IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 30 ta’ Diċembru, 2018

 

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum qed niċċelebraw il-festa tal-Familja Mqaddsa u l-liturġija tistedinna nirriflettu dwar l-esperjenza ta’ Marija, Ġużeppi u Ġesù, magħqudin b’imħabba immensa u mħeġġin b’fiduċja kbira f’Alla.  Is-silta tal-Evanġelju tal-lum (cfr Lq 2, 41-52) tirrakkuntalna l-vjaġġ tal-familja ta’ Nazaret lejn Ġerusalemm, għall-festa tal-Għid.  Imma fil-vjaġġ lura, il-ġenituri jindunaw li binhom ta’ tnax-il sena ma jinsabx mall-ġgajta.  Wara tliet ijiem ta’ tfittxija u biża’, isibuh fit-tempju, bilqiegħda mad-dutturi, mehdi jiddiskuti magħhom.  Malli raw lil Binhom, Marija u Ġużeppi instamtu (v. 48) u l-Omm uriet l-inkwiet tagħha u qaltlu: “missierek u jien, konna qed infitxxuk b’qalbna maqsuma” (ibid.)

L-istgħaġib – huma baqgħu mistgħaġbin – u l-inkwiet - “missierek u jien, inkwetati – huma ż-żewġ elementi li rrid niġbed l-attenzjoni tagħkom dwarhom: stgħaġib u nkwiet.

Fil-familja ta’ Nazaret qatt ma naqas l-istgħaġib, lanqas fil-mument dramamtiku bħalma kien l-għajbien ta’ Ġesù: hi l-ħila tal-istgħaġib quddiem Iben Alla li kien qed juri min hu ftit, ftit.  Hu l-istess stgħaġib li laqat ukoll lid-dutturi tat-tempju, li kienu mistgħaġbin “bid-dehen u t-tweġibiet tiegħu” (v. 47).  Iżda x’inhu l-istgħaġib, x’i jfisser tistgħaġeb?  L-istgħaġib u l-meravilja huma l-maqlub li kollox jittieħed ‘for granted’, il-maqlub tal-interpretazzjoni tar-realtà ta’ madwarna u tal-ġrajjiet tal-istorja skont il-kriterji tagħna biss.  Persuna li tagħmel dan ma tafx x’inhi l-meravilja, x’inhu l-istgħaġib.  Nistgħaġbu u ninfetħu għall-oħrajn, nifhmu r-raġunijiet tal-oħrajn: dan l-atteġġjament huwa importanti biex infejqu r-relazzjonijiet miksura ta’ bejn il-persuni, u huwa indispensabbli wkoll biex ifejjaq il-ġrieħi fl-ambjent familjari.  Meta jkun hemm il-problemi fi ħdan il-familji, jidhrilna dejjem li aħna għandna raġun u nagħlqu l-bibien għall-oħrajn.  Minflok, jeħtieġ naħsbu: “X’għandha tajjeb din il-persuna?”, u nistgħaġbu b’dan “it-tajjeb”.  Dan jgħin l-għaqda fil-familja.  Jekk għandkom problemi fil-familja, aħsbu ftit fit-tajjeb li għandu dan il-qarib li għandkom xi tgħidu miegħu, u ħalluh jimmeraviljakom.  Dan jgħin biex ifejjaq il-ġrieħi fil-familja.

It-tieni element li rrid nislet mill-Evanġelju hu l-inkwiet, li ġarrbu Marija u Ġużeppi meta ma setgħux isibu lil Ġesù.  Dan l-inkwiet juri ċar iċ-ċentralitjà ta’ Ġesù fi ħdan il-Familja Mqaddsa.  Il-Verġni u l-għarus tagħha kienu laqgħu dak l-Iben, kien jħarsuh u rawh jikber fiż-żmien, fl-għerf u fil-grazzja quddiemhom, imma fuq kollox, Hu kien qed jiikber fi qlubhom; u, ftit, ftit kienet tikber imħabbithom lejh u kienu jifhmuh dejjem aħjar.  Huwa għalhekk li l-familja ta’ Nazaret hi qaddisa: għax kienet iċċentrata fuq Ġesù, l-attenzjoni kollha ta’ Marija u Ġużeppi, it-tħassib tagħhom kienu kollha mmirati lejh.

L-inkwiet li huma ħassew matul it-tliet ijiem tal-għajbien ta’ Ġesù, għandu jkun l-inkwiet tagħna wkoll  meta nkunu bogħod minnu, meta nkunu bogħod minn Ġesù.  Għandna nħossuna nkwetati meta nkunu nsejna lil Ġesù għal aktar minn tliet ijiem, bla ma nitolbu, mingħajr ma naqraw l-Evanġelju, bla ma nħossu l-ħtieġa tal-preżenza tiegħu u tal-ħbiberija mimlija faraġ tiegħu.  U tant drabi jgħaddu l-ġranet bla ma niftakar f’Ġesù.  Imma dan hu ikrah, dan hu ikrah ħafna.  Għandna nħossuna inkwetati meta jiġru dawn l-affarijiet.  Marija u Ġużeppi fittxewh u sabuh fit-tempju waqt lil kien qed jgħallem: aħna wkoll, huwa l-aktar fid-dar ta’ Alla li nkunu nistgħu niltaqgħu mal-Imgħallem divin u nilqgħu l-messaġġ tas-salvazzjoni tiegħu.  Fiċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika aħna nġarrbu esperjenza ħajja ta’ Kristu; Hu jkelllimna, joffrilna Kelmtu, idawwalna, idawwal il-mixja tagħna, itina Ġismu fl-Ewkaristija li minnha niksbu l-enerġija biex naffrontaw id-diffikultajiet tal-ħajja ta’ kuljum.

U llum immorru lura d-dar b’dawn iż-żewġ kelmiet: stagħġib u nkwiet.  Naf nistgħaġeb meta nara t-tajjeb tal-oħrajn biex b’hekkk insolvi l-problemi familjari?  Jien ninkwieta meta nkun bogħod minn Ġesù

Nitolbu għall-familji kollha tad-dinja, speċjalment dawk li fihom, għal raġunijiet differenti, hemm nieqsa l-paċi u l-armonija.  U nqegħeduhom bil-fiduċja taħt il-protezzjoni tal-Familja Qaddisa ta’ Nazaret.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

nitolbu flimkien għal dawk kollha li fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo qed ibatu minħabba l-vjolenza u minħabba l-ebola.  Nawgura li lkoll jimpenjaw ruħhom biex iżommu klima ta’ paċi li tippermetti li l-elezzjonijiet isiru fil-paċi.  Nitolbu flimkien: “Is-sliem għalik, Marija...”.

Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini; lill-gruppi parrokkjali, lill-assoċjazzjonijiet u liż-żgħażagħ.  Illum nagħti tislima speċjali lill-familji li hawn preżenti.  Nagħtu applaws lill-familji li jinsabu hawn, kollha kemm huma, u wkoll lil dawk li qed jieħdu sehem magħna bit-televixin u bir-radju.  Il-familja hi teżor: jeħtieġ inħarsuha dejjem, niddefenduha.  Il-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret tipproteġikom u ddawlilkom dejjm il-mixja tagħkom.

Insellem lir-reliġjużi Mercedari, li ġew flimkien mal-ministranti minn diversi nħawi tal-Italja, kif ukoll lill-fidili minn Legnano u Gragnano.  Insellem lill-iscouts minn Villabate; lill-adoloxxenti li se jagħmlu l-Griżma mill-unità pastorali ta’ Codognè (djoċesi ta’ Vittorio Veneto) u lil dawk ta’ xi parroċċi mid-djoċesi ta’ Bergamo: Curno, Palazzago, Gromlongo, Barzana, Almenno.  U nsellem lil dawn iż-żewġ gruppi ta’ sorijiet bil-bandiera Spanjola u bil-bandiera Pollakka.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u tmiem is-sena hieni.  Intemmu s-sena bis-serenità. Irroddilkom ħajr mill-ġdid tal-awguri tagħkom u tat-talb tagħkom.  U komplu, jekk jogħġobkom, itolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti  mit-Taljan minn Joe Huber