Santità, għeżież Isqfijiet,
Għeżież ħuti,
Fil-qofol ta’ din iż-żjara hekk mixtieqa u għalija diġà indimentikabbli, nixtieq irressaq quddiem il-Mulej il-gratitudni tiegħi, u nxerikha mal-innu kbir ta’ ġieħ u ta’ radd il-ħajr li jitla’ minn fuq dan l-altar. Santità, f’dawn il-jiem int ftaħti l-bibien tad-dar tiegħek u flimkien doqna “kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa li l-aħwa jgħammru flimkien” (Salm 133:1). Iltqajna, tgħannaqna bħal aħwa, tlabna flimkien, qsamna flimkien id-doni, it-tamiet u t-tħassib tal-Knisja ta’ Kristu, li flimkien nisimgħu t-taħbit ta’ qalbha, u li nemmnu u nħossu li hi waħda. “Ġisem wieħed u ruħ waħda, […] tama waħda; Mulej wieħed, fidi waħda, magħmudija waħda; Alla wieħed u Missier ta’ kulħadd, li hu fuq kulħadd, b’kulħadd u f’kulħadd” (Efes 4:4-6): tabilħaqq bil-ferħ nistgħu nagħmlu tagħna dawn il-kelmiet tal-Appostlu Pawlu! Hu sewwa sew f’isem l-Appostli mqaddsa li ltqajna hawn. L-imqaddsa Bartilmew u Taddew, li xandru għall-ewwel darba l-Vanġelu f’dawn l-artijiet, u l-imqaddsa Pietru u Pawlu, li taw ħajjithom għall-Mulej f’Ruma, waqt li jsaltnu ma’ Kristu fis-Sema, żgur jithennew jaraw l-imħabba ta’ bejnietna u x-xewqa konkreta tagħna għall-komunjoni sħiħa. Ta’ dan kollu rrodd ħajr lil Alla, għalikom u magħkom: Glorja lil Alla!
F’din il-Liturġija Divina l-kant solenni tat-Trisagion tela’ ’l fuq lejn is-sema, biex iweġġaħ il-qdusija ta’ Alla; tinżel kotrana l-barka tal-Aktar Għoli fuq l-art, għall-interċessjoni ta’ Omm Alla, tal-qaddisin u dutturi kbar, tal-martri, speċjalment tal-bosta martri li f’dan l-imkien ikkanonizzajtu s-sena l-oħra. “L-Iben il-Waħdieni li niżel hawn” ibierek hu l-mixja tagħna. L-Ispirtu s-Santu jagħmel minn dawk kollha li jemmnu qalb waħda u ruħ waħda: jiġi jwaqqafna mill-ġdid fl-għaqda. Għalhekk nixtieq insejjaħlu mill-ġdid, u nagħmel tiegħi xi kliem mill-isbaħ li daħal fil-Liturġija tagħkom. Ejja, o Spirtu, int “li bi krib bla waqfien bħal fl-uġigħ tal-ħlas tidħol għalina quddiem il-Missier ħanin, int li tħares il-qaddisin u ssaffi l-midinbin”; sawwab fuqna n-nar tiegħek ta’ mħabba u għaqda, ħa “jdewweb dan in-nar ir-raġunijiet għall-iskandlu tagħna” (Girgor ta’ Narek, Ktieb tal-Lamentazzjonijiet, 33, 5), qabelxejn in-nuqqas ta’ għaqda bejn id-dixxipli ta’ Kristu.
Ħa timxi fis-sliem il-Knisja Armena u tkun sħiħa l-komunjoni ta’ bejnietna. Tikbes f’kulħadd xenqa qawwija għall-għaqda, għal għaqda li m’għandhiex tkun “la sottomissjoni ta’ wieħed għall-ieħor, lanqas li jinbelgħu f’xulxin, imma pjuttost li jilqgħu d-doni kollha li Alla ta lil kull wieħed biex juri lid-dinja kollha l-misteru kbir tas-salvazzjoni mwettaq minn Kristu l-Mulej permezz tal-Ispirtu s-Santu” (Kliem il-Qdusija Tiegħu fil-Liturġija Divina, Knisja Patrijarkali ta’ San Ġorġ, Istanbul, 30 ta’ Novembru 2014).
Ejjew nilqgħu s-sejħa li qed jagħmlulna l-qaddisin, nisimgħu leħen l-umli u l-foqra, ta’ tant vittmi tal-mibegħda, li batew u ssagrifikaw ħajjithom għall-fidi; niftħu widnejna għall-ġenerazzjonijiet żgħażagħ, li qed jitolbu futur ħieles mill-firdiet tal-imgħoddi. Minn dan l-imkien qaddis ħa jixtered mill-ġdid dawl qawwi; ma’ dak tal-fidi, li minn San Girgor, missierkom skond il-Vanġelu, dawwal dawn l-artijiet, ħa jissieħeb id-dawl tal-imħabba li taħfer u tirrikonċilja.
Bħall-Appostli f’dik l-għodwa tal-Għid, li, minkejja d-dubji u l-inċertezzi, ħaffu lejn il-post tal-qawmien, miġbuda miż-żerniq ħelu ta’ tama ġdida (ara Ġw 20:3-4), hekk aħna wkoll, f’dan il-Ħadd imqaddes, ħa nisimgħu s-sejħa ta’ Alla għall-komunjoni sħiħa u nħaffu passejna lejha.
U issa, Santità, fl-isem ta’ Alla, nitolbok tberikni, tbierek lili u lill-Knisja Kattolika, tbierek din il-ġirja tagħna lejn l-għaqda sħiħa.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard