IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 17 ta’ Frar, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum (cfr Lq 6,17.20-26)  jippreżentalna l-Beatitudnijiet fil-verżjoni skont San Luqa.  It-test hu maqsum f’erba’ Beatitudnijiet u erba’ twissijiet li jibdew bil-frażi: “ħażin għalikom”.  B’dal-kliem qawwi, li jaqta fil-laħam il-ħaj, Ġesù jiftħilna għajnejna, jurina kif inħarsu bl-għajnejn tiegħu, lil hinn mill-apparenzi, lil hinn mill-qoxra ta’ barra u jgħallimna ngħarblu s-sitwazzjonijiet, bil-fidi.

Il-foqra, l-imġewħin, l-imnikkta, il-persegwitati, Ġesù, jiddikjara  li huma “beati”, “imberkin”; u jwiddeb lill-għonja, li imxebbgħin, lil dawk li jidħku u li n-nies jammirawhom.  Ir-raġuni ta’ dil-Beatitudni paradossali hija l-fatt li Alla hu qrib ta’ min ibati u jidħol għalihom biex jeħlishom mill-jasar tagħhom; Ġesù dan jarah, diġà jara l-beatitudni lil hinn mir-realtà negattiva.  Hija l-istess “ħażin għalikom” lil min illum jgħaddiha tajjeb, isservi sabiex “tqajjimhom” mill-ingann perikoluż tal-egoiżmu u jiftaħhom għal-loġika tal-imħabba, dment li għad għandhom iż-żmien.

Għalhekk, il-paġna tal-Evanġelju tal-lum tistedinna biex nirriflettu fuq is-sens profond ta’ xi jfisser li jkollok il-fidi, li tikkonsisti filli jkollok fiduċja sħiħa fil-Mulej.  Ifisser li tkisser l-idoli mondani biex tiftaħ qalbek għal Alla ħaj u veru; Huwa biss jista’ jagħti l-milja tant mixtieqa iżda tant diffiċli biex tintlaħaq, lill-eżistenza tagħna.  Ħuti, infatti huma bosta dawk li fi żmienna wkoll, joffru ruħhom bħala distributuri tal-hena: jiġu u jwiegħdu s-suċċess f’qasir żmien, qligħ kbir miksub malajr, soluzzjonijiet maġiċi għal kull problema, u aktar.  Hawnhekk faċli naqgħu fid-dnub kontra l-ewwel Kmandament bla ma nindunaw: jiġifieri l-idolatrija, nibdlu lil Alla ma’ xi idolu.  L-idolatrija u l-idoli donnhom jidhru xi ħaġa ta’ żminijiet oħra, iżda fir-realtà jinsabu fiż-żminjiet kollha.  Anki fiż-żminijiet tal-lum.  Dawn jiddeskrivu ċerti atteġġjamenti ta’ żmienna aħjar minn ħafna analiżi soċjoloġiċi.

Huwa għalhekk li Ġesù jiftħilna għajnejna dwar ir-realtà.  Aħna msejħin għall-hena, sabiex inkunu “beati”, u nistgħu nsiru hekk minn issa, daqskemm aħna lesti li nkunu man-naħa ta’ Alla, mas-Saltna tiegħu, man-naħa ta’ dak li mhux effimeru imma li jibqa’ għall-eternità.  Inkunu hienja jekk nagħrfu li quddiem Alla aħna dejjem fil-bżonn – u dan importanti ħafna: “Mulej, għandi bżonnok” - u jekk bħalu u miegħu, inkunu qrib il-foqra, l-imnikktin u l-imġewħin.  Aħna wkoll l-istess aħna quddiem Alla: foqra, imnikktin, bil-ġuħ quddiem Alla.  B’hekk niksbu l-ħila li nifirħu kull darba li l-ġid li għandna f’din id-dinja, ma nagħmluhx idolu u nbiegħulu ruħna, imma jkollna ħila naqsmuh ma’ ħutna.  Dwar dan, il-liturġija tal-lum tisdennina għal darb’oħra biex nixtarruh u biex fi qlubna nisslu l-verità.

Il-Beatitudnijiet ta’ Ġesù huma messaġġ deċisiv, li jixprunana biex ma nqiegħdux il-fiduċja tagħna fl-affarijiet materjali li jgħaddu, biex ma nfittxux l-hena mingħand min ibegħelna d-duħħan – li bosta drabi huma bejjiegħa tal-mewt – il-professjonisti tal-illużjoni.  M’għandniex immorru warajhom għax huma m’għandhomx ħila jtuna t-tama.  Il-Mulej jgħinna niftħu għajnejna, biex niksbu ħarsa ġdida li tirfed ir-realtà aktar fil-fond, biex infiequ mill-vista qasira kronika li biha jniġġisna l-ispirtu tad-dinja.  Bil-kelma paradossali tiegħu iċaqlaqna u jgħinna naraw x’inhu dak li verament jgħanina, jaqtgħalna l-għatx, itina l-ferħ u d-dinjità.  Insomma, dak li verament jagħti sens u milja lil ħajjitna.  Il-Verġni Marija tgħinna nisimgħu dan l-Evanġelju b’moħħ u qalb miftuħa, sabiex ikattar il-frott fil-ħajja tagħna u nsiru xhieda tal-hena li ma tiddiżappuntana qatt, dik ta’ Alla li ma jiddiżappuntana qatt.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

min-nhar il-Ħamis sal-Ħadd li ġej, fil-Vatikan se jiltaqgħu l-presidenti tal-Konferenzi Episkopali kollha dwar it-tema tal-ħarsien tal-minuri fil-Knisja.  Nistieden it-talb għal dan l-appuntament li jien ridtu biex ikun att qawwi ta’ responsabbiltà pastorali quddiem sfida urġenti ta’ żmienna.

Insellem lill-familji, lill-parroċċi, lill-assoċjazzjonijiet u lil kull min ġie Ruma mill-Italja u minn kull naħa tad-dinja; partikolarment lill-pellegrini li ġejjin mill-Kroazja, minn Tolone, Marsilja u Londra; lill-istudenti minn Pariġi u Badajoz.   Insellem lill-fidili minn Sassari, Fermo, Castiglione del Lago, Concorezzo; lil-familji mit-Trentino Alto Adige u lill-pellegrini mid-djoċesi ta’ Vicenza.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!.

 

Miġjub għall-Malti  mit-Taljan minn Joe Huber