IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 12 ta’ Awwissu, 2018

 

Għeżież ħuti u għeżież żgħażagħ Taljani, il-jum it-tajjeb!

Fit-tieni qari tal-lum, San Pawl jagħmlilna stedina urġenti: “Tnikktux lill-Ispirtu s-Santu ta’ Alla, li li fih intom issiġillati għall-jum tal-fidwa” (Ef 4,30).

Iżda jien nistaqsi: kif innikktuh lill-Ispirtu s-Santu?  Ilkoll irċevejnih fil-Magħmudija u fil-Ġriżma, għalhekk, biex ma nnikktux lill-Ispirtu s-Santu, jeħtieġ li ngħejxu b’mod koerenti mal-wegħdiet tal-Magħmudija, imġeddin fil-Griżma.  B’mod koerenti u mhux bl-ipokrisija: tinsewhx dan.  In-nisrani ma jistax ikun ipokrita: għandu jgħejx b’mod koerenti.  Il-wegħdiet tal-Magħmudija għandhom żewġ aspetti: ċaħda tal-ħażen u rabta mat-tajjeb.

Li tiċħad il-ħażen ifisser li tgħid “le” għat-tentazzjonijiet, għad-dnub, lil satana.  Aktar fil-konkret ifisser li tgħid “le” għall-kultura tal-mewt, li tidher fil-ħarba mir-realtà lejn hena falz li jesprimi ruħu fil-gidba, fil-frodi, fl-inġustizzja, fid-disprezz lejn ħaddieħor.  “Le” għal dan kollu.  Il-ħajja ġdida li nagħtatilna fil-Magħmudija, li l-għajn tagħha huwa l-Ispirtu s-Santu, tiċħad aġir maħkum minn sentimenti ta’ firda u nuqqas ta’ qbil.  Għalhekk l-Appostlu Pawlu iħeġġiġna biex inneħħu minn qlubna “kull imrar, saħna, tagħjir, korla, għajat u kull xorta ta’ ħażen ieħor” (v. 31).  Hekk jgħid Pawlu.  Dawn is-sitt elementi jew vizzjijiet, li jfixklu l-ferħ tal-Ispirtu s-Santu, javvelenaw il-qalb u jwassluna biex nisħtu lil Alla u lill-proxxmu.

Iżda mhux biżżejjed li ma nagħmlux il-ħażin biex inkunu nsara tajba; jeħtieġ ukoll nintrabtu mat-tajjeb.  Hekkhu, għalhekk li San Pawl ikompli: “Kunu twajba ma’ xulxin, ħennu għal xulxin, aħfru lil xulxin bħalma Alla ħafer llkom fi Kristu” (v. 32).  Bosta drabi nisimgħu min jgħid: “Jien ma nagħmek deni lil ħadd”.  U jaħseb li hu qaddis.  Sewwa, imma tagħmel it-tajjeb?  Kemm persuni ma jagħmlux il-ħażin, waqt li ħajjithom għaddejja fl-indifferenza, fl-apatija, fil-bruda.  Dan l-atteġġjamnet hu kontra l-Evanġelju, u huwa wkoll kontra n-natura tagħkom iż-żgħażagħ, li fin-natura tagħkom intom dinamiċi, appassjonati u kuraġġużi.  Ftakruh dan – jekk tiftakruh nistgħu ntennuh flimkien; Hu sewwa li ma tagħmilx il-ħażin, imma hu ħażin li ma tagħmilx it-tajjeb.  Dan kien jgħidu San Alberto Hurtado.

Illum inħeġġiġkom biex tkunu protagonisti fit-tajjeb!  Protagonisti fit-tajjeb.  Tħossukomx komdi għax mhux tagħmlu l-ħażin; kull wieħed u waħda għandu l-ħtija tat-tajjeb li seta’ għamel u ma għamlux.  Mhux biżżejjed li ma tobgħodx, jeħtieġ taħfer; mhux biżżejjed li ma jkollox imrar f’qalbek, jeħtieġ titlob għall-għedewwa: mhux biżżejjed li ma tkun mezz ta’ firda, jeħtieġ iġġib il-paċi fejn m’hemmx; mhux biżżejjed ma tqassasx fuq għajrek, jeħtieġ twaqqaf  li min ikun qed jgħid xi ħaġa ħażina dwar ħaddieħor: twaqqaf it-tpaċpiċ: dan ifisser li tagħmel it-tajjeb.  Jekk ma neħduhiex kontra l-ħażen, inkunu qed inkebbsuh bla ma nitkellmu.  Jeħtieġ li noperaw fejn joktor il-ħażen; għax il-ħażen joktor fejn hemm nuqqas ta’ nsara qalbiena li jeħduha kontrih bit-tajjeb, “billi nimxu fl-imħabba” (cfr 5,2), kif wissiena San Pawl.

Għeżież żgħażagħ, f’dal-ġranet imxejtu ħafna!  Għalhekk imħarrġin sew u nista’ ngħidilkom: imxu fil-karità, imxu fl-imħabba!  U ejjew nimxu flimkien lejn is-Sinodu tal-Isqfijiet li ġej.  Il-Verġni Marija ssostnina bl-interċessjoni materna tagħha, sabiex kull wieħed u waħda minna, kuljum, bil-fatti, jkun jista’ jgħid “le” għall-ħażen u “iva” għat-tajjeb.s

 

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

insellem lilkom ikoll, Rumani u pellegrini ġejjin minn tant inħawi tad-dinja.

Insellem partikolarment liż-żgħażagħ tad-djoċesijiet Taljani, akkumpanjati mill-Isqfijiet tagħhom, mis-saċerdoti u mill-edukaturi. F’dal-ġranet imlejtu t-toroq ta’ Ruma bl-entużjażmu u l-fidi tagħkom.  Nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom u għax-xhieda nisranija tagħkom!  U l-bieraħ, meta kont qed nirringrazzja, insejt ngħid kelma lir-rgħajja, li huma dawk l-aktar qribkom:  irrodd ħajr kbir lis-saċerdoti, irroddilhom ħajr għax-xogħol li jagħmlu kull jum, irroddilhom ħajr għall-paċenzja – għax irid ikollok il-paċenzja biex taħdem magħkom!  Il-paċenzja tas-saċerdoti… - nirringrazzjakom ħafna, ħafna, ħafna…  U rajt ukoll bosta sorijiet li jaħdmu magħkom: lis-sorijiet ukoll, grazzi ħafna.

U l-gratitudni tiegħi tmur ukoll lejn il-Konferenza Episkopali Taljana – li hawn hi rappreżentata mill-President, il-Kardinal Gualtiero Bassetti – li organiżżat dil-laqgħa taż-żgħażagħ bi tħejjija għas-Sinodu tal-Isqfijiet li dalwaqt jasal.

Għeżież żgħażagħ, meta tmorru lura fil-komunitajiet tagħkom, kunu xhieda għal min hu tamparkom, u għal kull min tiltaqgħu miegħu, tal-ferħ tal-fraternità u tal-komunjoni li intom ħassejtu f’dal-ġranet ta’ pellegrinaġġ u ta’ talb.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Nawguralkom il-vjaġġ it-tajjeb lura lejn djarkom.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija!  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber