IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 20 ta’ Jannar, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Bil-festa tal-Magħmudija tal-Mulej tal-Ħadd li għadda bdejna l-mixja taż-żmien liturġiku li nsejħulu “ordinarju”: iż-żmien li fih insegwu lil Ġesù fil-ħajja pubblika tiegħu, fil-missjoni li għaliha bagħtu fid-dinja l-Missier.  Fl-Evanġelju tal-lum (cfr Ġw 2, 1-11) insibu r-rakkont tal-ewwel mill-mirakli ta’ Ġesù.  L-ewwel minn dawn is-sinjali prodiġjużi jseħħ fil-villaġġ ta’ Kana, fil-Galilija, waqt festa ta’ tieġ.  Mhix kumbinazzjoni li fil-bidu tal-ħajja pubblika ta’ Ġesù nsibu ċerimonja ta’ tieġ, għaliex fih Alla tejjeġ mal-umanità: din hi l-aħbar it-tajba, anki jekk dawk li stednuh għadhom ma jafux li fuq il-medja tagħhom hemm bilqegħeda Iben Alla u li l-veru għarus huwa Hu.  Fil-fatt, il-misteru kollu tas-sinjal ta’ Kana jieqaf fuq il-preżenza ta’ dan l-għarus divin, Ġesù, li jibda juri ruħu.  Ġesù jimmanifesta ruħu bħala l-għarus tal-poplu t’Alla, imħabbar mill-profeti, u jikxfilna l-profondità tar-relazzjoni li tgħaqqadna miegħu: huwa Patt ta’ mħabba ġdid.

Fil-qafas tal-Patt jinftiehem għal kollox is-sens tas-simbolu tal-inbid, li hu ċ-ċentru ta’ dal-miraklu.  Propju meta l-festa tasal fil-quċċata tagħha, jispiċċa l-inbid; il-Madonna tinduna u tgħid lil Ġesù: “M’għandhomx inbid” (v. 3).  Għax kien ikun ikrah li l-festa tkompli bl-ilma!  Dawk in-nies kienu jaqtgħu figura ħażina.  Il-Madonna tinduna, u għaliex hi omm, tmur mill-ewwel għand Ġesù.  L-Iskritturi, speċjalment il-Profeti, wrew li l-inbid huwa element tipiku tal-mejda messjanika (cfr Am 9,13-14; Gl 2,24; Is25,6).  L-ilma meħtieġ għall-ħajja; imma l-inbid jesprimi l-abbundanza tal-mejda u l-ferh tal-festa.  Festa mingħajr inbid!  Ma nafx...  Meta bidel l-ilma tal-ġarar li kienu jintużaw “għall-purifikazzjoni ritwali tal-Lhud” (v. 6) – kienet id-drawwa: qabel ma jidħlu d-dar, jippruifikaw ruħhom -, Ġesù jagħmel sinjal elokwenti: jibdel il-Liġi ta’ Mosè f’Evanġelju, li jġib il-ferħ.

Imbagħad inħarsu lejn Marija: kliem Marija lill-qaddejja jinkurunaw il-kwadru tat-tieġ ta’ Kana: “Kull ma jgħidilkom tagħmlu, agħmluh!”, (v. 5).  Illum ukoll il-Madonna tgħid lilna lkoll: “Kulma jgħidilkom tagħmlu, agħmluh!”.  Dal-kliem hu wirt prezzjuż li ħallitilna l-Omm tagħna.  Fil-fatt, f’Kana l-qaddejja jobdu.  “Ġesù qalilhom: Imlew il-ġarar bl-ilma.  U mlewhom sax-xifer.  Mill-ġdid qalilhom: Issa ħudu minnu u tuh lill-kap tal-medja.  U huma ħaduhulu” (vv. 7-8).  F’dan it-tieġ jitwaqqaf tabilħaqq Patt Ġdid u lill-qddejja tal-Mulej, jiġifieri lill-Knisja kollha, tiġi afdata l-missjoni l-ġdida: “kulma jgħidilkom, agħmluh”.  Li taqdi lill-Mulej ifisser tisma’ u tqiegħed fis-seħħ il-kelma tiegħu.  Hi r-rakkomandazzjoni sempliċi, essenzjali ta’ Omm Ġesù hi l-programm tal-ħajja tan-nisrani.

Nixtieq nenfasiżża esperjenza li żgur ħafna minna għaddejna minna matul  ħajjitna.  Meta nsibu ruħna f’sitwazzjonijeit diffiċli, meta jinqalgħu problemi li aħna ma nkunux nafu kif se nħolluhom, meta għal bosta drabi nġarrbu ansjetà u stress, immorru għand il-Madonna u ngħidu: “M’għandniex inbid.  Spiċċa l-inbid: ara fhiex jien, ħasres lejn qalbi, ħares lejn ruħi”.  Ngħiduha lill-Madonna.  U Hi tmur għand Ġesù u tgħid: “Ara dan, ara lil din: m’għandhomx inbid”.  Imbagħad iddur lura lejna u tgħidilna: “Kull ma jgħidilkom, agħmluh”.

Għal kull wieħed u waħda minna, li nixorbu minn dik il-ġarra jfisser li nafdaw fil-Kelma u fis-Sagramenti biex inġarrbu l-grazzja t’Alla f’ħajjitna.  Allura, aħna wkoll, bħal dak li kien qed jieħu ħsieb il-mejda, i nkunu nistgħu nistqarru: “Int, l-inbid it-tajjeb ħallejtu għal issa” (v. 10).  Ġesù jissorprendina dejjem.  Nitkellmu mal-Omm ħalli Hi tkellem lil Binha, u Hu jissorprendina.

Jalla Hi, Il-Verġni Qaddisa tgħinna nimxu fuq l-istedina tiegħu: “Kull ma jgħidilkom tagħmlu, agħmluh”, sabiex inkunu nistgħu ninfetħu għal kollox għal Ġesù, billi fil-ħajja ta’ kuljum nagħrfu s-sinjali tal-preżenza tiegħu li tagħti l-ħajja.

 

Waral-Angelus

Għeżież ħuti,

Illum għandi żewġ weġgħat f’qalbi: il-Kolombja u l-Mediterran

Nixtieq niżgura l-qrubija tiegħi lejn il-poplu Kolombjan, wara l-attakk terroristiku kiefer ta’ nhar il-Ħamis li għadda fl-Iskola Nazzjonali tal-Puluzija. Nitlob għall-vittmi u għall-familjari tagħhom, u se nkompli nitlob għat-triq tal-paċi fil-Kolombja.

Qed niftakar fil-170 vittma nawfragati fil-Mediterran.  Kienu qed ifittxu futur għal ħajithom.  Forsi vittmi tat-traffikanti tal-persuni umani.  Nitolbu għalihom u għal dawk li huma responsabbli ta’ dak li ġara.

“Sliem għalik, Marija.........”

Ftit jiem oħra nitlaq lejn il-Panama – (għall-għajat ta’ grupp fil-pjazza:) intom ukoll, fejn bejn it-22 u s-27 ta’ Jannar se jsir il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ.  Nitlobkom titolbu għal dan l-avveniment sabiħ ħafna u importanti fil-mixja tal-Knisja.

Matul dil-ġimgħa se jkun ippubblikat il-Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Komunikazzjonijiet Soċjali, li dis-sena fih riflessjoni dwar il-komunitajiet tax-xibka teknoloġika u l-komunità umana.  L-internet u l-midja soċjali huma riżorsi ta’ żmienna; okkażjoni biex nibqgħu f’kuntatt ma’ xulxin, biex naqsmu flimkien valuri u proġetti, u biex nesprimu x-xewqa li nsiru komunità.  Dix-xibka soċjali tista’ tgħinna wkoll biex nitolbu bħala komunita, biex nitolobu flimkien.

Għaldaqstant, Patri Fornos jinsab ħdejja: huwa d-direttur internazjonali tal-Appostolat tat-Talb.  Nixtieq nippreżentalkom is-sit uffiċjali tax-Xibka Dinjija tat-Talb għall-Papa: Click to pray.  Hawnhekk se nniżżel l-intenzjonijiet tiegħi ta’ talb għall-missjoni tal-Knisja.

Nistieden fuq kollox lilkom żgħażagħ biex tniżżlu l-app: Click to Pray,  u flimkien miegħi tkomplu titolbu r-Rużarju għall-paċi, partikolarment matul il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ fil-Panama.

Fl-24 ta’ Jannar se jkun iċċelebrat l-ewwel Jum Dinji Internazzjonali tal-Edukazzjoni, imniedi mill-Ġnus Magħquda biex jiġbed l-attenzjoni u jippromwovi r-rwol essenjali tal-edukazzjoni fl-iżvilupp uman u soċjali.  F’dan il-qafas, nikoraġġixxi l-isforz tal-UNESCO biex tkabbar il-paċi fid-dinja permezz tak-edukazzjoni, u nawgura li din tkun aċċessibbli għal kulħadd u tkun integrali, ħielsa mill-koloniżżazzjonijiet ideoloġiċi.  Talba u awgurju lill-edukaturi kollha rġiel u nisa: il-ħidma t-tajba!.

Insellem lilkom ilkoll għeżież pellegrini u fidili Rumani!  Partikolarment insellem, lill-gruppi parrokkjali minn Barċellona u mill-Polonja: qed nara ħadna bnadar Pollakki hawn!  Lill-istudenti u l-għalliema minn Badajoz (Spanja); u lill-għadd imdaqqas ta’ tfajliet mill-Panama – ġejtu biex teħduni magħkom!

Insellem lill fidili minn Nereto u minn Formia; lil dawk minn Santi Fabiano u Venanzio f’Ruma; lill-adoloxxenti minn San Giuseppe della Pace ta’ Milan.

Tislima speċjali lill-Assoċjazzjoni Taljana Ħbieb ta’ Raoul Follereau u lill-persuni morda bil-mikrobu ta’ Hansen, kif ukoll lil kull min hu qribhom fit-triq tal-kura u fidwa umana u soċjali.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti  mit-Taljan minn Joe Huber