IL-PAPA FRANĠISKU
ANGELUS
Pjazza San Pietru
Il-Ħadd,
23 ta’ Ġunju,
2019
Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!
Illum fl-Italja u f’nazzjoniet oħra tkun iċċelebata s-solennità tal-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, Corpus Domini. L-Evanġelju jippreżentalna l-episodju tal-miraklu tal-ħobż (cfr Lq 9, 11-17) li jseħħ ħdejn l-għadira tal-Galileja. Ġesù mhedi jkellem lil eluf ta’ persuni, ifejjaq. X’ħin il-jum jasal biex jintemm id-dixxipli jersqu lejn il-Mulej u jgħidulu: “Ibgħathom in-nies biex imorru fl-irħula u l-irziezet fil-qrib biex jistrieħu u jieklu xi ħaġa” (v. 12). Id-dixxipli wkoll kienu għajjenin. Infatti kienu f’post imwarrab; biex jixtru x’jieklu n-nies kien ikollhom jimxu u jmorru fl-irħula. Ġesù jara dan u jwieġeb: “Tuhom intom x’jieklu” (v.13). Dal-kliem iqnaqal stagħġib fid-dixxipli. Ma kinux qed jifhmu, forsi rrabjaw xi ftit ukoll, u jwieġbu: “Ma għandniex aktar minn ħames ħobżiet u żewġ ħutiet jekk għallinqas ma mmorrux aħna stess nixtru l-ikel għal dawn in-nies kollha” (ibid.).
Iżda Ġesù jistieden lid-dixxipli biex verament jagħmlu l-maqlub, biex mill-loġika ta’ “kulħadd għal rasu” jgħaddu għal dik tal-qsim, ibda minn dak il-ftit li tipprovdielna l-Providenza. U mill-ewwel juri ċar x’kellu f’moħħu jagħmel. Jgħidilhom: “Qegeħduhom bilqiegħda ħamsin, ħamsin” (v. 14). imbagħad jiehu f’idejh il-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, idur lejn il-Missier ċelesti u jlissen it-talba tal-barka. Imbagħad jibda jaqsam il-ħobż f’biċċiet, jaqsam il-ħut u jtihom lid-dixxipli, li jqassmuhom lill-folla U dak l-ikel ma spiċċax qabel kulħadd kien kiel sax-xaba’
Dal-miraklu – importanti ħafna, tant li jirrakkuntawh l-Evanġelisti kollha – juri l-qawwa tal-Messija u, fl-istess waqt, il-kumpassjoni tiegħu: Ġesù ġietu ħniena min-nies. Dak il-ġest straordinarju ma jibqax biss bħala wieħed mis-sinjali l-kbar tal-ħajja pubblika ta’ Ġesù, imma jantiċipa dak li wara, fl-aħħar, kellu jkun il-memorjal tas-sagrifiċċju tiegħu, jiġifieri l-Ewkaristija, sagrament tal-Ġisem tiegħu u ta’ Demmu mogħtijin għas-salvazzjoni tad-dinja.
L-Ewkaristija hija s-sinteżi tal-eżistenza kollha ta’ Ġesù, li kienet att uniku ta’ mħabba lejn il-Missier u lejn l-aħwa. Hemmhekk ukoll, bħal fil-miraklu tat-tkattir tal-ħobż, Ġesù ħa l-ħobż f-idejh, refa’ t-talba tal-barka lejn il-Missier, qasam il-ħobż u tah lid-dixxipli: u għamel l-istess bl-inbid. Imma f’dak il-waqt, lejlet il-Passjoni tiegħu, f’dak il-ġest, Hu ried iħalli t-Testment tiegħu tal-Patt il-ġdid u etern, memorjal dejjiemi tal-Għid tiegħu tal-mewt u l-qawmien. Il-festa ta’ Corpus Domini kull sena tistedinna biex inġeddu l-istgħaġib tagħna u l-ferħ għal dan ir-rigal tal-Mulej, l-Ewkaristija. Nilqgħuh bil-gratitudni, mhux passivament, bi drawwa. Ma nistgħux nidraw l-Ewkaristija u mmorru nitqarbnu bi drawwa: le! Kull darba li nersqu lejn l-altar biex nirċievu l-Ewkaristija, irridu nġeddu bis-serjetà ‘l-Ammen’ tagħna għall-Ġisem ta’ Kristu. Meta s-saċerdot jgħid: “Il-Ġisem ta’ Kristu”, aħna ngħidu ‘ammen’: imma għandha tkun ‘ammen’ li tiġi mill-qalb, konvinta. Huwa Ġesù, huwa Ġesù li salvani, huwa Ġesù li jiġi biex itini l-qawwa biex ngħix. Huwa Ġesù, Ġesù ħaj. Allura m’għandhiex issir drawwa: kull darba qiesna qed nirċievu l-ewwel tqarbina.
L-espressjoni tal-fidi Ewkaristika tal-poplu qaddis ta’ Alla huma l-purċissjonijiet bis-Santissmu Sagrament, li f’dis-Solennità jsiru kullimkien fil-Knisja Kattolika. Jien ukoll, illejla, fil-kwartier Ruman ta’ Casal Bertone, se niċċelebra l-quddiesa li tintemm bil-purċissjoni. Nistieden lil kuħadd jieħu sehem, anki spiritwalment, permezz tar-radju u t-televixn. Il-Madonna tgħinna nimxu bil-fidi u bl-imħabba wara Ġesù li naduraw fl-Ewkaristija.
Wara l-Angelus
Għeżież ħuti,
ilbieraħ f’Madrid ġew dikjarati Beati Maria Carmen Lacaba Abdia u 13 sorijiet sħabha tal-Ordni Franġsikan tal-Immakulata Kunċizzjoni, li nqatlu minħabba l-mibgħeda lejn il-fidi waqt il-persekuzzjoni reliġjuża li seħħet bejn l-1936 u l-1939. Dawn is-sorijiet tal-klawsura, bħax-Xbejbiet għaqlin, taw xhieda b’fidi erojka tal-miġja tal-Għarus Divin. Il-martirju tagħhom hu stedina lilna lkoll biex inkunu qawwijin u perseveranti speċjalment fis-siegħa tal-prova. Insellmu lil dawn il-Beati l-ġodda b’applaws!
Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini. Irrid insellem b’mod partikolari lil dawk li ġejjin mill-Brażil, mill-Gżira ta’ Guam (Stati Uniti tal-Amerika) u lill-pellegrinaġġ minn Liverpool, immexxi mis-Sorijiet tas-Sinjura tagħna ta’ Namur.
Insellem lill-fidili minn Salerno, Crotone u Lanciano.
Nawguralkom ilkoll il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederci!
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber