IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 29 ta' Settembru, 2019

 

Għeżież ħuti,

nixtieq insellem lilkom ilkoll li ħadtu sehem f'dan il-mument ta' talb li bih aħna ġeddidna l-attenzjoni tal-Knisja lejn id-diveresi kategoriji ta' persuni vulnerabbli li jimmigraw.  F'għaqda mal-fidili tad-djoċesijiet kollha tad-dinja, iċċelebrajna l-Jum Dinji tal-Migrant u r-Rifuġjat, biex naffermaw mill-ġdid il-ħtieġa li ħadd ma jibqa' mtarraf mis-soċjetà, kemm jekk hu ċittadin li ilu żmien residenti kif ukoll dak li jiġi ġdid.

Biex nagħti aktar saħħa lil dan l-impenn, minn hawn u ftit ieħor se ninawgura l-iskultura li għandha bħala tema dal-kliem meħud mill-Ittra lil-Lhud: "Tinsewx tilqgħu lill-barranin; xi wħud bla ma jafu laqgħu lill-anġli" (13,2).  Din l-iskultura magħmula mill-bronż u t-tafal turi grupp ta'migranti ta' kulturi diversi u minn perjodi storiċi differenti.  Ridt din l-opra artistika hawn fi Pjazza San Pietru biex tfakkar lil kulħadd fl-isfida evanġelika tal-akkoljenza.

Għada, 30 ta' Settembru, fil-Kamerun se tiftaħ laqgħa ta' djalogu nazzjonali biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi diffiċli li ilha tifni l-pajjiż is-snin.

Filwaqt li nħossni qrib it-tbatijiet u t-tamiet tal-maħbub poplu tal-Kamerun, nistieden lil kulħadd biex jitlob ħalli dan id-djalogu jgħati l-frott u jwassal għal soluzzjonijiet ta' paċi ġusta u dejjiema, għall-ġid ta' kulħadd.

Marija Reġina tal-Paċi, tidħol għalina.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber