Fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni nixtieq irrodd ħajr lill-Mons. Anders Arborelius, Isqof ta’ Stokkolma għall-kliem ġentili li ndirizzali u nixtieq ukoll irrodd ħajr lill-Awtoritajiet u lil kull min ħejja u qed jieħu ħsieb din iż-żjara, għall-impenn tagħhom.

Insellem minn qalbi lill-President u lis-Segretarju Ġenerali tal-Federazzjoni Luterana Dinjija u lill-Arċisqof tal-Knisja tal-Isvezja. Insellem lill-membri tad-delegazzjonijiet ekumeniċi u tal-Korp Dimplomatiku preżenti għal din l-okkażjoni; u lil kull min għoġbu jingħaqad magħna f’diċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika.

Niżżi ħajr ‘l Alla li tani l-possibiltà li niġi f’din l-art u niltaqa’ magħkom, intom li bosta minnkom ġejjin minn diversi nħawi tad-dinja.  Bħala Kattoliċi aħna niffurmaw parti minn familja kbira mantnuta mill-istess komunjoni.  Ninkoraġġikom biex tgħixu l-fidi tagħkom bit-talb, bis-Sagramenti u bis-servizz ġeneruż lejn min hu fil-bżonn u qed ibati.  Inħeġġiġkom biex tkun l-melħ u d-dawl f’kull ċirkostanza li ssibu ruħkom fiha fil-ħajja, bil-mod kif tgħixu u ġġibu ruħkom, skont l-istil ta’ Ġesù u b’rispett kbir lejn l-aħwa ta’ Knejjes oħra, komunitajiet Insara oħra u lejn il-persuni kollha ta’ rieda tajba.

F’ħajjitna m’aħniex waħedna, għanda dejjem l-għajnuna u l-kumpanija tal-Verġni Marija li llum qed tippreżenta ruħna lilna bħala l-ewwel fost il-Qaddisin, l-ewwel dixxiplu tal-Mulej.  Nintelqu għal kollox taħt il-protezzjoni tagħha u nippreżentawlha l-uġigħ tagħna u l-ferħ tagħna, il-biżgħat u x-xewqat.  Inqiegħdu kollox taħt il-protezzjoni tagħha għax żgur li qed tħares lejna u tieħu ħsiebna bl-imħabba ta’ omm.

Għeżież ħuti, nitlobkom ma tinsewx titolbu għalija.  Jien ukoll, fit-talb tiegħi niftakar ħafna fikom.

U issa nsellmu lill-Verġni Marija bit-talba tal-Angelus.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber