IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
il-Ħadd, 21 ta’  Ottubru,  2018

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-paġna tal-Evanġelju tal-lum (cfr Mk 10,35-45) tiddeskrivi lil Ġesù, li għal darb’oħra u b’paċenzja kbira, jipprova jikkoreġi lid-dixxiplli tiegħu biex jikkonvertihom mill-mentalità mondana għal dik ta’ Alla.  L-aħwa Ġakbu u Ġwanni tawh din l-okkażjoni, dawn it-tejn li kienu minn fost tal-ewwel li ltaqgħu ma’ Ġesù u sejħilhom biex jimxu warajh.  Issa kienu mxew ħafna miegħu u saru jiffurmaw parti mill-grupp tat-tnax-il Appostlu. Għalhekk, huma u mexjin lejn Ġerusalemm, fejn id-dixxipli kienu qed jistennew bil-ħerqa li fl-okkażjoni tal-Għid, Ġesù sa fl-aħħar kien se jwaqqaf is-Saltna t’Alla, iż-żewġt aħwa għamlu l-qalb, resqu qrib il-Muelj u għamlulu t-talba tagħhom:  “Agħmel li meta tkun fil-glorja, aħna noqgħodu wieħed fuq il-lemin u l-ieħor fuq ix-xellug tiegħek” (v.37).

Ġesù jaf li Ġakbu u Ġwanni huma mqanqlin mill-entużjażmu lejh u lejn is-Saltna, imma jaf ukoll li l-istennija tagħhom, iż-żelu tagħhom, huma mniġġsin mill-ispirtu tad-dinja.  Għaldaqstant iwieġeb: “Ma tafux x’intom titolbu” (v. 38).  U filwaqt li huma kienu qed jitkellmu dwar it-tronijiet tal-glorja, li setgħu joqgħodu fuqhom maġenb Kristu Re, Hu tkellem dwar “kalċi” li kellu jixrob, dwar “magħmudija” li kellu jirċievi, jiġifieri l-passjoni u l-mewt tiegħu.  Ġakbu u Ġwanni, dejjem bl-għan li jiksbu l-privileġġ mixtieq, bla tlaqliq iwieġbu: “iva, nistgħu”!  Imma hawn ukoll mhux qed jifhmu dak li qed jgħidu.  Ġesù qed iħħabbar li l-kalċi tiegħu għad jixorbuh, u l-magħmudija għad jirċevuha, jiġifieri li huma wkoll, bħall-Appostli l-oħra, se jieħdu sehem mis-salib tiegħu, meta tasal is-siegħa tagħhom.  “Iżda”, ikompli Ġesù, “li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din mhix ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija” (v. 40).  Qiesu qed jgħid: issa imxu warajja u tgħallmu t-triq tal-imħabba “li titlef”, għall-premju jaħseb il-Missier Ċelesti.  It-triq tal-imħabba hi dejjem “bit-telf”, għax li tħobb ifisser li tħalli l-egoiżmu warajk, Ii ma toqgħodx iddur biss miegħek innifsek, biex taqdi lill-oħrajn.

Ġesù mbagħad jinduna li l-għaxar Appostli l-oħra siblu għal Ġakbu u Ġwanni, u wrew b’hekk li kienu maħkumin mill-istess mentalità mondana.  Dan itih l-opportunità biex itihom lezzjoni li tgħodd għall-insara kollha ta’ kull żmien, għalina wkoll.  Jgħid hekk: “Tafu intom, dawk in-nies li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom.  Fostkom ma’ għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom, u min irid ikun l-ewwel fostkom għandu joqgħod ilsir ta’ kulħadd” (vv. 42-44).  Din hi r-regola tan-nisrani.  Il-messaġġ tal-Imgħallem hu ċar: filwaqt li l-kbarat tad-dinja jibnu ‘troni’ biex iseddqu setgħethom, Alla jagħżel tron skomdu, is-salib, li minn fuqu jsaltan biex jagħti l-ħajja: “Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra” (v. 45).

It-triq tal-qadi hija l-antidotu l-aktar effikaċi kontra l-mikrobu tat-tfittxija tal-ewwel postijiet; hija l-mediċina għax-xabbaturi, din il-kilba għall-ewwel postijiet, li tniġġes tant oqsma umani u ma teħlishiex lanqas lill-insara, lill-poplu t’Alla, u lanqas lill-ġerarkija ekkleżjastika.  Għalhekk, bħala dixxipli ta’ Kristu, ejjew nilqgħu dan l-Evanġelju bħala twiddiba biex nikkonvertu, biex bil-kuraġġ u l-ġenerożità nkunu xhieda ta’ Knisja li tmil f’riġlejn tal-aħħar biex naqduhom bl-imħabba u s-sempliċità.  Il-Verġni Marija, li ntrabtet sħiħ u bl-umiltà mar-rieda t’Alla, tgħinna nimxu bil-ferħ fit-triq tal-qadi, it-triq ewlenija li teħodna lejn is-Sema.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

ilbieraħ f’Malaga (Spanja) ġie dikjarat Beatu, is-saċerdot Ġiżwita Tiburzio Arnáiz Muñoz, fundatur tal-Missjunarji tad-Duttrini Rurali.  Niżżu ħajr ‘l Alla għax-xhieda ta’ dan il-ministru żelanti tar-Rikonċiljazzjoni u ħabbâr bla heda tal-Evanġelju, l-aktar fost l-umli u l-minsijin.  L-eżempju tiegħu għadnu jimbuttana biex inkunu operaturi tal-ħniena u missjunarji kuraġġużi f’kull ambjent; jalla l-interċessjoni tiegħu tirfed il-mixja tagħna.....  Applaws minn kulħadd lill-Beatu Tiburzio!

Illum qed niċċelebraw il-Ġurnata Missjunarja Dinjija bit-tema: “Flimkien maż-żgħażagħ inwasslu l-Evanġelju lil kulħadd”.  Flimkien maż-żgħażagħ: din hi t-triq!  U hija r-realtà illi, bil-grazzja t’Alla, qed inġarrbu f’dal-ġranet fis-Sinodu dedikat lilhom: meta nisimgħuhom u ninvolvuhom niskopru tant xhieda ta’ żgħażagħ li sabu f’Ġesù s-sens u l-ferh tal-ħajja.  U spiss iltaqgħu miegħu bis-saħħa ta’ żgħażagħ oħra, li diġà kienu jagħmlu sehem minn dil-għaqda ta’ aħwa li hi l-Knisja.   Itolbu biex lill-ġenerazzjonijiet il-ġodda ma jonqsulhomx it-tħabbira tal-fidi u s-sejħa biex jikkollaboraw fil-missjoni tal-Knisja.  Jien niftakar f’tant insara, irġiel u nisa, lajċi, persuni konsagrati, saċerdoti, isqfijiet, li taw ħajjithom u għadhom jagħtuha, bogħod minn pajjiżhom, biex iħabbru l-Evanġelju.  Imħabbitna lejhom, lejhom il-gratitudni tagħna u talbna.  Nitolbu għalihom bl-Ave Maria..... Is-sliem għalik, Marija...

U issa nsellem lilkom ilkoll, pellegrini li ġejjin mill-Italja u minn diversi pajjiżi.  Insellem partikolarment lil dawk li ġew mid-djoċesi ta’ Plock u mill-iskola “San Ġwanni Pawlu II” minn Kartuzy, il-Polonja; lil dawk minn Braço do Norte (Brażil), minn Santa Fe (New Mexico) u mill-liċeo “Saint Chaumond” minn Poitiers (Franza).  U lill-grupp ta’ żgħażagħ minn Buenos Aires u minn Cordoba, l-Arġentina.  Insellem lill-Ordni Sekulari Trinitarju Taljan u lill-adoloxxenti tal-”Villaġġ tas-Sempliċi” minn San Cataldo, fi Sqallija.  U wkoll lil dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Galzignano, li qed narahom hemmhekk.

Ħsieb speċjali jmur lejn il-grupp tal-Caritas Internationalis, immexxi mill-President, il-Kardinal Luis Antonio Tagle, flimkien ma’ xi isqfijiet u persuni oħra ġejjin minn diversi pajjiżi minn madwar id-dinja.  Għamiltu pellegrinaġġ qasir f’Ruma biex tesprimu x-xewqa li timxu flimkien u b’hekk titgħallmu ssiru tafu lil xulxin aħjar.  Ninkoraġġixxi din l-inizjattiva li biha qed taqsmu flimkien “il-mixja”, li titnieda f’ħafna bliet, u li tista’ tittrasforma r-relazzjoni tagħna mal-migranti.  Grazzi kbira lill-Caritas!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber