PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

26 ta' Mejju 2013

Pjazza San Pietru - Solennità tat-Trinità Qaddisa

Għeżież ħuti, bonġu! 

Dalgħodu għamilt l-ewwel viżta tiegħi f’parroċċa tad-djoċesi ta’ Ruma.  Inrodd ħajr lill-Mulej u nitlobkom titolbu għal dan is-servizz pastorali tiegħi għal din il-Knisja ta’ Ruma li għandha l-missjoni li tippresiedi fl-imħabba universali.

Illum huwa Ħadd is-Santissma Trinità.  Id-dawl ta’ żmien il-Għid il-Kbir u ta’ Għid il-Ħamsin kull sena jġedded fina l-ferħ u l-istagħġib tal-fidi: nafu li Alla mhux xi ħaġa vaga, Alla tagħna mhux Alla “spray”, huwa konkret, mhux astratt, imma għandu isem: “Alla huwa Mħabba”. Mhux imħabba sentimentali, emottiva, imma imħabba tal-Missier li huwa l-oriġni ta’ kull ħajja, l-imħabba tal-Iben li miet fuq is-salib u irxoxta, l-imħabba tal-Ispirtu li jġedded il-bniedem u id-dinja.  Meta naħsbu fuq li Alla huwa mħabba, jagħmlilna tant ġid, għaliex jgħallimna nħobbu, li nagħtu lilna nfusna għall-oħrajn kif Ġesù ta lilu nnifsu għalina, u jimxi magħna.  Ġesù jimxi magħna fit-toroq tal-ħajja.

Is-Santissma Trinità mhix prodott ta’ raġunament uman; hija il-wiċċ li bih Alla stess wera lilu nnifsu, mhux mill-għoli minn xi katedra, imma billi mexa ma’ l-umanità.  Huwa propju Ġesù li wriena lill-Missier u li wegħdna l-Ispirtu s-Santu li huwa nar, li jgħallimna dak kollu li aħna ma nafux, li ġewwa fina jiggwidana, li jagħtina l-ideat tajba u spirazzjonijiet tajba.

Illum infaħhru lil Alla mhux għal xi misteru partikolari, imma għaliH innifsu, għall-glorja immensa, kif jgħid l-innu liturġiku. Infaħħruh u nirringrazzjawh għaliex huwa Mħabba, u għaliex isejħilna biex nitħaddnu fil-komunjoni tiegħu, li hija l-ħajja ta’ dejjem.

Nafdaw it-tifħir tagħna f’idejn il-Verġni Marija.  Hija, l-aktar waħda umli fost il-ħlejjaq, grazzi għall-Kristu hija diġà laħqet il-għan tal-mixja terrena tagħha; hija diġà fil-glorja tat-Trinità.  Għalhekk Marija Omm tagħna , il-Madonna, tiddi għalina bħala sinjal ta’ tama żgura.  Hija Omm it-tama; fil-mixja tagħna, fit-triq tagħna, Hija hi Omm it-tama.  Hija l-Omm ukoll li tfarraġna, Omm il-faraġ u l-Omm li takkumpanjana fil-mixja.  Issa lkoll flimkien ħa nitolbu lill-Madonna, lill-Omm tagħna, li takkumpanjana fil-mixja.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Il-bieraħ f’Palermo, kien dikjarat Beatu Don Giuseppe Puglisi, saċerdot u martri, maqtul mill-mafja fl-1993.  Don Puglisi kien saċerdot eżemplari, dedikat speċjalment għall-pastorali taż-żgħażagħ. Eduka lit-tfal skont l-Evananġelju u neħħihom mid-dinja tal-kriminalità, u din fittxet li tegħlbu billi qatluh. Fil-verità, però, kien huwa li rebaħ, ma’ Kristu Irxoxt.

Jiena naħseb f’tant duluri ta’ irġiel u nisa, anke tfal, li huma sfruttati minn tant mafji, li jisfruttawhom billi jqabbduhom jagħmlu xogħol li jagħmilhom ilsiera, bil-prostituzzjoni, b’tant pressjonijiet soċjali.  Wara dawn l-isfruttamenti, wara dan l-iskjavitù, hemm mafji.  Nitolbu lill-Mulej biex jikkonverti l-qalb ta’ dawn il-persuni.  Ma jistgħux jagħmluh dan!  Ma jistgħux jagħmlu minna, aħwa, skjavi.  Irridu nitolbu lill-Mulej!   Nitolbu biex dawn il-mafjużi jikkonvertu lejn il-Mulej u infaħħru lil Alla għax-xhieda mdawwla ta’ Don Giuseppe Puglisi, u ngħożżu l-eżempju tiegħu bħala teżor!

Insellem mill-qalb lill-pellegrini kollha preżenti, lill-familji, il-gruppi parrokkjali li ġew mill-Italja, Spanja, Franza u Pajjiżi oħra. Insellem b’mod partikolari lill- Associazione Nazionale San Paolo degli Oratori e dei Circoli Giovanili, li twieldet 50 sena ilu għas-servizz taż-żgħażagħ. Għeżież ħbieb, San Filippu Neri, li qed infakkru llum, u l-Beatu Giuseppe Puglisi jsosstnu l-impenn tagħkom.  Insellem il-grupp ta’ kattoliċi Ċiniżi li huma preżenti hawn, li inġabru f’Ruma biex jitolbu għall-Knisja fiċ-Ċina, waqt li jitolbu l-interċessjoni ta’ Marija Awżiljatriċi.

Il-ħsieb tiegħi imur ukoll għal dawk kollha li qed jippromwovu il-Giornata del Sollievo, favur dawk il-morda li qegħdin jgħixu fl-aħħar pass tal-mixja tagħhom fuq l-art; kif ukoll lill-Associazione Italiana Sclerosi Multipla.  Grazzi għall-impenn tagħkom!  Insellem lill-Associazione Nazionale Arma di Cavalleria, u lill- fidili ta’ Fiumicello, minn maġenb Padova.

Il-Ħadd it-tajjeb lil kulħadd u l-ikla t-tajba!