IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 18 ta' Awwissu, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fil-paġna evanġelika tal-lum (cfr Lq 12,49-53), Ġesù jinforma lid-dixxipli li wasal iż-żmien tad-deċiżjoni.  Il-miġja tiegħu fid-dinja, infatti, hi ż-żmien tal-għażliet deċisivi:  l-għażla favur l-Evanġelju ma tistax titnikker aktar.  U biex ifisser aħjar din it-twiddiba, juża x-xbieha tan-nar li Hu nnifsu ġie biex iqabbad fid-dinja.  Jgħid hekk: "Nar ġejt inqabbad fuq l-art u kemm nixtieq li diġà qabad!" (v. 49).  Dal-kliem għandu l-għan li jgħin lid-dixxipli jabbandunaw kull atteġġjament ta' għażż, telqa, indifferenza u għeluq biex jilqgħu n-nar tal-imħabba t'Alla; dik l-imħabba li, kif ifakkarna San Pawl "issawbet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu" (Rum. 5,5).  Għax aħna nħobbu lil Alla u lill-proxxmu bis-saħħa tal-Ispirtu s-Santu; l-Ispirtu s-Santu li lkoll għandna ġewwa fina. 

Lil ħbiebu, u lilna wkoll, Ġesù jirrivela l-aktar xewqa ħerqana tiegħu: li jġib fid-dinja n-nar tal-imħabba tal-Missier, li jixgħel il-ħajja u li permezz tiegħu l-bniedem isalva.  Ġesù jagħmilna sejħa biex inferrxu dan-nar fid-dinja, li bis-saħħa tiegħu aħna ningħarfu bħala dixxipli veri tiegħu.  In-nar tal-imħabba, imqabbad minn Kristu fid-dinja bis-saħħa tal-Ispirtu s-Santu, hu nar bla limiti, huwa nar universali.  Dan deher sa mill-ewwel żminijiet tal-Kristjaneżmu: ix-xhieda tal-Evanġelju nfirxet qiesha ħuġġieġa ta' riżq li tegħleb kull firda bejn l-individwi, il-kategoriji soċjali, il-popolazzjonijiet u n-nazzjonijiet.  Ix-xhieda tal-Evanġelju tqabbad, taħraq kull għamla ta' partikolariżmu u żomm il-karità miftuħa għal kulħadd, bl-għażla favur l-aktar foqra u mwarrbin.

Ir-rabta man-nar tal-imħabba li Ġesù ġab fid-dinja tirfed l-eżistenza kollha tagħna u titlob il-qima lejn Alla u wkoll id-disponibbiltà li naqdu lill-proxxmu.  Qima lil Alla u disponibbiltà għall-qadi tal-proxxmu.  L-ewwel il-qima lil Alla li tfisser ukoll li nitgħallmu t-talba tal-adorazzjoni li soltu ninsewha.  Huwa għalhekk illi nistieden lil kulħadd biex jiskopri s-sbuħija tat-talba tal-adorazzjoni u jipprattikaha spiss.  Imbagħad it-tieni, id-disponibbiltà biex inservu lill-proxxmu: niftakar b'ammirazzjoni f'tant komunitajiet u gruppi ta' żgħażagħ li, anki fis-sajf, jiddedikaw ruħhom għas-servizz favur il-morda, il-foqra, il-persuni bid-diżabbiltà.  Biex ngħixu skont l-ispirtu tal-Evanġelju jeħtieġ li, quddiem il-bżonnijiet ġodda li qed jitfaċċaw fid-dinja, ikun hemm dixxipli ta' Kristu li jagħrfu jwieġbu b'inizjattivi ta' karità ġodda.  B'hekk, bil-qima lil Alla u l-qadi tal-proxxmu - it-tnejn f'daqqa, qima lil Alla u qadi tal-proxxmu - l-Evanġelju jidher verament bħala n-nar li jsalva, li jibdel id-dinja ibda mill-bidla fil-qalb ta' kull wieħed u waħda.

F'dil-perspettiva tinftiehem ukoll l-affermazzjoni l-oħra ta' Ġesù li ttina s-silta tal-lum, li mad-daqqa t'għajn tista' tfixkel: "Tħasbu li jien ġejt biex inġib il-paċi fid-dinja?  Le, ngħidilkom, imma l-firda (Lq 12,51).   Huwa ġie biex "jifred bin-nar".  Jifred xiex?  It-tajjeb mill-ħażin, il-ġust mill-inġust.  F'das-sens Hu ġie biex jifred u jdaħħal fi kriżi - imma b'mod san - il-ħajja tad-dixxipli tiegħu, billi jkisser l-illużjoni fiergħa ta' min jemmen li jista' jgħaqqad il-ħajja nisranija u l-mondanità, il-ħajja nisranija u l-kompromessi ta' kull xorta, il-prattika reliġjuża ma' atteġġjmenti kontra l-proxxmu.  Iħallat, kif jaħsbu xi wħud, il-vera reliġjożità mal-prattika tas-superstizzjonijiet; kemm persuni li jgħidu li huma nsara jmorru għand min jaqra x-xorti biex jaqrawlhom jdejhom!   Din hi superstizzjoni, mhix ħaġa ta' Alla.  Ifisser li ma ngħixux ħajja ipokrita, imma li nkunu lesti nħallsu l-prezz tal-għażliet koerenti - dan hu l-atteġġjament li lkoll kemm aħna għandna nfittxu fil-ħajja: il-koerenza - li nħallsu l-prezz għax aħna koerenti mal-Evanġelju.  Koerenza mal-Evanġelju.  Għax tajjeb li ngħidu li aħna nsara, imma jeħtieġ fuq kollox li nkunu nsara fis-sitwazzjonijiet konkreti, bix-xhieda tal-Evanġelju li hu essenzjalment imħabba lejn Alla u lejn ħutna.

Marija Santissma tgħinna nħallu n-nar li ġab Ġesù jsaffina, biex inferrxuh permezz ta' ħajjitna b'għażliet deċiżi u kuraġġużi.

 

Wara l-Angelus

 

Għeżież ħuti,

Insellem minn qalbi likom ilkoll, fidili Rumani u pellegrini ġejjin mill-Italja u minn diversi pajjiżi.

Insellem patikolarment lill-grupp"Divino Amore" li ġej mill-Kanada; lill-iscouts minn Rio de Loba, fil-Portugall; u  lill-fidili Pollakki.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber