Għeżież ħuti il-jum it-tajjeb!

Ilbieraħ f’Würzburg (il-Ġermanja) ġiet dikjarat Beatu, Engelmar Unzeitig, saċerdot tal-Kongregazzjoni tal-Missjunarji ta’ Mariannhill.  Safa maqtul minħabba l-mibgħeda lejn il-fidi, fil-kamp tal-isterminju ta’ Dachau.  Għall-mibgħeda hu wieġeb bl-imħabba, għall-feroċja hu wieġeb bil-manswetudni.  Jalla l-eżempju tiegħu jgħinna nkunu xhieda tal-karità u tat-tama anki qalb it-tribulazzjonijiet.

Ningħaqad b’qalbi kollha mal-Isqfijiet tal-Messiku biex nagħti sapport lill-Knisja u lis-soċjetà favur il-familja u l-ħajja, li daż-żmien jeħtieġu attenzjoni pastorali u kulturali speċjali madwar id-dinja kollha.  U, minbarra hekk, niżgura lill-għażiż poplu Messikan mit-talb tiegħi ħalli tieqaf il-vjolenza li dal-ġranet laqtet anki lil xi saċerdoti.

Illum jitfakkar Il-Jum Dinji tal-Persuni Neqsin mis-Smigħ.  Nixtieq insellem lill-persuni neqsin mis-smigħ kollha, li huma rappreżentatti hawn ukoll, u ninkoraġġihom biex jagħtu sehemhom ħalli l-Knisja u s-soċjetà jkollhom dejjem il-ħila li jilqgħu lil kulħadd.

U fl-aħħar nagħti tislima speċjali lilkom ilkoll, katekisti l-aktar għeżież!  Grazzi tal-impenn tagħkom fil-Knisja għas-servizz tal-Evanġelju u biex tgħaddu l-fidi lill-oħrajn.  Il-Madonna tgħinkom tipperseveraw fil-fidi u b’ħajjitkom tkunu xhieda ta’ dak li intom tgħaddu lil ħaddieħor permezz tal-katekeżi.

Angelus Domini

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber