VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU  FRANĠISKU

FIL-BULGARIJA U L-MAĊEDONJA TAT-TRAMUNTANA

LAQGĦA MAL-AWTORITAJIET, IS-SOĊJETÀ ĊIVILI U L-KORP DIPLOMATIKU

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Pjazza Atanas Burov (Sofija
Il-Ħadd, 5 ta’ Mejju, 2019

 

Sur President,
Sur Prim Ministru,
Illustri Membri tal-Korp Diplomatiku,
Awtoritajiet Distinti,
Rappreżentanti tad-diversi denominazzjonijiet,
Għeżież ħuti,
Christos vozkrese!

 

Jien hieni li ninsab il-Bulgarija, imkien ta’ laqgħa bejn diversi kulturi u civiltajiet, pont bejn l-Ewropa tal-lvant u dik tan-nofsinhar, bieb miftuh fuq il-lvant qrib; art li fiha mħawwlin għeruq insara antiki, li jmantnu l-vokazzjoni ta’ mkien ta’ laqgħa kemm għar-reġjun kif ukoll għall-komunità internazzjonali.  Hawnhekk, bir-rispett lejn il-karatteristiċi speċifiċi, id-diversità hi meqjusa bħala opportunità, rikkezza, u mhux bħala raġuni ta’ kuntrast.

Insellem minn qalbi lill-Awtoritajiet tar-Repubblika u rroddilhom ħajr għall-istedina li għamluli biex inżur il-Bulgarija.  Irrodd ħajr lis-Sur President għall-kliem ta’ kortesija li ndirizzali biex jilqagħni f’dil-pjazza storika li ġġib isem l-istatista Atanas Burov, li kien daq l-iebes ta’ reġim li ma riedx jaċċetta l-libertà tal-ħsieb.

B’rispett nibgħat it-tislima tiegħi lill-Qdusija Tiegħu l-Patrijarka Neofit – li se niltaqa’ miegħu dalwaqt – lill-Metropoliti u lill-Isqfijiet tas-Santu Sinodu, lill-fidili kollha tal-Knisja Ortodossa Bulgara.  Nagħti tislima ta’ affezzjoni lill-Isqfijiet, lis-saċerdoti, lir-reliġjużi rġiel u nisa u lill-membri kollha tal-Knisja Kattolika, li ġejt biex inwettaq fil-fidi u biex ninkoraġġihom fil-mixja tal-ħajja tagħhom ta’ kuljum u tax-xhieda nisranija.

Nagħti tislima minn qiegħ qalbi lill-insara lill-komunitajiet ekkleżjali l-oħra, lill-membri tal-komunità Għebrajka u lill-fidili tal-Iżlam u magħkom nafferma mill-ġdid “il-konvinzjoni kbira li l-veru tagħlim tar-reliġjonijiet jistedinna biex nibqgħu ankrati mal-valuri tal-paċi; biex insostnu l-valuri tal-għarfien reċiproku, tal-fratellanza umana u tal-konvivenza komuni” (Dokument dwar il-fratellanza umana, Abu Dhabi, 4 ta’ Frar, 2019).  Napprofittaw ruħna mill-ospitalità li qed joffrielna l-poplu Bulgaru sabiex kull reliġjon, bis-sejħa li tmexxi ‘l quddiem l-armonija u ftehim, tgħin fit-tisħiħ ta’ kultura u ta’ ambjent mirfudin minn rispett sħiħ lejn il-persuna umana u d-dinjità tagħha, bit-twaqqif ta’ kollegamenti vitali bejn iċ-ċiviltajiet, bis-sensibbiltà u t-tradizzjonijiet differenti filwaqt li tirrifjuta kull vjolenza u impożizzjoni.  B’hekk ikunu megħluba dawk li b’kull mezz ifittxu li jimmmaipolawha u jistrumentaliżżawha.

Idealment, iż-żjara tiegħi tal-lum tintrabat ma’ dik li għamel San Ġwanni Pawlu II f’Mejju tal-2002 u qed issir fit-tifkira għażiża tal-preżenza f’Sofja, għal kważi għaxar snin, ta’ dak li żmien ilu kien il-Delegat Appostoliku, Mons. Angelo Giuseppe Roncalli.  Dan baqa’ dejjem jgħożż f’qalbu sentimenti ta’ gratitudni u stima kbira għan-nazzjon tagħkom, tant li kien afferma illi, “immur fejn immur, dari tkun dejjem miftuha, mingħajr distinzjoni bejn kattoliku u ortodoss, imma biss: għal ħija mill-Bulgarija (cfr Omelija, 25 ta’ Diċembru, 1934).  San Ġwanni XXIII kien ħadem bla heda biex iseddaq il-kollaborazzjoni fraterna bejn l-insara kollha u bil-Konċilju Vatikan II, li kien laqqa’ u mexxa fl-ewwel fażi, kien ta impuls kbir u inċisiv lill-iżvilupp tar-relazzjonijiet ekumeniċi.

Huwa riżultat ta’ dawn l-avvenimneti providenzjali, illi mill-1986 ‘l hawn – għalhekk minn kważi ħamsin sena ‘lhawn – delegazzjoni uffiċjali mill-Bulgarija, magħmula mill-awtoritajiet ċivili u ekkleżjastiċi l-aktar għolja, kull sena żżur il-Vatikan fl-okkażjoni tal-festa tal-Qaddisin Ċirillu u Metodju.  Huma kienu evanġelizzaw lill-popli slavi u kienu huma li taw bidu għall-iżvilupp tal-lingwa u l-kultura tagħhom, u, fuq kollox, (għall-iżvilupp) ta’ frott dejjiemi u abbundanti ta’ xhieda kristjana u qdusija.

Ikunu mberkin il-Qaddisin Ċirillu u Metodju, kompatruni tal-Ewropa, li bit-talb tagħhom, bid-dehen tagħhom u bil-kedda appostolika unanimi tagħhom huma ta’ eżempju għalina u, wara aktar minn millennju, jibqgħu jkunu ta’ ispirazzjoni għal djalogu għammiel, armonija, laqgħa fraterna bejn il-Knejjes, l-Istati u l-popli!  Jalla l-eżempju jiddi tagħhom iqanqal għadd kbir ta’ imitaturi u fi żmienna wkoll jibni mogħdijiet ġodda ta’ paċi u armonija!

Issa, f’dal-perjodu storiku, tletin sena wara t-tmiem tar-reġim totalitarju li kien jassar il-libertà u l-inizjattivi, il-Bulgarija qed taffronta l-konsegwenzi tal-emigrazzjoni, li seħħet dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, ta’ aktar minn żewġ miljun ċittadini tagħha li telqu jfittxu opportunitajiet ġodda tax-xogħol.  Fl-istess ħin, il-Bulgarija – bħal pajjiżi oħra tal-Kontinent il-Qadim – qed tħabbat wiċċha ma dak li nistgħu nsejħulu “xitwa ġdida”: id-demografija, li niżlet qiesha purtiera ffriżata fuq parti kbira mill-Ewropa, bħala konsegwenza tan-nuqqas ta’ fiduċja fil-ġejjieni.  It-tnaqqis fit-twelid flimkien mal-mewġa kbira ta’ migrazzjoni, wasslet biex bosta villaġġi u bliet jisfaw abbandunati u mneżżgħin mill-popolazzjoni.  Minbarra dan, il-Bulgarija qed tħabbat wiċċha mal-fenomenu ta’ min irid jidħol fil-konfini tagħha biex jaħrab minn gwerer u kunflitti jew mill-miżerja, u li qed jipprova jasal b’kull mod fil-postijiet l-aktar għonja tal-koninent ewropew, biex ifittex opportunitajiet ġodda ta’ eżistenza jew sempliċiment bħala kenn żgur.

Sur President,

jiena naf b’liema mpenn il-mexxejja ta’ dal-pajjiż ilhom snin jagħmlu ħilithom kollha biex joħolqu l-kundizzjonijiet ħalli, l-aktar iż-żgħażagħ, ma jkollhomx għalfejn jemigraw.  Nixtieq ninkoraġġikom tkomplu f’dit-triq u tkomplu tagħmlu kull sforz biex isseddqu l-kundizzjonijiet favorevoli sabiex iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jinvestu l-enerġiji friski tagħhom u jfasslu l-ġejjieni personali u familjari tagħhom billi fil-partija jsibu l-kundizzjonijiet li jtuhom is-serħan ta’ ħajja denja.  U lilkom li tafu xi jfisser id-dramm tal-emigrazzjoni, ippermettuli nissuġġerilkom biex ma tagħlqux għajnejkom, qalbkom u jdejkom – kif inhi t-tradizzjoni tagħkom – lil min iħabbat fuq il-bibien tagħkom.

Pajjiżkom minn dejjem iddistingwa ruħu bħala pont bejn il-lvant u l-punent, bil-ħila li jiffavorixxi l-laqgħa bejn il-kulturi, l-etniji, iċ-ċiviltajiet u r-reliġjonijiet differenti, li ilhom sekli jgħammru flimkien fil-paċi.  L-iżvilupp tal-Bulgarija, anki dak ekonomiku u ċivili, jgħaddi bilfors mill-għarfien u l-valorizzazzjoni ta’ dil-karatteristika speċifika tiegħu.  Jalla din l-art li l-konfini tagħha jimmarkawhom ix-xmara Danubju u x-xtut tal-Baħar l-Iswed, tibqa’ tkun fertili bil-ħidma umli ta’ tant ġenerazzjonijiet u tibqa’ miftuha għall-iskambju kulturali u kummerċjali integrata fl-Unjoni Ewropea, u, mir-rabtiet solidi mar-Russaja u t-Turkija, toffri lil uliedha ġejjieni ta’ tama.

Alla jbierek il-Bulgarija, iżommha fil-paċi u jagħmilha prospera u hienja!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber