IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 22t a’ Lulju, 2018

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum (cfr Mk 6,30-34) jirrakkuntalna li, wara l-ewwel missjoni tagħhom, l-appostli jmorru lura għand Ġesù u jgħidulu “dak kollu li kienu għamlu u dak li kienu għallmu” (v.30).  Wara l-esperjenza tal-missjoni, li ċertament kienet entużjażmanti, imma wkoll ta’ għeja, jeħtiġilhom jistrieħu xi ftit.  U Ġesù mimli komprensjoni, jieħu ħsieb li huma jkollhom xi ftit serħan u jgħid: “Ejjew miegħi intom biss weħidkom f’xi post imwarrab, u strieħu ftit” (v. 31).  Iżda did-darba l-ħsieb ta’ Ġesù ma jseħħx, għax il-folla, li fehmet fejn kien dak il-post imwarrab li kien sejjer lejh flimkien mad-dixxipli bid-dagħjsa, marru hemmhekk qabel ma waslu huma.

L-istess jista’ jiġri llum.  Xi drabi ma jirnexxilniex inwettqu l-proġetti tagħna, għax tinqala’ xi ħaġa urġenti minn taħt ir-riħ li tħarbat il-programmi tagħna u titlob minna flessibiltà u disponibbiltà għall-ħtiġijiet tal-oħrajn.

F’dawn iċ-ċirkustanzi aħna msejħin biex nimitaw lil Ġesù: “X’ħin niżel l-art mid-dagħjsa ra kotra kbira ta’ nies u tħassarhom għax kienu qieshom nagħaġ bla ma għandhom ragħaj, u qabad jgħallimhom ħafna ħwejjeġ (v. 34).  F’dis-sentenza qasira, l-evanġelista jtina leħħa dawl ta’ intensità liema bħala, ritratt ta’ għajnejn l-Imgħallem Divin u t-tagħlim tiegħu.  Nosservaw it-tliet verbi ta’ dar-ritratt: ra, tħassar, għallem.  Nistgħu nsejħulhom il-verbi tar-ragħaj.  Il-ħarsa ta’ Ġesù mhix waħda newtra, kiesħa, maqtugħa, għax Ġesù jħares dejjem bl-għajnejn tal-qalb.  U qalbu hi tant tenera u mimlija kumpassjoni li jaf jaqra x’inhuma l-ħtiġijiet l-aktar moħbija tal-persuni.  Minbarra dan, il-kumpassjoni tiegħu ma turiniex sempliċiment reazzjoni emottiva quddiem is-sitwazzjoni skomda tan-nies, imma hija aktar minn hekk: hi l-attitudni u l-predispożizzjoni ta’ Alla lejn il-bniedem u l-istorja tiegħu. Ġesù jider bħala t-twettiq tal-ħerqa u l-premura ta’ Alla lejn il-poplu tiegħu.

Ladarba Ġesù ħassu mqanqal meta ra lil dawk in-nies f’tant ħtieġa li jkollhom min imexxihom u jgħinhom, donnu nistennew li issa Ġesù se jibda’ jagħmel xi miraklu.  Minflok, Hu beda jgħallimhom ħafna ħwejjeġ.  Hekk hu, l-ewwel ħobż li joffri l-Messija lill-folla mġewħa u mitlufa: il-ħobż tal-Kelma.  Ilkoll kemm aħna neħtieġu l-kelma tal-verità, li tmexxi u ddawwal il-mixja.  Mingħajr il-verità, li hi Kristu nnifsu, mhux possibbli nsibu l-orjentament it-tajjeb tal-ħajja.  Meta nitbegħedu minn Ġesù u minn imħabbtu, nitilfu, u l-eżistenza tagħna tibidel f’delużjoni u nuqqas ta’ sodisfazzjon.  B’Ġesù maġenbna nistgħu nibqgħu mexjin fiż-żgur, inkunu nistgħu ngħelbu l-provi tal-ħajja, insaħħu mħabbitna lejn Alla u lejn il-proxxmu.  Ġesù sar don għall-oħrajn, biex b’hekk sar mudell ta’ mħabba u servizz għal kull wieħed u waħda minna.

Marija Santissma tgħinna nitgħabbew bil-problemi, bit-tbatijiet u d-diffikultajiet tal-proxxmu tagħna, permezz ta’ atteġġjament ta’ kondiviżjoni u servizz.

 

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

dawn l-aħħar ġimgħat waslu aħbarijiet drammatiċi dwar nawfragi fuq ċattri mimlijin migranti fl-ibħra tal-Mediterran.  Nesprimi n-niket tiegħi quddiem dawn it-traġedji u lil dawk li tilfu ħajjithom u lill-familji tagħhom niżgurahom li nitfakar fihom u nitlob għalihom.  Nagħmel appell imqanqal minn qiegħ qalbi sabiex il-komunità internazzjonali taħdem mill-ewwel u b’deċiżjoni, ħalli traġedji bħal dawn ikunu evitati u ma jerġgħux jiġru, u biex tiggarantixxi s-sigurtà, ir-rispett tad-drittijiet u tad-dinjità ta’ kulħadd.

Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini.  Insellem b’mod partkolari lill-fidili mid-djoċesi ta’ Rio do Sul (Brażil), liż-żgħażagħ mid-djoċesi ta’ Sivilja (Spanja) u liż-żgħażagħ mid-djoċesi ta’ Pelplin (Polonja), li ġew minn Assisi b’katina ta’ talb għas-Sinodu tal-Isqfijiet li dalwaqt jibda’.

Insellem lill-gruppi parrokkjali u lill-assoċjazzjonijiet; lill-grupp tat-tfal minnn Piazzola sul Brenta, djoċesi ta’ Vicenza.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber