IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Ilt-Tieni Ħadd  tar-Randan, 17 ta’ Marzu, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’dan it-tieni Ħadd tar-Randan, il-liturġija ttina nikkuntemplaw l-avveniment tat-Trasfigurazzjoni, li fih, Ġesù, idewwaq lil Pietru, Ġakbu u Ġwanni ftit mill-glorja tal-Qawmien: tieqa tal-ġenna fuq l-art.  L-evanġelista Luqa (cfr 9, 28-36), jurina lil Ġesù trasfigurat fuq il-muntanja, li hi mkien tad-dawl, simbolu affaxxinanti tal-esperjenza singolari moghtija biss lit-tliet dixxipli.  Huma jitilqgħu fuq il-muntanja mal-Imgħallem, jarawh jinġabar fit-talb u f’ħin minnhom, “wiċċu nbidel” (v. 29).  Quddiem dik id-dehra glorjuża ġdida li libbset lill-persuna tiegħu kollha, huma, li kuljum kienu mdorrijin jarawh fil-bixra sempliċi tal-umantà tiegħu, jibqgħu miblugħin.  U flimkien ma’ Ġesù jidhru wkoll Mosè u Elija jitkellmu miegħu dwar “l-esodu” li dalwaqt kellu jseħħ, jiġifieri l-Għid tal-mewt u l-Qawmien tiegħu.  Hija antiċipazzjoni tal-Għid.  Allura Pietru jgħid: “Mgħallem, kemm hu sew li qegħdin hawn” (v. 33).  Jixtieq li dak il-mument ta’ grazzja ma jintemm qatt!

It-Trasfigurazzjoni sseħħ f’mument preċiż tal-missjoni ta’ Kristu, jiġifieri wara li hu stqarr mad-dixxipli li kellu “jbati ħafna... joqtluh u fit-tielet jum iqum” (v. 21).  Ġesù jaf li huma ma jaċċettawhiex din ir-realtà – ir-realtà tas-salib, ir-realtà tal-mewt ta’ Ġesù -, allura jrid iħejjijhom biex jissaportu l-iskandlu tal-passjoni u l-mewt fuq is-salib sabiex ikunu jafu li din hi t-triq li minnha l-Missier ċelesti ried li jwassal lill Ibnu għall-glorja, billi jqajjmu mill-imwiet.  U din kellha tkun ukoll it-triq tad-dixxipli: ħadd ma jasal għall-ħajja ta’ dejjem ħlief bis-sekwela ta’ Ġesù, billi jġorr salibu fil-ħajja fuq din l-art.  Kull wieħed u waħda minnha għandna s-salib tagħna.  Il-Mulej jurina t-tmiem ta’ dil-mixja, il-Qawmien, is-sbuħija, bit-tgħabija tas-salib.

Għalhekk, it-Trasfigurazzjoni ta’ Kristu turina l-prospettiva nisranija tat-tbatija.  It-tbatija mhix sadomażikiżmu: hija passaġġ meħtieġ, imma li jgħaddi.  Id-destinazzjoni aħħarija li aħna msejħin għaliha hi mdawwla bħal wiċċ Kristu trasfigurat: fih hemm is-salvazzjoni, il-beatitudni, id-dawl, l-imħabba bla tarf ta’ Alla.  B’dil-wirja tal-glorja tiegħu, Ġesù jiżgurana illi s-salib, il-provi, id-diffikultajiet li nitqabdu magħhom isibu s-soluzzjoni tagħhom, jingħelbu, bl-Għid.  Għalhekk, f’dar-Randan, nitilgħu fuq il-muntanja flimkien ma’ Ġesù aħna wkoll!  Imma kif?  Bit-talb.  Nitilgħu fuq il-muntanja bit-talb: it-talb sieket, it-talb tal-qalb, it-talb li jfittex dejjem lill-Mulej.  Nibqgħu ftit fil-ġabra, ftit kuljum, inwaħħlu ħarsitna ġewwinija fuq wiċċu u nħallu d-dawl tiegħu jirfidna u jilma fil-ħajja tagħna.

Infatti l-evanġelista Luqa jinsisti fuq il-fatt li Ġesù nbidel “waqt li kien qed jitlob” (v. 29).  Kien daħal intimament fi djalogu mal-Missier li fih kien jidwi wkoll l-eku tal-Liġi u tal-Profeti – Mosè u Elija – u filwaqt li kien imwaħħad kollu kemm hu mar-rieda tas-salvazzjoni tal-Missier, inkluż is-salib, il-glorja t’Alla ħakmitu u dehret wkoll minn barra.  U hekk hu, ħuti: it-talb fi Kristu u fl-Ispirtu s-Santu jittrasforma lill-persuna minn ġewwa u jista’ jdawwal lill-oħrajn u d-dinja tal-madwar.  Kemm drabi rajna persuni li jdawlu, li minn għajnejhom jilma d-dawl, li għandhom ħarsa tiddi!  Jitolbu u t-talb dan jagħmel: jagħmilna niddu bid-dawl tal-Ispirtu s-Santu.

Inkomplu bil-ferħ dan il-vjaġġ tar-Randan.  Nagħtu wisa’ lit-talb u lill-Kelma t’Alla, li f’dal-ġranet il-liturġija ttina bl-abbundanza.  Il-Verġni Marija tgħallimna nibqgħu ma’ Ġesù anki meta ma naħkmuhx u meta ma nifhmuhx.  Għax il-glorja narawha biss dment li aħna nibqgħu miegħu.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

f’dawn il-jiem, flimkien man-niket minħabba l-gwerer u l-kunflitti li qatt ma jehdew jifilġu l-umanità kollha, żdied ukoll dak għall-vittmi tal-attentat orribbli fuq żewġ moskej fi Christchurch, fi New Zealand.  Nitlob għall-mejtin, għall-feruti u għall-familjari tagħhom.  Jien qrib ħutna l-musulmani u qrib dik il-komunità kollha.  Inġedded l-istedina biex ningħaqdu fit-talb u f’ġesti ta’ paċi ħalli niġġieldu l-mibgħeda u l-vjolenza.  Nitolbu flimkien, fis-skiet, għal ħutna musulmani li nqatlu (waqt ta’ talb fis-skiet).

Insellem minn qiegħ qalbi lilkom ilkoll li tinsabu hawn: fidili minn Ruma u minn tant inħawi tad=-dinja.  Insellem lill-pellegrini mill-Polonja, lil dawk minn Valencia fi Spanja, u lil dawk minn Cajazeiras fil-Brażil u Bengal u Angola.  Kemm hawn Angolani!

Insellem lill-gruppi parrokkjali ġejjin minn Verona, Quarto di Napoli u Castel del Piano f’Perugia; lill-istudenti minn Corleone, lill-abbatini minn Brembo in Dalmine u lill-assoċjazzjoni “Uno e Cento” minn Padova.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti  mit-Taljan minn Joe Huber