IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 13 ta' Ottubru, 2019

 

Qabel ma ntemm din iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika nixtieq insellem u rodd ħajr lilkom ilkoll.

Irrodd ħajr lill-aħwa Kardinali u Isqfijiet kif ukoll lis-saċerdoti, lir-reliġjużi rġiel u nisa ġejjin minn kull rokna tad-dinja, speċjalment dawk li jiffurmaw parti mill-familji spiritwali tal-Qaddisin il-ġodda.  Insellem lill-fidili lajċi li nġabru hawn.

Insellem lid-Delegazzjonijiet uffiċjali minn diversi pajjiżi, partikolarment lis-Sur President tar-Repubblika tal-Italja u l-Altezza Tiegħu il-Prinċep ta' Wales.  Fil-fatt, bix-xhieda evanġelika tagħhom dawn il-qaddisin kienu ta' fejda għat-tkabbir spiritwali u soċjali fin-nazzjonijiet rispettivi tagħhom.

Ħsieb speċjlai jmur lejn il-delegati tal-Komunjoni Anglikana, bi gratitudni sinċiera għall-preżenza tagħhom ukoll, nagħti merħba lilek, għażiż ħija, Isqof ġdid hawn f'Ruma.

Insellem lilkom ilkoll pellegrini, kif ukoll lil kull min segwa dil-quddiesa permezz tar-radju u tat-televiżjoni.  Tislima speċjali tmur lejn il-fidili mill-Polonja li llum qed jiċċelebraw Jum il-Papa: irroddilhom ħajr għat-talb tagħhom u għall-imħabba tagħhom li qatt ma tnin.

U ħsiebi jmur mill-ġdid lejn il-Lvant Nofsani.  B'mod partikolari, lejn il-maħbuba Sirja minn fejn qed jaslu mill-ġdid aħbarijiet drammatiċi dwar ix-xorti tal-popolazzjonijiet tal-grigal tal-pajjiż, imġegħelin jaħarbu minn djarhom minħabba l-azzjoni militari: fost dawn il-popolazzjonijiet hemm ukoll bosta familji kristjani.  Lill-atturi kollha u wkoll lill-komunità internazzjonali: jekk jogħġobkom, inġedded l-appell biex timpenjaw ruħkom bis-sinċerità, bl-onestà u bit-trasparenza fit-triq tad-djalogu sabiex jinstabu soluzzjonijiet effikaċi.

Flimkien mal-membri kollha tas-Sinodu tal-Isqfijiet għar-Reġjun Panamażżoniku, speċjalment dawk mill-Ekwador, qed insegwi bi tħassib dak li qed iseħħ tul l-aħħar ġimgħat f'dak il-pajjiż.  Nafda (lil dal-pajjiż) fit-talb ta' kulħadd u fl-interċessjoni tal-Qaddisin il-ġodda, u ningħaqad man-niket għall-mejtin, il-miġrugħin u l-imtarrfin.  Inħeġġeġ sabiex issir ħidma biex tinkiseb il-paċi soċjali, b'attenzjoni partikolari għall-popolazzjonijiet l-aktar vulnerabbli, għall-foqra u għad-drittijiet umani.

U issa nduru lejn il-Verġni Marija, mudell tal-perfezzjoni evanġelika sabiex tgħinna nimxu fuq l-eżempju tal-qaddisin il-ġodda.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber