ŻJARA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU F’BARI

KELMTEJN TAL-PAPA

FIL-KONKLUŻJONI TAD-DJALOGU

Sagrat tal-Bażilika ta’ San Nikola

Is-Sibt 7 ta’ Lulju 2018

 

 

Għeżież ħuti,

 

Inħossni grat ħafna lejn il-qsim li kellna l-grazzja ngħixu bejnietna. Għenna lil xulxin niskopru mill-ġdid il-preżenza tagħna ta’ Nsara fil-Lvant Nofsani, bħala aħwa. Din tista’ tkun iżjed profetika skont kemm tagħti xhieda ta’ Ġesù Prinċep tal-paċi (ara Is 9:5). Hu ma jislitx ix-xabla, imma jitlob lil tiegħu biex iqegħduha lura fil-lant tagħha (ara Ġw 18:11). Anki l- Knisja hi mġarrba mil-loġika tad-dinja, loġika ta’ setgħa u ta’ gwadann, loġika mgħaġġla u ta’ konvenjenza. U hemm imbagħad id-dnub tagħna, l-inkoerenza bejn il-fidi u l-ħajja, li ddallam ix-xhieda. Inħossu li għandna nerġgħu nikkonvertu għall-Vanġelu, garanzija ta’ libertà awtentika, u li dan nagħmluh b’urġenza issa, f’dan il-lejl tal-agunija tal-Lvant Nofsani. Bħal f’dak il-lejl kiebi tal-Ġetsemani, mhux sa jkunu l-ħarba (ara Mt 26:56) jew ix-xabla (ara Mt 26:52) li sa jantiċipaw is-sebħ kollu dawl tal-Għid, imma d-don tagħna nfusna f’xebh mal-Mulej.

 

Il-bxara t-tajba ta’ Ġesù, mislub u rxoxt għall-imħabba tagħna, waslet għandna mill-artijiet tal-Lvant Nofsani, u rebħet il-qalb tal-bniedem tul is-sekli għax hi marbuta mhux mas-setgħat tad-dinja, imma mal-qawwa sempliċi tas-salib. Il-Vanġelu jimpenjana għal konverżjoni ta’ kuljum lejn Alla, biex insibu fih biss iċ-ċertezza u l-faraġ tagħna, biex inxandruh lil kulħadd u minkejja kollox. Il-fidi tas-sempliċi, b’għeruqha hekk fondi fil-Lvant Nofsani, hi għajn li minnha nixorbu biex naqtgħu l-għatx u nissaffew, kif jiġri meta nerġgħu lura għall-għeruq tagħna, billi mmorru pellegrini f’Ġerusalemm, fl-Art Imqaddsa jew fis-santwarji tal-Eġittu, tal-Ġordanja, tal-Libanu, tas-Sirja, tat-Turkija u tal-imkejjen imqaddsa l-oħra ta’ dawk ir-reġjuni.

 

Imqawwija minn xulxin, iddjalogajna bħal aħwa. Tajna sinjal li l-laqgħa u l-għaqda dejjem għandna nfittxuhom, bla biża’ mid-diversità. Hekk ukoll il-paċi: għandna nikkultivawha anki fl-artijiet niexfa tat-tilwim, għax illum, minkejja kollox, m’hemmx alternattiva possibbli għall-paċi. Mhuwiex il-waqfien mill-ġlied garantit mill-ħitan u l-wirjiet ta’ saħħa li sa jġib il-paċi, imma r-rieda vera ta’ smigħ u djalogu. Aħna nħabirku biex nimxu, nitolbu u naħdmu, u nitolbu li l-arti tal-laqgħa tirbaħ fuq l-istrateġiji tal-ġlied, li flok il-wiri ta’ sinjali ta’ poter kollha theddid jidħol il-poter ta’ sinjali ta’ tama: nies ta’ rieda tajba u ta’ twemmin differenti li ma jibżgħux jitkellmu ma’ xulxin, jilqgħu r-raġunijiet tal-oħrajn u jieħdu ħsieb ta’ xulxin. Hekk biss, billi naraw li ħadd ma jonqsu l-ħobż u x-xogħol, id-dinjità u t-tama, li l-istorbju tal-gwerra jinbidel f’għana ta’ sliem.

 

Biex nagħmlu dan, hu essenzjali li min għandu s-setgħa f’idejh saflaħħar jingħata b’mod deċiż għall-qadi veru tal-paċi u mhux tal-interessi tiegħu. Daqshekk profitt tal-ftit minn fuq dahar il-ħafna! Daqshekk okkupazzjoni ta’ artijiet li qed jifnu l-popli! Daqshekk nofs veritajiet tal-ftit flok it-tamiet ta’ kulħadd! Daqshekk użajna l-Lvant Nofsani għall-kisbiet li mhumiex tal-Lvant Nofsani!

 

Il-gwerra hi l-pjaga li traġikament qed tifni lil dan ir-reġjun maħbub. U l-vittmi fuq kollox huma n-nies li jgħixu fih. Tiġi f’moħħna s-Sirja hekk mifnija, b’mod partikulari l-provinċja ta’ Deraa. Hemm reġa’ beda ġlied ikrah li kkawża ċaqliq kbir ta’ persuni, b’ħafna nies esposti għal tbatijiet qliel. Il-gwerra hi bint il-poter u l-faqar. Tingħeleb biss billi ma nħallux tgħolli rasha l-loġika tas-supremazija u nqaċċtu l-miżerja. Tant kunflitti ġew imkebbsa anki minn xejriet ta’ fundamentaliżmu u ta’ fanatiżmu li, taħt il-qoxra ta’ pretensjonijiet reliġjużi, fir-realtà kasbru l-isem ta’ Alla, li hu paċi, u ppersegwitaw lil ħuhom li minn dejjem għex maġenbhom. Imma l-vjolenza dejjem hi mkebbsa mill-armi. Ma nistgħux ngħollu leħinna biex nitkellmu fuq il-paċi meta bil-moħbi qegħdin f’ġirja sfrenata għall-armamenti. Hi responsabbiltà gravi ħafna, li hi piż fuq il-kuxjenza tan-nazzjonijiet, b’mod partikulari ta’ dawk l-iżjed b’saħħithom. Ejjew ma ninsewx is-seklu li għadda, ma ninsewx il-lezzjonijiet ta’ Hiroshima u Nagasaki, ma nibdlux l-arijiet tal-Orjent, mnejn ġiena l-Verb tal-paċi, f’meded mudlama ta’ skiet. Daqshekk tilwim ta’ rjus iebsa, daqshekk kilba għall-gwadann, li ma tħares lejn wiċċ ħadd basta tikkapparra d-depożiti tal-gass u ż-żejt, bla kas ta’ xejn għad-dar komuni u bla skrupli għall-fatt li s-suq tal-enerġija jiddetta l-liġi tal-konvivenza bejn il-popli!

 

Biex niftħu mogħdijiet ta’ paċi, irridu allura ndawru ħarsitna lejn min qed jitlobna nħalluh jgħix fl-imħabba tal-aħwa lejn l-oħrajn. Ejja nieħdu ħsieb tal-preżenzi kollha, mhux biss dawk f’maġġoranza. Ejjew niftħu beraħ anki fil-Lvant Nofsani t-triq lejn id-dritt għaċ-ċittadinanza komuni, triq lejn futur imġedded. Anki l-Insara huma u għandhom ikunu ċittadini sħaħ, bi drittijiet indaqs.

 

Tassew imnikkta, imma qatt nieqsa mit-tama, indawru ħarsitna lejn Ġerusalemm, belt għall-popli kollha, belt unika u qaddisa għall-Insara, il-Lhud u l-Musulmani tad-dinja kollha, li l-identità u l-vokazzjoni tagħha għandhom jitħarsu lil hemm mill-ħafna kwistjonijiet u tensjonijiet, u li l-istatus quo tagħha għandu jiġi rrispettat skont kif maqbul mill-Komunità internazzjonali u mitlub ripetutement mill-komunitajiet Insara tal-Art Imqaddsa. Soluzzjoni nnegozjata bejn Iżraeljani u Palestinjani biss, u appoġġjata mir-rieda soda tal-Komunità tan-nazzjonijiet, tista’ twassal għal paċi stabbli u fit-tul, u tiggarantixxi l-koeżistenza ta’ żewġ Stati għal żewġ popli.

 

It-tama għandha l-wiċċ tat-tfal iż-żgħar. Fil-Lvant Nofsani, issa għal snin sħaħ, numru tal-biża’ ta’ ċkejknin qed jibku l-imwiet vjolenti fil-familja tagħhom u qed jaraw il-ħsara ssir lil art twelidhom, spiss bl-unika għażla quddiemhom tkun dik li jaħarbu. Din hi l-mewt tat-tama. Wisq għajnejn ta’ tfal għaddew il-parti l-kbira ta’ ħajjithom jaraw tifrik flok skejjel, jisimgħu it-theżżiż trux ta’ bombi flok l-istorbju ferrieħi tal-logħob. Hemm bżonn li l-umanità tisma’ – nitlobkom – il-karba tat-tfal, li fommhom ixandar is-sebħ tal-Mulej (ara Salm 8:3). U hija u tixxottalhom dmugħhom, id-dinja terġa’ ssib id-dinjità.

 

U la qed naħsbu fit-tfal – ma ninsewhomx it-tfal! –, minn hawn u ftit tal-ħin ieħor se nitilqu fl-arja, flimkien ma’ xi ħamiem, ix-xewqa tagħna għall-paċi. Ix-xewqa għall-paċi tista’ ttir ’il fuq iktar minn kull sħaba griża. Il-qlub tagħna jibqgħu magħquda u mdawra lejn is-Sema, fl-istennija li, bħal fiż-żminijiet tad-dilluvju, terġa’ lura l-fergħa ċkejkna tat-tama (ara Ġen 8:11). U l-Lvant Nofsani ma jibqax iżjed ark tal-gwerra bejn il-kontinenti, imma arka tas-sliem li tilqa’ l-popli u n-nies ta’ twemmin differenti. Maħbub Lvant Nofsani, ħa jitbiegħed minnek is-sħab iswed tal-gwerra, tal-poter, tal-vjolenza, tal-fanatiżmi, tal-gwadanni inġusti, tal-isfruttament, tal-faqar, tan-nuqqas ta’ ugwaljanza u tan-nuqqas ta’ għarfien tad-drittijiet. “Is-sliem għalik” (Salm 122:8) – flimkien: “Is-sliem għalik” [jirrepetu] –, fik il-ġustizzja, fuqek tistrieħ il-barka ta’ Alla. Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard