MESSAĠĠ ‘URBI ET ORBI’
TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

ĦADD IL-GĦID 2019

Loġġa ċentrali tal-Bażilika tal-Vatikan
Il-Ħadd, 21 ta’ April, 2019

 

Għeżież ħuti, l-Għid it-tajjeb!

Illum il-Knisja ġġedded it-tħabbira tal-ewwel dixxipli: “Ġesù rxoxta!”.  U minn fomm għal ieħor, minn qalb għal oħra tidwi l-istedina għat-tifħir: “Alleluia...Alleluia!”  F’din l-għodwa tal-Għid, żgħożija dejjiema tal-Knisja u tal-umanità kollha kemm hi, irrid inwassal lil kull wieħed u waħda minnkom il-kliem li bih tibda’ l-Eżortazzjoni Appostolika ta’ m’ilux, iddedikata partikolarment liż-żgħażagħ:

Kristu jgħix.  Hu t-tama tagħna u l-isbaħ żgħożija ta’ din id-dinja.  Kulma jmiss Hu jsir żgħażugħ, ġdid, jimtela’ bil-ħajja.  Għaldaqstant, l-ewwel kliem li rrid nindirizza lil kull żagħażugħ u lil kull nisrani huma: Hu ħaj u jrid lilek ħaj!  Hu jinsab fik, Hu qiegħed miegħek u ma jitilqek qatt.  Titbiegħed kemm titbiegħed, fejnek hemm l-Irxoxt, li jsejjaħlek u jistenniek biex terġa’ tibda.  Meta tħossok xiħ minħabba d-dwejjaq, mibgħeda, biżgħat, dubji u fallimenti, Hu jkun hemm biex mill-ġdid itik il-qawwa u t-tama” (Kristu jgħix 1-2).

Għeżież ħuti, dal-messaġġ fl-istess waqt hu ndirizzat lil kull persuna fid-dinja.  Il-qawmien ta’ Kristu hu l-bidu ta’ ħajja ġdida għal kull raġel u mara, għax il-veru tiġdid dejjem jibda mill-qalb, mill-kuxjenza.  Iżda l-Għid huwa wkoll il-bidu ta’ dinja ġdida, meħlusa mill-jasar tad-dnub u mill-mewt: dinja li fl-aħħar hi miftuħa għas-Saltna t’Alla, Saltna ta’ mħabba, ta’ paċi u fraternità.

Krsitu jgħix u jibqa’ magħna.  Hu juri d-dawl ta’ wiċċu Rxuxtat u qatt ma jabbanduna lil min għaddej mil-prova, min-niket, mil-luttu.  Hu, il-Ħaj, għandu jkun it-tama għall-maħbub poplu Sirjan, vittma ta’ kunflitt li għadu għaddej u hemm ir-riskju li aħna nirrassenjaw ruħna u saħansitra nsiru indifferenti għalih.  Iżda issa huwa l-waqt li nġeddu l-impenn għal-soluzzjoni politika li twieġeb għall-aspirazzjonijiet leġittmi ta’ paċi u ġustizzja, taffronta l-kriżi umanitarja u tħaffef (il-proċess) kemm biex min telaq minn daru jerġa’ lura fis-sigurtà u daqstant ieħor jiġri lil min hu rifuġjat fil-pajjiżi ġirien, speċjalment fil-Libanu u l-Ġordanja.

Jalla l-Għid jgħinna nżommu ħarsitna fuq il-Lvant Nofsani, mfarrak minħabba l-firdiet u t-tensjonijiet.  Jalla l-insara ta’ dak ir-reġjun ma jehdew qatt ikunu xhieda bla qatt jaqtgħu qalbhom u bil-paċenzja, tal-Mulej irxuxtat u tar-rebħa tal-ħajja fuq il-mewt.  Ħsieb partikolari jmur lejn il-popolazzjoni tal-Yemen, speċjalment it-tfal, mifluġin mill-ġuħ u mill-gwerra.  Jalla d-dawl tal-Għid idawwl lill-mexxejja kollha u lill-popli tal-Lvant Nofsani, ibda mill-Iżraeliti u l-Palestinjani, u jixprunahom biex itaffu t-tbatijiet kbar u jfittxu bla heda futur ta’ paċi u stabbiltà.

Jalla l-armi ma jibqgħux idemmu l-Libja, fejn dawn l-aħħar ġimgħat, bnedmin bla difiża reġgħu bdew imutu u fejn bosta familji kellhom jitilqu minn djarhom kontra xewqthom.  Inħeġġeġ lill-partijiet biex jagħżlu d-djalogu minflok id-dominazzjoni fuq xulxin, u jaraw li ma jerġgħux jinfetħu l-ġrieħi ta’ għaxar snin ta’ kunflitti u instabbiltà politika.

Jalla Kristu ħaj jagħti l-paċi tiegħu lill-maħbub kontinent Afrikan kollu, mimli tensjonijiet soċjali, kunflitti u kultant, estremiżmi vjolenti li jnisslu nuqqas ta’ sigurtà, qerda u mewt, speċjalment fil-Brukina Faso, fil-Mali, fin-Niġer, fin-Niġerja u fil-Kamerun.  Ħsiebi jmur ukoll lejn is-Sudan, li għaddej minn waqt ta’ inċertezza politika u fejn nawgura li kull xewqa tingħata vuċi u kulħadd jagħmel ħiltu sabiex il-Pajjiż jikseb il-libertà, l-iżvilupp u l-ġid li ilu ħafna mxennaq għalihom.

Jalla l-Mulej Irxoxt jieqaf mal-awtoritajiet ċivili u reliġjużi tas-Sudan tan-Nofsinhar, fil-ħidma wtiqa li qed jagħmlu mseddqin mill-irtir spiritwali li għamlu ftit jiem ilu fil-Vatikan.  Jalla tinfetaħ paġna ġdida fl-istorja ta’ dal-pajjiż, li fiha kull naħa politika, soċjali u reliġjuża tkun impenjata bla hedu għall-ġid komuni u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali.

Jalla f’dal-Għid isibu l-faraġ il-popolazzjonijiet tal-Ukrajna orjentali, li għadhom isofru minħabba l-kunflitt li għadu għaddej.  Jalla l-Mulej ikun ta’ kuraġġ għall-inizjattivi umanitarji u għall-inizjattivi li jimmiraw lejn il-kisba ta’ paċi dejjiema.

Jalla l-ferħ tal-Qawmien jimla l-qlub ta’ min fil-kontinent Amerikan għadu jsofri l-konsegwenzi tas-sitwazzjonijiet politiċi u ekonomiċi diffiċli.  Qed naħseb b’mod partikolari fil-poplu Venezwelan: f’tant nies imċaħħdin mill-kundizzjonijiet meħtieġa biex jgħixu ħajja denja u mħarsa minħabba l-kriżi li għadha għaddejja u li qed teħżien.  Jalla l-Mulej jagħti lil kull min għandu responsabbiltà politika, d-don li jaħdem biex itemm l-inġustizzji soċjali, l-abbużi u l-vjolenza u jsiru passi konkreti li bihom jitfejqu l-firdiet u joffru lill-popolazzjoni l-għajnuna li tant teħtieġ.

Jalla l-Mulej Irxuxtat idawwl l-isforzi li qed isiru fin-Nikaragwa biex, bla dewmien tinstab soluzzjoni paċifika u negozjata għas-serħan tan-nies kollha tan-Nikaragwa.

Jalla quddiem tant tbatija ta’ żmienna, il-Mulej tal-ħajja ma jsibniex kesħin u indifferenti.  Jalla jagħmel minna bennejja tal-pontijiet, mhux tal-ħitan.  Itina l-paċi tiegħu, iwaqqaf il-ħsejjes tal-armi, kemm fil-kuntest tal-gwerer kif ukoll fl-ibliet tagħna u jnebbaħ lill-mexxejja tan-nazjzonijiet ħalli jimpenjaw ruħhom biex iwaqqfu l-ġirja għall-armamenti u t-tifrix li jħasseb tal-armi speċjalment fil-pajjiżi ekonomikament aktar avvanzati.  Jalla l-Irxoxt, li fetaħ beraħ il-bibien tal-qabar, jiftaħ lil qlubna għall-ħtiġijiet ta’ min hu nieqes, bla difiża, fqir, bla xogħol, emarġinat, għal min iħabbat biebna jfittex il-ħobż, kenn u għarfien tad-dinjità tiegħu.

Għeżież ħuti, Kristu huwa ħaj!  Huwa t-tama u ż-żgħożija għal kull wieħed u waħda minna u għad-dinja kollha.  Inħalluh iġeddidna!  L-Għid it-tajjeb!

(Wara l-barka’Urbi et Orbi)

Għeżież ħuti,

sirt naf bi swied il-qlab u niket bl-aħbar dwar l-attentati gravi li, propju llum, jum l-Għid, nisslu luttu u niket f’xi knejjes u mkejjen oħra fejn jinġabru n-nies, fis-Sri Lanka.  Nixtieq nesprimi l-qrubija tiegħi mal-komunità nisranija, li ntlaqtet waqt li kienet qed titlob u lill-vittmi kollha ta’ dil-vjolenza krudili.  Nirrikmanda lill-Mulej lil kull min miet traġikament u nitlob għall-feruti u għal dawk kollha li qed isofru minħabba dan l-avveniment drammatiku.

Inġedded l-awguri tiegħi tal-Għid it-tajjeb lilkom ilkomm li ġejtu mill-Italja u minn diversi pajjiżi, kif ukoll lil min hu magħqud magħna permezz tat-televiżjoni, ir-radju u l-mezzi tal-komunikazzjoni l-oħra.  Rigward dan nixtieq infakkar li sebgħin sena ilu, propju fl-Għid tal-1949, Papa kien tkellem għall-ewwel darba fuq it-televixin.  Il-Venerabbli Piju XII kien indirizza lit-telespettaturi Franċiżi u kien qal b’enfasi li l-ħarsa tas-Suċċessur ta’ Pietru u dik tal-fidili setgħu jiltaqgħu ukoll permezz ta’ mezz ġdid ta’ komunikazzjoni.  Din it-tifkira  ttini l-okkażjoni biex inħeġġeġ lill-komunitajiet insara jużaw l-istrumenti kollha li tqiegħed għad-dispożizzjoni t-teknika, biex jagħtu l-Aħbar it-Tajba ta’ Kristu Rxoxt, biex nikkomunikaw ma’ xulxin u mhux nużawhom biss biex bħala mezz ta’ kuntatt.

Imdawlin mid-dawl tal-Għid, aħna nġorru l-fwieħa ta’ Kristu Rxoxt fis-solitudni, fil-miżerja, fit-tbatija ta’ tant ħutna, meta ngerbbu l-ġebla tal-indifferenza.  F’dil-Pjazza, is-simbolu tal-ferħ tal-Qawmien jidher tal-fjuri li dis-sena wkoll ġejjin mill-Olanda, filwaqt li dawk tal-Bażilika ta’ San Pietru ġew mis-Slovenja.  Grazzi kbira u speċjali lid-donaturi għal dan l-omaġġ tal-fjuri meraviljużi!

U tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu tal-Għid it-tajjeb u arrivederci!

 

 

Miġjub għall-Malti  mit-Taljan minn Joe Huber