Is-Solennità tal-Appostli San Pietru u San Pawl

PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Is-Sibt, 29 ta’ Ġunju 2019

 

 

Għeżież ħuti,  il-ġurnata t-tajba!

Il-Qaddisin, San Pietru u San Pawl, li llum qed nagħmlu l-festa tagħhom,  xi drabi narawhom fl-ikoni jsostnu l-binja tal-Knisja. Dan ifakkarna fil-kliem tal-Evanġelju tal-lum li fih Ġesù jgħid lil Pietru: “Inti Pietru u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi” (Mt 16,18). Hi l-ewwel darba li Ġesù  lissen il-kelma “Knisja”, iżda aktar milli naħsbu fuq il-kelma “Knisja”, nixtieq nistedinkom taħsbu fuq il-kelma “tiegħi”: il-Knisja tiegħi. Ġesù  ma jitkellimx fuq il-Knisja bħala realtà esterna, imma jesprimi l-imħabba kbira li għandu lejha: il-Knisja tiegħi.  Ġesù jħobbha lill-Knisja tiegħu; hu jħobbna. San Pawl kiteb hekk: “Kristu ħabb lill-Knisja u ta ħajtu għaliha” (Efes 5,25); l-Appostlu fissrilna li Ġesù ħabb lill-Knisja bħala l-għarusa tiegħu. Għall-Mulej, aħna m’aħniex grupp ta’ nies li jemmnu jew xi organizzazzjoni reliġjuża, aħna l-għarusa tiegħu. Minkejja l-iżbalji u t-tradimenti tagħna, Hu jħares lejn il-Knisja tiegħu b’tenerezza; iħobbha b’ fedeltà assoluta,. Bħalma qal lil Piteru, illum qed jgħid lilna lkoll: “Knisja tiegħi, Intom il-Knisja tiegħi”.

U aħna wkoll nistgħu ntennu:  il-Knisja tiegħi. U dan ma ngħiduhx fis-sens li għandna xi ħaġa li hi tagħna, imma ngħiduh b’ dik l-imħabba li fiha tinkludi lil kulħadd. Ma ngħiduhx biex inħossuna differenti mill-oħrajn, imma biex nitgħallmu kemm hi ħaġa sabiħa li noqogħdu  mal-oħrajn għax Ġesù jridna magħqudin mal-oħrajn u miftuħin għalihom.  Filfatt, il-Knisja mhijiex “tiegħi”  għax twieġeb  għal dak li rrid jien, għax-xewqat tiegħi, imma għax hi tħobbni u jien inħobbha. Hi tiegħi għax tieħu ħsiebi, u għax bħalma jagħmlu l-Appostli fl-ikona, jien ukoll insostniha. Kif? Bl-imħabba tal-aħwa. Jekk inħobbu lil xulxin bħal  aħwa, aħna nistgħu ngħidu: il-Knisja tiegħi.

F’ikona oħra, naraw lil San Pietru u San Pawl  iħaddnu lil xulxin. Dawn it-tnejn kienu tassew differenti minn xulxin: sajjied u fariżew b’esperjenza ta’ ħajja, karattri, imġiba  u sensibbiltà għal kollox differenti minn xulxin. Kellhom opinjonijiet differenti u ma naqsux id-dibattiti  bil-miftuħ bejn dawn it-tnejn (ara Gal 2,11 ss.). Iżda dak li kien jgħaqqadhom kien ferm  akbar: Ġesù kien il-Mulej tagħhom it-tnejn, flimkien kienu jgħidu: “Mulej tiegħi” lil dak li qal “il-Knisja tiegħi”.  Dawn  ħutna fil-fidi qed jistednuna biex niskopru mill-ġdid l-ferħ li aħna aħwa  fil-Knisja. F’din il-festa, li tgħaqqad lil dawn iż-żewġ Appostli tant differenti minn xulxin, tkun ħaġa sabiħa li kull wieħed  minna jgħid: “Nirringrazzjak  Mulej għal dik il-persuna li hi differenti minni: hi don għall-Knisja tiegħi”.

Aħna differenti minn xulxin, imma din id-differenza tagħmilna għonja; din hi l-fratellanza. Kemm hi ħaġa tajba  li napprezzaw il-kwalitajiet tal-oħrajn, li nirrikonoxxu d-doni tagħhom bla malinjità u għira. L-għira! L-għira ġġib magħha l-imrar; hi l-ħall tal-qalb. L-għajjurin għandhom ħarsa mimlija qrusa.  Ħafna drabi meta tiltaqa’ ma’  xi ħadd għajjur, jiġik li tistaqsi:  x’ħa għall-breakfast , kafe’ bil-ħalib jew ħall?  Għax l-għira hi qrusa; twassal lill-ħajja biex tiqras. Kemm hi ħaġa sabiħa, jekk minflok nagħrfu li aħna ta xulxin, għax naqsmu l-istess fidi, l-istess imħabba, l-istess tama, l-istess Mulej. Aħna nappartjenu għal xulxin u din hi xi ħaġa tassew sabiħa.  Nistgħu ngħidu: il-Knisja tagħna! Aħna aħwa!  

Fl-aħħar tal-Evanġelju Ġesù jgħid lil Pietru: “Irgħa n-ngħaġ tiegħi” (Ġw 21,17). Ġesù qed jitkellem dwarna, “in-ngħaġ tiegħu“ , b’dik l-istess tenerezza li biha jgħid il-Knisja tiegħi. X’imħabba kbira  għandu għalina Ġesù; b ‘liema tenerezza jħobbna!  Iħossna tiegħu. Din hi l-imħabba li tibni l-Knisja.

Ejjew illum bl-interċessjoni tal-Appostli  nitolbu l-grazzja li nħobbu ‘l-Knisja tagħna. Nitolbu għajnejn li permezz tagħhom nistgħu naraw aħwa fil-Knisja, qalb li  tilqa’ lill-oħrajn b’ dik l-imħabba tenera li Ġesù jħobb lilna. U nitolbu l-forza li neħtieġu  biex nitolbu għal min ma jaħsibhiex bħalna. Dak l-ieħor ma jaħsibhiex bħali: nitlob għalih.  Nitolbu u nħobbu,  mhux nitkellmu kontra dak li jkun, forsi minn wara dahru. Qatt m’għandna nitkellmu kontra dak li jkun, imma:  itolbu u ħobbu.  Nitolbu lill-Madonna li ġabret lill-Appostli flimkien u talbet magħhom (ara  Atti 1,14) biex tieħu ħsiebna  bħala aħwa fil-Knisja.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard