IL-PAPA FRANĠISKU

ANĠELUS

Pjazza San Pietru
il-Ħadd, 16 ta’ Settembru, 2018

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fis-silta tal-Evanġelju tal-lum (cfr Mk 8,27-35), ittenni ruħha l-mistoqsija li tidwi tul l-Evanġelju ta’ Marku: min hu Ġesù ?  Iżda did-darba huwa Ġesù stess li jgħamel il-mistoqsija lid-dixxipli, u bil-ftit il-ftit jgħinhom jaffrontaw il-mistoqsija dwar l-identità tiegħu.  Qabel ma talab direttament lilhom, lit-Tnax, Ġesù jrid ikun jaf mingħandhom x’jaħsbu dwaru n-nies – u jaf tajjeb ħafna li d-dixxipli huma sensittivi ħafna  dwar il-popolarità tal-Imgħallem!  Għalhekk jistaqsi: “In-nies min jgħidu li jien?” (v. 27).  Minn dan jirriżulta li Ġesù hu meqjus mill-poplu bħala profeta kbir.  Imma fil-verità lilu ma jinteressawhx l-indaġni u t-tpaċpiċ tan-nies.  Hu lanqas ma jaċċetta li d-dixxipli tiegħu iweġbu l-mistoqsijiet tiegħu b’formuli ‘ready made’, billi jikkowtaw pesunaġġi famużi mill-Iskrittura Mqaddsa, għax fidi li tirriduċi ruħha f’formuli hi fidi bil-vista qasira.

Il-Mulej irid li d-dixxipli tiegħu tal-bieraħ u tal-lum miegħu jkollhom relazzjoni personali, u b’hekk jilqgħuh fiċ-ċentru ta’ ħajjithom.  Għalhekk hu jixprunahom biex iqegħedu lilhom infushom bil-verità sħiħa bħal f’mera u jistaqsi: “Imma intom, min tgħidu li jien?” (v.29).  Illum, Ġesù qed jagħmel dil-mistoqsija diretta u kunfidenzjali lil kull wieħed u waħda minna: “Int min tgħid li jien?”  Intom min tgħidu li jien?” “Min jien, jien, għalik?”  Kulħadd għandu jwieġeb f’qalbu mdawwal mid-dawl li l-Missier itina biex aħna nagħrfu lil Ibnu.  U jista’ jiġri lilna wkoll, bħalma ġara lil Pietru, li bl-entużjażmu naffermaw “Int, Kirstu”.  Però, meta mbagħad Ġesù jgħidilna ċar u tond dak li qal lid-dixxipli tiegħu, jiġifieri li l-missjoni tiegħu mhix dik tat-triq wiesa tas-suċċess, imma l-mogħdija iebsa tal-Qaddej li jbati, umiljat, irrifjutat u msallab, allura jista’ jiġri  lilna wkoll, bħalma ġar lil Pietru, li nipprotestaw u nirribellaw għax dan ikun kuntrast mal-istennija tagħna, l-istennija mondana.  F’dawk il-waqtiet aħna wkoll ikun jistħoqqilna ċ-ċanfira utli ta’ Ġesù: Itlaq minn quddiemi, ja xitan, għax m’intix taħseb fil-ħwejjeġ ta’ Alla, imma f’dawk tal-bnedmin!” (v. 33).

Ħuti, l-istqarrija tal-fidi f’Ġesù Kristu ma tistax tieqaf mal-kliem biss, imma titlob li tkun awtentikata b’’għażliet u ġesti konkreti, b’ħajja mmarkata bl-imħabba t’Alla, b’ħajja kbira, b’ħajja mimlija mħabba lejn il-proxxmu.  Ġesù jgħidilna li biex nimxu warajh, biex inkunu dixxipli tiegħu, jeħtieġ li niċħdu lilna nfusna (cfr v. 34), jiġifieri l-pretensjonijiet li jiġu mill-kburija egoista personali, u nerfgħu salibna.  Imbagħad jagħti lil kulħadd regola fundamentali.  U liema hi dir-regola?  “Min irid isalva ħajtu, jitlifha”.  Spiss fil-ħajja, għal ħafna raġunijiet, niżbaljaw it-triq għax infittxu l-hena biss fi-ħwejjeġ materjali jew fil-persuni li nittrattawhom bħala oġġetti.  Imma l-hena nsibuha biss meta l-imħabba, dik vera, tiltaqa’ magħna, tissorprendina, tibdilna.  L-imħabba tibdel kollox!  U l-imħħabba tista’ tibdel lilna wkoll, kull wieħed u waħda minna.  Dan turih ix-xhieda tal-qaddisin.

Il-Verġni Marija, li għexet il-fidi tagħha miexja fedelment wara Binha Ġesù tgħin lilna wkoll biex nimxu fit-triq tiegħu, billi ħajjitna nagħtuha bil-ġenerożità lilu u lil ħutna.

         

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

ilbieraħ mort Piazza Armenrina u Palermo, fi Sqallija, fuq żjara pastorali fl-okkażjoni tal-25 anniversarju mill-mewt tal-Beatu Pino Puglisi (applaws).  Applaws lil Dun Pino!

Irrodd ħajr minn qalbi lill-awtoritajiet ċivili u ekkleżjastiċi u lill-persuni kollha li taw sehemhom biex dal-vjaġġ seta’ jseħħ.  Irrodd ħajr lill-piloti bravi tal-ajruplan u tal-ħelikopter.  Irrodd ħajr b’mod partikolari lill-għeżież isqfijiet Rosario Gisana u Corrado Lorefice għas-servizz pastorali eċċellenti tagħhom.  Irrodd ħajr liż-żgħażagħ, lill-familji u lill-poplu kollu meraviljuż ta’ din l-art mill-isbaħ, Sqallija, għall-merħba mimlija entużjażmu li tawni.  Jalla l-eżempju u x-xhieda ta’ Dun Puglisi jkomplu jdawlu lilna lkoll u jikkonfermawlna li t-tajjeb hu aktar qawwi mill-ħażen, l-imħabba aktar qawwija mill-mibgħeda.  Il-Mulej ibierek lilkom, Sqallin, u artkom!  Applaws lill-Isqalllin!

Għeżież ħuti, insellmilkom ilkoll minn qiegħ qalbi, Rumani u pellegrini ġejjin minn diversi pajjiżi: familji, gruppi parrokkjali, assoċjazzjonijiet.

Insellem lill-parteċipanti tal-assemblea “Missio Giovani: tal-Opra Missjunarja Pontifiċja u nħeġġiġhom biex ikunu xhieda tal-imħabba ħanina ta’ Ġesù;

Insellem lill-għalliema u lill-istudenti tal-lingwa Latina tal-Kulleġġ ‘Corderius’ minn Amersfoort: Valete dilectissimi!

Insellem li dawk li għamlu l-Griżma minn Marsan (Vicenza) u lill-mużiċisti Svizzeri minn Oron-la-Ville.  Qed nara wkoll grupp sabiħ min-Nikaragwa.  Insellmilkom!

Illum, jumejn wara l-Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib, ħsibt li lilkom li tinsabu hawn intikom kurċifiss bħala rigal.  Hawn hu (jurih lill-folla).  Il-kurċifiss hu sinjal tal-imħabba t’Alla, li f’Ġesù ta ħajtu għalina.  Nistedinkom biex tilqgħu dar-rigal u teħduh id-dar, fil-kamra ta’ wliedkom, jew tan-nanniet..., f’xi rokna tad-dar imma fejn jidher.  Mhux oġġett ta’ tiżjin, imma sinjal reliġjuż biex nikkuntemplawh u nitolbuh.  Meta nħarsu lejn Ġesù, inkunu qed inħarsu lejn is-salvazzjoni tagħna.  Tħallsu xejn.  Jekk xi ħadd jgħidilkom li tridu tħallsu jkun qed jidħak bikom!  Le, xejn!  Dan hu rigal tal-Papa.  Irrodd ħajr lis-sorijiet, lill-foqra u lir-rifuġjati li issa se jqassmulkom dar-rigal, żgħir imma prezzjuż!  Bħal dejjem il-fidi tiġi miż-żgħar, mill-umli.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber