu u l-poplu li jsostni u jitqabad għar-ragħaj tiegħu.  Din hi ħaġa kbira!  Kulħadd jiddedika ħajtu għall-oħrajn.  Ħadd ma jista’ jgħix għalih waħdu, aħna ngħixu għall-oħrajn.  Dan kien qalu San Pawl fl-ittri tiegħu: ”Ħadd ma jgħix għalih waħdu”.  “Padre, jien naf persuna li tgħix għal rasha”.  U dik il-persuna hi hienja?  Għandha ħila tagħti ħajjitha għall-oħrajn?  Għandha ħila tidħaq?”  Dawn huma l-persuni egoisti.  Huwa l-poplu saċerdotali li flimkien mas-saċerdot jista’ jgħid: “Dan hu Ġismi mogħti għalikom”.  Dan hu l-poplu t’Alla marbut mas-saċerdot.  B’hekk nitgħallmu nkunu Knisja-familja-komunità li tilqa’, tisma’, takkumpanja, tagħti każ tal-oħrajn biex b’hekk turi l-veru wiċċ tagħha, li hu l-wiċċ tal-omm.  Il-Knisja hija omm.  Knisja-omm li tgħix u tagħmel tagħha l-problemi ta’ wliedha bla ma toffrilhom tweġibiet “ready-made”.  Le, meta l-ommijiet ikollhom iwieġbu għar-realtajiet ta’ wlidhom, jgħidu dak li jiġihom f’moħħhom.  L-ommijiet m’għandhomx tweġibiet “ready-made”: iwieġbu minn qalbhom, bil-qalb ta’ omm.  L-istess il-Knisja, dil-Knisja ffurmata minna lkoll, poplu u saċerdoti flimkien, isqfijiet, persuni konsagrati, ilkoll flimkien, ifittxu t-toroq tal-ħajja, it-toroq tar-rikonċiljazzjoni; tfittex illi s-Saltna t’Alla tagħmilha preżenti.  Knisja-familja-komunità li tieħu f’idejha l-għoqod tal-ħajja, li spiss huma kobob kbar, u qabel tipprova tħollhom, tagħmilhom tagħha, teħodhom f’idejha u tħobbhom.  Hekk tagħmel l-omm: meta tara lil binha, lil bintha “f’għoqda” ta’ tant diffikultajiet, ma tikkundannax: tieħu fuha dawk id-diffikultajiet, dawk l-għoqod, f’idejha, tagħmilhom tagħha u ssolviehom.  Hekk hi Ommna l-Knisja.  Hekk għandna nħarsu lejha.  Hi l-omm li taċċettana kif aħna, bid-diffikultajiet tagħna u bi dnubietna wkoll.  Hija omm, dejjem taf tirranġa l-affarijiet.  Ma jidhrilniex li hu tant sabih ikollna omm bħal din?  Qatt titbegħedu, qatt ma għandna nitbegħdu mill-Knisja!  U jekk titbiegħed, titlef il-memorja tal-maternità tal-Knisja; tibda taħseb ħażin fil-Knisja ommok, u aktar ma titbiegħed, aktar dik l-immaġni ta’ omm issir xbieha ta’ “omm tar-rispett”.  Imma din l-omm tar-rispett tinsab f’qalbek.  Il-Knisja hi omm.

Familja fost il-familji – din hi Knisja – miftuha għax-xhieda, kif kienet qed tgħid is-soru, fid-dinja tal-lum il-fidi, it-tama u l-imħabba lejn il-Mulej u lejn dawk li Huwa jħobb b’mod preferenzjali. Dar bil-bibien miftuħin għax hi omm.  Lili laqtitni ħaġa li kien kiteb saċerdot kbir. Kien poeta u kien iħobb ħafna lill-Madonna.  Kien saċerdot midneb ukoll, kien konxju li hu midneb, imma kien imur quddiem il-Madonna u kien jibki quddiemha. Darba kiteb poeżija li fiha talab maħfra lill-Madonna u wiegħed lilu nnifsu li qatt ma jitbiegħed mill-Knisja.  Kien kiteb hekk: “Illejla, Sinjura, il-wegħda hi sinċiera.  Iżda f’kull kif, tinsiex tħalli ċ-ċavetta min-naħa ta’ barra”.  Marija u l-Knisja qatt ma jsakkru minn ġewwa!  Dment li jagħlqu l-bieb dejjem iħallu ċ-ċavetta barra: int tista’ tifaħ.  U din hi t-tama tagħna.  It-tama tar-rikonċiljazzjoni.  “Padre, inti tgħid li l-Knisja u l-Madonna huma dar bil-bibien miftuħa, imma kieku taf, padre, kemm affarijiet koroħ għamilt tul ħajti: għalija l-bibien tal-Knisja, anki l-bibien ta’ qalb il-Madonna, magħluqin” - “Għandek raġun, magħluqin, imma ersaq, ħares sewwa u ssib iċ-ċavetta fuq in-naħa ta’ barra.  Hekk għamel, iftaħ u idħol.  M’hemmx għalfejn iċċempel il-qanpiena ta’ barra.  Iftaħ b’dik iċ-ċavetta li ssib hemmhekk”.  U dan jgħodd għall-ħajja kollha!

F’das-sens għandi “biċċa xogħol żgħira” għalikom.  Intom ulied fil-fidi tax-xhieda l-kbar li kellhom ħila jkunu xhieda tal-imħabba t’Alla lejn dawn l-artijiet b’ħajjithom.  L-aħwa Ċirillu u Metodju, irġiel qaddisin b’ħolm kbir, kienu konvinti li l-mod l-aktar awtentiku biex titkellem ma’ Alla kien li tagħmel dan bil-lingwa tiegħek.  Dan imliehom bi qlubija tant li qatugħa li jittraduċu l-Bibbja ħalli ħadd ma jibqa’ nieqes minn dil-Kelma li tagħti l-ħajja.

Illum, li tkun dar bil-bibiem miftuħin, fuq il-passi ta’ Ċirillu u Metodju, ifisser li tagħraf tkun qalbieni u kreattiv biex issaqsi lilek innifsek kif l-imħabba t’Alla għalina tista’ tittraduċiha b’mod konkret u li jinftiehem, mal-ġenerazzjonijiet iż-żgħażagħ.  Jeħtieġ inkunu qalbiena, kuraġġużi. Nafu u nġarrbu l-fatt li “ż-żgħażagħ, fl-istrutturi tas-soltu spiss mhumiex isibu tweġibiet għat-tħassib, għall-ħtiġijiet, għall--problemi u għall-ġrieħi tagħhom” (Eż App. Post sinodali Christus vivit, 202).  Dan jitlob minna sforz ġdid ta’ immaġinazzjoni biex, bħala komunità, nippruvaw nilħqu qlubhom, insiru nafu l-istennija tagħhom u ninkoraġġixxu l-ħolm tagħhom – familja li ssostni, takkumpanja u tistieden biex il-ġejjieni jħarsu lejh bit-tama.  Tentazzjoni kbira li għandhom il-ġenerazzjonijiet il-ġodda hi n-nuqqas tal-għeruq, għeruq li jirfduhom, u dan iwassalhom biex jaqtgħu l-għeruq u jaqgħu f’solitudni kbira.  Fil-ħin li jħossuhom imsejħin biex jesprimu l-potenzjal kollu tagħhom, bosta drabi, iż-żgħażagħ tagħna jibqgħu nofs triq minħabba l-frustrazzjonijiet u d-delużjonijiet li jġarrbu, għax m’għandhomx għeruq fuqhiex jistrieħu biex iħarsu ‘l quddiem (cfr ibid., 179-186).  U dan jiżdied meta jsibu ruħhom imġiegħla jħallu pajjiżhom, il-patrija u l-familja tagħhom. 

Irrid nisħaq fuq dan li għidt dwar iż-żgħażagħ, li bosta drabi jitilfu l-għeruq.  Illum fid-dinja hemm żewġ gruppi ta’ bnedmin li jsofru ħafna: iż-żgħażagħ u l-anzjani.  Irridu nlaqqgħuhom.  L-anzjani huma l-għeruq tas-soċjetà tagħna, ma nistgħux inkeċċuhom mill-komunitajiet tagħna, huma l-memorja ħajja tal-fidi tagħna.  Iż-żgħażagħ jeħtieġu l-għeruq, il-memorja.  Naraw li dawn jikkomunikaw ma’ xulxin, mingħajr biża’.  Hemm profezija sabiha tal-Profeta Ġoel: “Ix-xjuħ joħolmu u ż-żagħażagħ iħabbru” (cfr 3,1).  Meta ż-żgħażagħ jiltaqgħu mal-anzjani u l-anzjani maż-żgħażagħ, l-anzjani jerġgħu jieħdu l-ħajja, jerġgħu jibdew joħolmu u ż-żgħażagħ jiksbu l-kuraġġ mill-anzjani, jimxu ‘l quddiem u jibdew jagħmlu dak li hu ferm importanti f’ħajjithom, jiġifieri jfasslu l-ġejjieni.  Hemm bżonn li ż-żgħażagħ ifasslu l-ġejjieni, imma dan jista’ jsir biss dment li għandhom l-għeruq tax-xjuħ.  Kienu jitbissmu... għandhom teżor fihom.  U kien hemm tant żgħażagħ li kienu qed isellmu wkoll u jitbissmu. Ħalli jiltaqgħu!  Ħalli l-anzjani jagħtu liż-żgħażagħ il-ħila li jfasslu l-ġejjieni, jiġifieri li jgħixu l-futur.  Din hija l-logħba tagħna.  U ma nibżgħux.  Naċċettaw sfidi ġodda bil-kundizzjoni li nagħmlu kull sforz b’kull mezz sabiex lil niesna ma jonqsilhomx id-dawl u l-faraġ li jiġu mill-ħbiberija ma’ Ġesù, ta’ komunità ta’ fidi li ssostniehom u ta’ xefaq li dejjem jibqa’ jistimula u jġedded u jtihom sens u ħajja (cfr Eż. App. Il-Ferħ tal-Vanġelu, 49).  Ma ninsewx li l-isbaħ paġni tal-ħajja tal-Knisja nkitbu meta l-Poplu t’ Alla, bil-kreattività, beda jimxi biex ifittex li l-imħabba t’Alla jsarrafha f’kull waqt tal-istorja bl-sfidi li kien jiltaqa’ magħhom tul għonq it-triq.  Il-poplu magħqud, il-Poplu t’Alla bis-sensus fidei (sens tal-fidi) li hu karatteristiku tiegħu.  Sabiħ li intom tistgħu torbtu fuq storja kbira mgħejxha, imma huwa isbaħ li tkunu konxji li lilkom ingħatalkom li tiktbu dak li għad irid jiġi.  Dawn il-paġni għadhom ma nkitbux.  Tridu tiktbuhom intom.  Il-ġejjieni f’idejkom, il-ktieb tal-ġejjieni tridu tiktbuh intom.  Tgħejew qatt tkunu Knisja li tkompli tnissel, minkejja l-kuntradizzjonijiet kollha, in-niket u anki tant faqar, imma Knisja Omm li bla heda tagħmel l-ulied, tiġġenera l-ulied meħtieġa għal din l-art fil-bidu tas-seklu XXI, b’widna miftuħa għall-Evanġelju u l-oħra għall-qalb tal-poplu tagħkom.  Grazzi..... għadni ma spiċċajtx!  Se nitturmentakom ftit ieħor – Grazzi ta’ dil-laqgħa sabiha.  U bi ħsiebi fil-Papa Ġwanni, nixtieq li l-barka li se ntikom issa tkun tmellisa tal-Mulej lil kull wieħed u waħda minnkom.  Hu kien ta dil-barka bl-awgurju li tkun tmellisa; dik il-barka li kien ta fid-dawl tal-qamar.

Nitolbu flimkien, nitolbu lill-Madonna li hi x-xbieha tal-Knisja.  Itolbu bil-lingwa tagħkom.  (Jirreċitaw is-Sliema bil-Bulgaru).

Barka

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber