PAPA FRANĠISKU
ANGELUS
Pjazza
San Pietru
Il-Ħadd,
30
ta’ Ġunju
2019
Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba!
Fl-Evanġelju tal-lum (ara Lq 9,51-62), San Luqa jagħti bidu għar-rakkont dwar l-aħħar vjaġġ ta’ Ġesù lejn Ġerusalemm, li jagħlaq f’kap 19. Hi triq twila, mhux biss fil-mili li Hu ried iterraq imma anki f’dak li hu spiritwali u teoloġiku biex titwettaq il-missjoni tal-Messija. Id-deċiżjoni ta’ Ġesù hi radikali u sħiħa, u dawk li jimxu warajh huma msejħin biex jitkejlu magħha. Illum, l-Evanġelista jpoġġi quddiemna tliet persunaġġi – nistgħu ngħidu li qed ipoġġi quddiemna tliet sitwazzjonijiet ta’ vokazzjoni – li juruna b’mod ċar x’inhu mitlub minn dawk li jridu jimxu wara Ġesù b’mod sħiħ.
L-ewwel persunaġġ wiegħed lil Ġesù: “Tmur fejn tmur, jien niġi warajk” (v. 57). Tweġiba ġeneruża! Iżda Ġesù wieġbu li l-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom, l-għasafar għandhom il-bejtiet, imma Bin il-Bniedem “m’għandux fejn imidd rasu” (v.58) – il-faqar assolut ta’ Ġesù. Filfatt, Ġesù ħalla d-dar ta’ ommu u missieru u ċċaħħad minn kull sigurta’ biex ixandar is-Saltna t’Alla lin-ngħaġ mitlufa tal-poplu tiegħu. B’hekk hu wera lilna, dixxipli tiegħu, li l-missjoni tagħna fid-dinja ma tistax tkun waħda statika, imma trid tkun mixja. In-nisrani hu itineranti. Min-natura tagħha stess, il-Knisja hi dejjem miexja, hi f’moviment, ma tistax tieqaf u tkun trankwilla, magħluqa fiha nnifisha. Il-Knisja trid tkun miftuħa għal orizzonti l-aktar kbar, hi mibgħuta – il-Knisja hi mibgħuta! – biex twassal l-Evanġelju fit-toroq u tilħaq il-periferiji umani u eżistenzjali. Dan hu l-ewwel persunaġġ.
Ġesù ltaqa’ mat-tieni persunaġġ u sejjaħlu b’mod dirett; iżda dan wieġbu: “Ħallini l-ewwel immur nidfen lil missieri” (v.59). Talab xi ħaġa leġittma, skont dak li jitlob il-kmandamemt: weġġah lil missierek u ‘l ommok (ara Eż 20, 12), Iżda b’danakollu Ġesù wieġbu: “Ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom” (v. 60). B’dan il-kliem provokattiv, Hu ried jisħaq li l-mixja tagħna warajh u t-tħabbira tas-Saltna t’Alla jridu jkunu fl-ewwel post ta’ ħajjitna u li jridu jiġu qabel realtajiet l-aktar importanti, bħalma hi l-familja. Il-ħtieġa urġenti li nħabbru l-Evanġelju biex inkissru l-katina tal-mewt u ninawguraw il-ħajja ta’ dejjem, ma tistax tammetti telf ta’ ħin, iżda titlob prontezza u disponibbilta’ . Għalhekk il-Knisja trid dejjem tibqa’ miexja; trid tkun deċiża, taġixxi bil-ħeffa f’kull mument mingħajr ma toqgħod tistenna.
It-tielet persunaġġ ukoll ried jimxi wara Ġesù, imma dan għamel kundizzjoni: ried l-ewwel imur isellem lil tad-dar. Iżda hu sama’ lill-Imgħallem jgħidlu: “Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura mhuwiex tajjeb għas-Saltna ta’ Alla” ( v.62). Min irid jimxi wara Ġesù ma jistax joqgħod jitbekka u jħares lura; il-mixja wara Ġesù titlob il-virtù tad-deċiżjoni.
Biex timxi wara Ġesù, il-Knisja trid tkun itineranti, trid taġixxi mill-ewwel, malajr u trid tkun deċiża. Il-valur ta’ dawn il-kundizzjonijiet li qed jimponi Ġesù – itineranza, prontezza u deċiżjoni – ma jinsabx filli ngħidu “le”, waħda wara l-oħra għal affarijiet tajbin u importanti fil-ħajja. L-aċċent irridu npoġġuh fuq l-objettiv prinċipali: li nsiru dixxipli ta’ Ġesù! Irridu nagħmlu għażla ħielsa, nafu li qed nagħmluha u nagħmluha biex inħobbu. Nagħmluha biex ngħidu ġrazzi lil Alla għall-grazzja bla qjies li tana, u mhux biex nippromwovu lilna nfusna. Inkella, din tkun ħaġa li tnikket! Gwaj għal dawk li jimxu wara Ġesù biex jippromwovu lilhom infushom, jiġifieri biex jagħmlu karriera, biex iħossuhom importanti jew jakkwistaw xi post ta’ prestiġju. Ġesù jridna li nkunu mimlija bl-imħabba għaliH u għall-Evanġelju. U din l-imħabba fil-qalb tagħna trid tissarraf fi qrubija, filli nkunu qrib ta’ ħutna, l-aktar ta’ dawk li għandhom bżonn iħossuhom milqugħa u mħarsa. Irridu ngħixu dak li għex Hu stess.
Nitolbu lil Marija Verġni, ikona tal-Knisja fil-mixja tagħha, biex tgħinna nimxu ferħana wara l-Mulej Ġesù, filwaqt li, b’imħabba mġedda, inħabbru lil ħutna l-oħrajn l-Aħbar it-Tajba tas-salvazzjoni.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard