ŻJARA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU F’BARI

SEJĦA TAL-BIDU MILL-PAPA

GĦAT-TALBA EKUMENIKA GĦALL-PAĊI

Xatt il-Baħar

Is-Sibt 7 ta’ Lulju 2018

Għeżież Ħuti,

 

Ġejna pellegrini f’Bari, bit-tieqa miftuħa beraħ fuq il-Lvant fil-qrib, u ġibna magħna f’qalbna l-Knejjes tagħna, il-popli tagħna u l-ħafna persuni li għaddejjin minn sitwazzjonijiet ta’ tbatija kbira. Lil dawn ngħidulhom: “Aħna qegħdin qrib tagħkom”. Għeżież Ħuti, grazzi mill-qalb li ġejtu hawn b’ġenerożità u prontezza. U ninsab grat ħafna lejkom kollha li qed tilqgħuna f’din il-belt, belt tal-laqgħa, belt li tilqa’.

 

Fil-mixja komuni tagħna qed tweżinna l-Omm Qaddisa ta’ Alla, hawn meqjuma bħala Odegitria: dik li turina t-triq. Hawn jistrieħu r-relikwi ta’ San Nikola, isqof tal-Orjent li l-qima tiegħu tofroq l-ibħra u taqbeż il-konfini bejn il-Knejjes. Il-Qaddis tawmaturgu jidħol għalina biex ifejjaq il-ġrieħi li ħafna qed iġorru fihom. Hawn nikkontemplaw ix-xefaq u l-baħar u nħossuna mkebbsa biex ngħixu dan il-jum bil-ħsieb u l-qalb tagħna jħarsu lejn il-Lvant Nofsani, salib it-toroq ta’ ċiviltajiet u benniena tar-reliġjonijiet il-kbar monoteistiċi.

 

Hemm ġie jżurna l-Mulej, “xemx tielgħa mill-għoli” (Lq 1:78). Minn hemm xtered mad-dinja kollha d-dawl tal-fidi. Hemm nixxew l-għejun friski tal-ispiritwalità u tal-monakiżmu. Hemm għadhom sħaħ riti antiki uniċi u l-għana bla qies tal-arti sagra u tat-teoloġija, hemm jgħammar il-wirt ta’ Missirijiet kbar fil-fidi. Din it-tradizzjoni hi teżor li rridu nħarsuh bil-qawwa kollha tagħna, għax fil-Lvant Nofsani hemm l-għeruq tal-istess ruħ tagħna.

 

Imma fuq dan ir-reġjun hekk sabiħ niżlet, speċjalment fl-aħħar snin, għata ħoxna ta’ dlamijiet: gwerra, vjolenza u qerda, okkupazzjonijiet u ħafna xorta ta’ fundamentaliżmu, immigrazzjonijiet sfurzati u abbandun, kollox quddiem is-skiet ta’ bosta u bil-kompliċità ta’ ħafna. Il-Lvant Nofsani sar art ta’ nies li jkollha tħalli pajjiżha. U hemm ir-riskju li l-preżenza ta’ ħutna fil-fidi tiġi fix-xejn, bi tbiċċir tal-istess wiċċ ta’ dan ir-reġjun, għax Lvant Nofsani mingħajr Insara ma jkun Lvant Nofsani xejn.

 

Dan il-jum qed niftħuh bit-talb, biex id-dawl tas-Sema jxejjen id-dlamijiet tad-dinja. Diġà xegħelna, quddiem San Nikola, il-“musbieħ bi fjamma waħda”, simbolu tal-Knisja waħda. Flimkien nixtiequ llum nixegħlu fjamma ta’ tama. L-imsiebaħ li se nqiegħdu ħa jkunu sinjal ta’ dawl li għadu jilma fil-lejl. Fil-fatt, l-Insara huma dawl tad-dinja (ara Mt 5:14) mhux biss meta kollox ileqq madwarhom, imma anki meta, fil-mumenti mudlama tal-istorja, ma jirrassenjawx ruħhom għad-dalma li kollox taħfen fiha u jżommu mkebbsa l-ftila tat-tama biż-żejt tat-talb u tal-imħabba. Għax, meta ngħollu jdejna lejn is-sema fit-talb u meta nnewlu jdejna lil ħutna mingħajr ma nfittxu l-interess tagħna, jitkebbes u jilma n-nar tal-Ispirtu, Spirtu ta’ għaqda, Spirtu ta’ paċi.

 

Ejjew nitolbu magħqudin, biex il-Mulej tas-sema jagħtina dik il-paċi li s-setgħanin tal-art għadu ma rnexxielhomx isibu. Mix-xatt tan-Nil sal-Wied tal-Ġordan u lil hemm, hija u tgħaddi mill-Oronti sat-Tigri u l-Ewfrat, terġa’ tidwi l-għajta tas-Salm: “Is-sliem għalik!” (122:8). Għal ħutna li qed ibatu u għal ħbiebna ta’ kull poplu u twemmin, intennu: Is-sliem għalik! Mas-salmista nitolbu b’mod partikulari għal Ġerusalemm, belt qaddisa maħbuba minn Alla u midruba mill-bnedmin, li fiha l-Mulej għadu jibki: Is-sliem għalik!

 

Is-sliem: hi l-għajta ta’ tant Abelijiet tal-lum li titla’ sa quddiem it-tron ta’ Alla. Għalihom ma nistgħux iżjed inħallu jingħad, fil-Lvant Nofsani bħal f’kull post ieħor fid-dinja: “Jaqaw jien għassies ta’ ħija?” (Ġen 4:9). L-indifferenza toqtol, u aħna rridu nkunu vuċi kontra l-omiċidju tal-indifferenza. Irridu nagħtu leħen lil min m’għandux, lil min jista’ biss jibla’ d-dmugħ, għax il-Lvant Nofsani llum qed jibki, illum qed ibati u jibqa’ ħalqu magħluq, waqt li oħrajn iżebilħuh xħin ifittxu l-poter u l-għana. Għaċ-ċkejkna, għas-sempliċi, għall-miġruħa, għal dawk li Alla jinsab fuq in-naħa tagħhom, illum nitolbu: Is-sliem għalik! “Alla ta’ kull faraġ” (2 Kor 1:3), li jfejjaq il-qlub maqsuma u jinfaxxa l-ġrieħi (ara Salm 147:3), illum jisma’ t-talba tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard