IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 22 ta' Settembru, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-protagonista tal-parabbola tal-Evanġelju ta' dan il-Ħadd (cfr Lq 16,1-13) huwa amministratur moħħu jilħaqlu u diżonest, li minħabba li kien akkużat li ma amministrax tajjeb il-ġid ta' sidu, se jsib ruħu barra mix-xogħol.  F'dis-sitwazzjoni diffiċli ma joqgħodx jilmenta, ma joqgħodx ifittex ġustifikazzjonijiet u lanqas jitlef il-kuraġġ, imma jfassal triq minn fejn jiskappa biex iserraħ rasu għall-futur.  Għall-bidu jirreaġixxi b'moħħ ċar u jagħraf il-limitazzjonijiet tiegħu: "Nagħżaq, ma niflaħx; nittallab, nistħi" (v.3); imbagħad jaħdem b'moħħu u jerġa' jisraq lil sidu għall-aħħar darba.  Infatti jsejjaħ lil dawk li kienu midjunin (ma' sidu) biex jindhies magħhom u mbagħad ipattulu.  Hekk, jagħmel il-ħbieb bil-korruzjoni u jikseb il-gratitudni bil-korruzzjoni, kif, sfortunatament hi d-drawwa tal-lum.

Żgur li Ġesù ma jġibx dan l-eżempju biex iħeġġiġnaa nkunu diżonesti, imma stużi.  Infatti, jisħaq Ġesù, "is-sid faħħar lill-amministratur diżonest, għax kien ħadem b'moħħu" (v. 8), jiġifieri dik it-taħlita ta' intelliġenza u ħażen tal-moħħ li jippermettulek toħroġ minn sitwazzjonijiet diffiċli.  L-interpretazzjoni ta' dan ir-rakkont tinsab fl-istedina ta' Ġesù fi tmiem il-parabbola: "agħmlu għalikom infuskom ħbieb ta’ qligħ il-ħżunija, ħalli meta jonqoskom, jilqgħukom fl-għerejjex ta’ dejjem". (v. 9).  Tidher xi ftit konfuża imma mhux hekk: " l-għana diżonest" huwa l-flus - li jgħidulhom ukoll "il-ħmieġ tax-xitan" - u, b'mod ġenerali il-ġid materjali.

L-għana jista' jwassl biex jinbnew il-ħitan, jinħolqu l-firdiet u d-diskriminazzjoni.  Għall-kuntrarju, Ġesò jistieden lid-dixxipli biex jibdlu r-rotta: "Agħmlu ħbieb mal-għana".  Hija stedina biex il-ġid nibdluh f'relazzjonijiet, għax il-persuni jiswew aktar mill-oġġetti u jiswew aktar mir-rikkezzi li għandek.  Infatti, fil-ħajja mhux min għandu ħafna ġid iġib il-frott imma min iwaqqaf u jżomm ħajjin tant rabtiet, tant relazzjonijiet, tant ħbiberiji permezz "tal-għana", jiġifieri d-doni diversi li jkun żejnek bihom Alla.  Imma Ġesù jindika wkoll l-iskop aħħari tal-eżortazzjoni tiegħu: "agħmlu għalikom infuskom ħbieb ta’ qligħ il-ħżunija, ħalli meta jonqoskom, jilqgħukom fl-għerejjex ta’ dejjem".  Jekk ikollna ħila nittrasformaw ir-rikkezzi fi strumenti ta' fraternità u solidarjetà, fil-Ġenna ma jkunx hemm biss Alla jilqgħana imma wkoll dawk li nkunu qsamna magħhom, b'amminnistrazzjoni għaqlija, dak li l-Mulej ikun qiegħed f'idejna.

Ħuti, dil-paġna evanġelika tqanqal fina l-mistoqsija tal-amministratur diżonest imkeċċi minn sidu: "Issa x'se nagħmel?" (v. 3).  Quddiem id-dgħufijiet tagħna, il-fallimenti tagħna, Ġesù jiżgurana li dejjem għadna fil-ħin biex insewwu l-ħażin li nkunu għamilna.  Min kien kawża ta' dmugħ, iferrraħ lil xi ħadd; min ħa dak li mhux dritt tiegħu, jagħti lil min hu fil-bżonn.  Jekk nagħmlu hekk il-Mulej ifaħħarna "għax inkunu mxejna bil-'ħażen'", jiġifieri bl-għaqal ta' min jagħraf lilu nnifsu bħala iben Alla u jirriskja personalment biex jikseb is-Saltna tas-smewwiet.

Il-Verġni Mqaddsa tgħinna nkunu stużi biex inkunu żgur li niksbu mhux is-suċċess mondan imma l-ħajja ta' dejjem, sabiex fil-ġudizzju aħħari l-persuni fil-bżonn li nkunu għenna jkunu xhieda li aħna fihom inkunu rajna u servejna lill-Mulej.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti,

insellem minn qalbi lilkom ilkoll, Rumani u pellegini ġejjin minn diversi pajjiżi.  Insellem b'mod partikolari lill-parteċipanti tal-Via Pacis, maratona tal-ġiri li dalgħodu għaddiet mit-toroq ta' Ruma biex twassal messaġġ ta' paċi, fraternità, u fuq kollox, ta' djalogu bejn id-diversi kulturi u reliġjonijiet.

Insellem lill-grupp tal-Missjoni kattolika Pollakka fil-Ġermanja; lill-kor "San Leonardo" minn Procida; lill-adoloxxenti li se jagħmlu l-Griżma minn Settimello (Firenze); u lis-sorijiet tal-Bell'Amore li qed jiċċelebraw il-25 sena mit-twaqqif tagħhom.

Il-Ħadd li ġej, 20 ta' Settembru, huwa l-Jum Dinji tal-Migrant u r-Rifuġjat.  F'dik l-okkażjoni se niċċelebra quddiesa hawn, fi Pjazza San Pietru.  Nistedinkom tieħdu sehem f'din iċ-ċelebrazzjoni biex, bit-talb ukoll nesprimu l-qrubija tagsħna lejn il-migranti u r-rifuġjati tad-dinja kollha.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber