Il-Papa Frangisku

Angelus,

Il-Ħadd, 29 ta’ Settembru 2013

 

Għeżież ħuti,

qabel nispiċċaw din iċ-ċelebrazzjoni, nixtieq insellmilkom u nirringrazzjakom ilkoll tal-parteċipazzjoni tagħkom, speċjalment lill-katekisti li ġew minn ħafna partijiet tad-dinja.

Insellem b’mod partkolari lil ħija Il-Beatitudni Tiegħu Youhanna X, Patrijarka Grieg Ortodoss ta’ Antijokja u tal-Lvant kollu.  Il-preżenza tiegħu fostna tistedinna biex għal darb’oħra nitolbu għall-paċi fis-Sirja u fil-Lvant Nofsani.

Insellem lill-pellegrini li ġew rekbin fuq iż-żwiemel minn Assisi; kif ukoll il-Club Alpino Italiano, fil-150 anniversarji mit-twaqqif tiegħu.

Insellem mill-qalb lill-pellegrini ta’ Nicaragua, waqt li niftakar li s-saċerdoti u l-insara ta’ dan il-poplu qed jiċċelebraw bil-ferħ iċ-ċentinarju mit-twaqqif kanoniku tal-Provinċja ekkleżjastika tagħhom.

Bil-ferħ niftakru li l-bieraħ fil-Kroazja, ġie pproklamat Beatu s-saċerdot djoċesan Miroslav Bulešić, li miet martri fl-1947.  Infaħħru lill-Mulej li jagħti lid-dgħajfin il-qawwa li jkunu xhieda sħaħ sal-aħħar.

Issa nduru lejn Marija bit-talba tal-Angelus.

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia