IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
il-Ħadd,
18 ta’ Novembru,  2018

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fis-silta tal-Evanġleju ta’ dal-Ħadd (cfr Mk13,24-32), il-Mulej irid jgħallem lid-dixxipli tiegħu dwar dak li għadnu jiġri fil-futur.  Qabel xejn mhuwiex diskors dwar l-aħħar tad-dinja, pjutost, hu stedina biex ngħejxu tajjeb il-preżent, biex nishru u nkunu dejjem lesti għal meta nissejħu biex nagħtu kont ta’ ħajjitna.  Ġesù jgħid: “Wara jiem ta’ dwejjaq kbar, ix-xemx tiddallam, il-qamar jitlef id-dija tiegħu, il-kwiekeb jaqgħu mis-sema” (vv. 24-25).  Dal-kliem iġibilna f’moħħna l-ewwel paġna tal-Ktieb tal-Ġenesi, ir-rakkont tal-ħolqien: ix-xemx, il-qamar, il-kwiekeb, li sa mill-bidu taż-żmien jiddu fl-ordni tagħhom u jġibu d-dawl, sinjal tal-ħajja, hawnhekk insibuhom fil-waqt ta’ meta qed jintemmu, huma u jaqgħu fid-dlam u fil-kaos, sinjal tat-tmiem.  Iżda d-dawl li jiddi f’dak l-aħħar jum se jkun ewlieni u ġdid: ikun dak tal-Mulej Ġesù li jiġi fil-glorja flimkien mal-qaddisin kollha.  F’dik il-laqgħa, fl-aħħar naraw Wiċċu fid-dawl sħiħ tat-Trinità; Wiċċ jilma bl-imħabba, li quddiemu tidher sħiħa l-verità ta’ kull persuna umana.

L-istorja tal-umanità, l-istess bħall-istorja personali ta’ kull wieħed u waħda minna, ma tistax tinftiehem bħala sempliċi nisġa ta’ kliem u fatti neqsin mis-sens.  Lanqas ma tista’ tkun interpretata fid-dawl ta’ viżjoni fatalistika, qiesu kollox diġà ppjanat minn qabel skont id-destin li jisraq kulll  spazju ta’ libertà, u li ma jippermettix li kull għażla li ssir tkun frott ta’ deċiżjoni vera.

Fl-Evanġleju tal-lum, pjuttost, Ġesù jgħid li l-istorja tal-popli u dik tal-individwi, għandhom għan u oġġettiv li jridu jaslu għalih: il-laqgħa permanenti mal-Mulej.  Ma nafux iż-żmien u l-mod kif se ssir; Il-Mulej saħaq li “ħadd ma jaf, la l-anġli tas-sema u anqas l-Iben (v. 32); kollox imħares bis-sigiriet tal-misteru tal-Missier.  Madankollu nafu prinċipju fundamentali li rridu nħabbtu wiċċna miegħu: “Is-sema u l-art jgħaddu – jgħid Ġesù – imma kliemi ma jgħaddix” (v. 31).  Il-veru punt kruċjali hu dan.  F’dak il-jum kull wieħed u waħda minna se jifhem jekk il-Kelma ta’ Bin Alla  dawwlitx l-eżistenza tiegħu, jew jekk hu tahiex dahru u pprefera jafda fi kliemu.  Ikun il-mument ewlieni li fih aħna nintelqu darba għal dejjem fl-imħabba tal-Missier u bil-fiduċja nintelqu fil-ħniena tiegħu

Ħadd ma jista’ jaħrab dal-mument, ħadd minna!  Il-makakkerija li spiss aħna nużaw fl-imġibiet tagħna biex inżidu l-valur tal-impressjoni li nkunu rridu nagħu tagħna nfusna, ma tiswielniex aktar; bl-istess mod, is-saħħa tal-flus u tal-meżżi ekonomiċi li bihom, bil-prużunzjoni, nippretendu li nixtru kollox u lil kulħadd, ma tkunx tista tintuża aktar.  Magħna jkollna biss dak kollu li nkunu wettaqna f’dil-ħajja bl-emmna tal-Kelma tiegħu: il-kollox jew ix-xejn ta’ dak li nkunu għexna jew li ħallejna mhux magħmul.  Magħna nġorru biss dak kollu li nkunu tajna.

Nitolbu l-interċessjoni tal-Verġni Marija, sabiex l-għarfien ta’ kemm żmienna fid-dinja hu proviżorju u l-għarfien tal-limitazzjonijiet tagħna, ma jħalluniex ngħerqu fid-djieqa tal-qalb, imma jkunu sejħa biex nagħrfu r-responsabbiltà li għandna lejna nfusna, lejn il-proxxmu, lejn id-dinja kollha kemm hi.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

fl-okkażjoni tal-lum il-Jum Dinji tal-Foqra, dalgħodu ċċelebrajt quddiesa fil-Bażilika ta’ San Pietru, fil-preżenza tal-foqra akkumpanjati mill-assoċjazzjonijiet u l-gruppi parrokkjali.  Minn hawn u ftit ieħor se mmur nippranza fl-Awla Pawlu VI flimkien ma’ bosta nies bla sold.  Inizjattivi simili ta’ talb u qsim ittieħdu kemm fid-djoċesi kif ukoll madwar id-dinja sabiex ikunu espressjoni tal-qrubija tal-komuntà nisranija lejn kull min jgħejx f’kundizzjoni ta’ faqar.  Dan il-Jum li fih qed jieħdu sehem f’għadd dejjem jiżdied ta’ parroċċi, assoċjazzjonijiet u movimenti tal-Knisja, għadnu l-għan li jkun sinjal ta’ tama u stimolu biex insiru strumenti tal-ħniena fin-nisġa soċjali.

B’niket sirt naf bl-aħbar tal-istraġi li seħħet jumejn ilu f’kamp ta’ nies bla dar fir-Repubblika tal-Afrika tan-Nofs, li fiha nqatlu wkoll żewġ saċerdoti.  Lil dal-poplu tant għażiż għalija, fejn kont ftaħt l-ewwel Bieb tal-Ġublew tas-Sena tal-Ħniena, ngħidlu li nħossni qribu ħafna u nesprimi mħabbti lejh.  Nitolbu għall-mejtin u l-feruti u wkoll biex tieqaf kull vjolenza f’dal-pajjiż maħbub li tant jeħtieġ il-paċi.  Nitolbu flimkien lill-Madonna (Sliem għalik, Marija.....).

Talba speċjali wkoll għal dawk milqutin min-nirien li qed jifilġu l-California, u issa wkoll lgħall-vittmi tal-kesħa kbira fil-kosta tal-lvant tal-Istati Uniti.  Il-Mulej jilqa’ fil-paċi tiegħu lill-mejtin, ifarraġ lill-familjari u jagħti l-qawwa li kull min hu mpenjat fil-ħidma tal-għajnuna.

U issa nsellem lilkom, familji, parroċċi, assoċjazzjonijiet u fidili individwali, li ġejtu mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja.  Insellem partikolarment lill-pellegrini ta’ Union City u ta’ Brooklyn, lil dawk minn Puerto Rico flimkien mal-Isqof Ponce u lill-grupp ta’ saċerdoti minn Campanha (Brażil) flimkien mal-Isqof tagħhom; kif ukoll lill-akkumpanjaturi tas-Santwarji Marjani tad-dinja, lill-Konfederazzjoni Taljana ex-studenti tal-iskejjel kattoliċi, lill-fidili minn Crotone u lill-kor minn Roncegno Terme

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber